Rigoletto b'dedika speċjali għal Paul Asciak
L-opra Rigoletto fit-Teatru Aurora
Il-Gaulitanus Choir ser jiddedika l-opra Rigoletto lill-memorja ta’ Paul Asciak. Dan wara li din l-opra ser tkun propju l-ewwel waħda mit-telfa tiegħu. Asciak huwa mfakkar għall-kontribuzzjoni tiegħu lix-xeni mużikali lokali, partikolarment grazzi għall-karriera internazzjonali tiegħu – fejn anke kanta fir-Rigoletto, għall-involviment tiegħu fl-amministrazzjoni mużikali u speċjalmenet bħala l-għalliem ta’ Joseph Calleja. Paul kien ukoll segwaci tal-Gaulitanus Choir, fejn sikwit kien jattendi attivitajiet tal-istess kor, bl-aħħar waħda tkun fl-opra Tosca ta’ sena ilu.
Rigoletto, l-avveniment prinċipali tad-9 edizzjoni tal-Gaulitana: A Festival of Music ser tippreżenta lill-baritonu Taljan Piero Terranova fl-irwol prinċipali, lis-sopran mill-Moldova Natalia Roman bħala Gilda u Giorgio Casciarri fil-parti tad-Duka. Il-produzzjoni, l-istess li ġiet imxandra mir-Rai Mondovisione fis-swali taċ-ċinema mondjali, se tkun f’idejn Enrico Castiglione. Ix-xenarji huma wkoll f’idejh waqt li l-kostumi rikki huma b’disinn ta’ Sonia Cammarata. L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (Leader: Marcelline Agius) se tkun taħt Colin Attard, isem rinomat sew mal-produzzjonijiet operistiċi f’pajjiżna kif ukoll id-direttur artistiku tal-Gaulitana.
Il-produzzjoni tar-Rigoletto se tintroduċi wkoll il-pre-opera talk f’Għawdex. Fil-fatt, Albert G. Storace, sinonimu ma’ dawn l-attivitajiet, se jkun qed jitkellem dwar l-opra Verdjana waqt li jagħmel riflessjoni qasira fuq Paul Asciak. Din se tinżamm fis-Sala Francesco Masini, fl-Aurora, fis-7pm.
Bice, il-mara ta’ Paul Asciak, se tkun il-mistiedna specjali tas-serata.
Rigoletto tal-Gaulitanus ser tittella’ fit-Teatru tal-Opra Aurora il-Gimgha, 22 ta’ Mejju @ 2000hrs. Il-biljetti ivarjaw minn €80 sa €30, apparti biljetti ghall-istudenti ghall-prezz ta’ €20 Dawn jistghu jinxtraw online minn www.teatruaurora.com jew permezz tal-helpline tat-Teatru, 79045779.