Mill-Imqabba sa Ruma għall-Madonna tal-Ġilju
Delegazzjoni mill-Imqabba se tkun il-mistiedna speċjali għall-festa tal-Madonna tal-Ġilju f'Anticoli Corrado, qrib Ruma
F’dawn l-aħħar żewġ deċenji, nteress partikolari ġdid beda’ jinħass fis-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju u l-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Imqabba. Dan kien li jkun hemm aktar għarfien profond f’dak li jirrigwardja l-kult tal-Madonna tal-Ġilju li milli jidher kien wieħed b’saħħtu f’pajjizna, pero’ llum il-ġurnata nistgħu ngħidu li r-raħal tal-Imqabba huwa l-esponent ewlieni tiegħu. Dan l-istudju daħal għalih l-Arkivista Nazzjonali u Partitarju tas-Soċjeta’, s-Sur Charles Farrugia u laħaq il-quċċata tiegħu permezz tat-tnedija tal-ktieb akkademiku “Sicut Lilium: Devozzjoni u Ritwal tul is-Sekli”, li s-Soċjeta’ Muzikali Madonna tal-Ġilju ppubblikat erba’ snin ilu fl-okkazjoni tal-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha.
Xi snin ilu, ġew identifikati diversi lokalitajiet, b’mod partikolari Taljani li bħall-Imqabba, iħaddnu devozzjoni speċjali lejn il-Madonna tal-Ġilju. Ewlieni fosthom huwa l-villaġġ t’Anticoli Corrado, fil-Provinċja ta’ Ruma.
Din is-sena delegazzjoni mill-“Confraternita’ della Madonna del Giglio ed Immacolata Concezione” t’Anticoli Corrado kienet il-mistiedna speċjali, fl-okkazjoni taċ-ċelebrazzjonijiet speċjali tal-Festa tal-Madonna tal-Ġilju. Id-delegazzjoni, ffurmata mill-Kappillan tal-villaġġ, Don Anacleto Giagnori, ir-Rettriċi tal-Fratellanza tal-Madonna tal-Gilju u tal-Immakulata Kunċizzjoni Rossella Riccioluti flimkien ma’ żewġha Giuseppe Fabbi u s-Sindku t’Anticoli Corrado Roberto Falconi, flimkien ma’ diversi persuni distinti oħrajn qattgħu ġimgħa sħiħa fl-Imqabba biex jammiraw Festa tradizzjonali kompluta u kif din id-devozzjoni partikolari hija manifestata f’dan ir-raħal.
Il-grupp Taljan kien prezenti waqt il-Kunċert Vokali u Strumentali mill-Banda Madonna tal-Ġilju fuq il-Planċier Meravilja fil-Pjazza ewleinja tal-Imqabba li kien taħt il-Patroċinju Distint tal-Eċċ. Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta. Wara li f’Settembru li għadda s-Soċjeta’ Muzikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba pprezentat kopja tal-Kwadru Mirakoluz tal-Madonna tal-Ġilju, mpitter mill-artista Mqabbija Maria Tonna biex jiġi espost fil-Knisja t’Anticoli Corrado, din id-darba ġie pprezentat rigal ieħor ta’ valur.
Fil-fatt, l-iskultur Imqabbi, Antoine Farrugia, naqqax statwa tal-ġebel li tirraffigura lill-Madonna tal-Ġilju. Din ġiet ipprezentata lid-delegazzjoni Taljana biex joħduha magħhom u jpoġġuha fin-niċċa li tinsab mal-faċċata tas-Santwarju tagħhom, dedikat lill-Madonna tal-Ġilju. Ta’ min jgħid li din in-niċċa ilha sa mit-Tieni Gwerra Dinjija vojta, wara ħsarat li ġarrbet l-istess binja. Waqt il-kxif ta’ din l-istatwa, u biex tibqa’ mfakkra din iz-zjara, il-Banda Madonna tal-Ġilju eżegwiet l-innu “Mira il tuo Popolo”, li huwa l-innu tal-Madonna tal-Ġilju t’Anticoli Corrado.
Għaldaqstant, bejn il-11 u s-16 ta’ Settembru li ġej, delegazzjoni mill-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni u s-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba, mmexxija mis-Sur Teddy Farrugia, ser ikunu l-mistiedna speċjali ġewwa Anticoli Corrado għall-Festi f’ġieħ il-Madonna tal-Ġilju. Il-qofol ta’ din iż-żjara ser ikun mingħajr dubju l-inawgurazzjoni u t-tqegħid tal-istatwa tal-Madonna tal-Ġilju mal-faċċata tas-Santwarju dedikat lilha. Il-Banda Taljana, b’mod simboliku ser teżegwixxi l-Innu lill-Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba, xogħol klassiku ta’ Mro Joseph Darmanin, li huwa missier l-ewwel Banda Mqabbija.
Is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju flimkien mal-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni tal-Imqabba tesprimi s-sodisfazzjon tagħha filwaqt li tħares il-quddiem għal aktar inizzjattivi fuq bażi internazzjonali li jkomplu jkabbru d-devozzjoni u l-kult antik lejn il-Padruna tagħna Ommna Marija Immakulata Kunċizzjoni taħt it-titolu singulari minn Tal-Ġilju.