Trid tkun taf aktar dwar saħħtek? Attendi l-festival Xjenza fil-Belt

L-istudenti tad-Dentistrija ser ikunu qed jorganizzaw għadd ta’ attivitajiet għat-tfal filwaqt li joffru pariri dwar is-saħħa orali.
L-istudenti tad-Dentistrija ser ikunu qed jorganizzaw għadd ta’ attivitajiet għat-tfal filwaqt li joffru pariri dwar is-saħħa orali.

Tixtieq tkun taf kif tista’ tipprevjeni mard fil-kliewi? Kif il-ġenetika qed tintuża biex tiġġieled kontra mard mhux komuni? Dwar il-programmi ta’ riċerka kontra l-kanċer tas-sider li għaddejjin bħalissa fl-Università ta’ Malta? Jew trid tiċċekkja s-snin u fl-istess waqt tipparteċipa fir-riċerka?

Zona ddedikata għas-saħħa, ġenetika u mard rari ser tittella’ fi Triq l-Ordinanza, bejn il-Parliament il-ġdid u t-Teatru Rjal fil-belt Valletta, bħala parti mill-festival Xjenza fil-Belt nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Settembru mis-6pm ’il quddiem. Din iz-zona, li hi b’kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta, l-Isptar Mater Dei u l-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT), ser tkun kollha tittratta s-saħħa u r-riċerkaturi li jmorru oltre għal riċerka ġdida u kura ġdida.Ir-riċerkaturi u l-istudenti tax-xjenza ser ikunu qed juru kif taħdem kilwa permezz ta’ mudell tal-organu li jiffunzjona. Ser ikun hemm ukoll magna tad-dijalisi, u live dissections. Il-ħsieb hu li jikber l-għarfien dwar is-saħħa u fl-istess waqt tkun iċċelebrata t-tnedija tal-Programm ġdid tar-Riċerka tal-Kliewi li għandu l-appoġġ tal-Fondazzjoni LifeCycle Malta.

Ir-riċerkaturi ta’ thalassemia u mard ieħor fid-demm ser ikollhom mikroskopji fejn juru għadd ta’ kundizzjonijiet u jitkellmu dwar l-importanza tat-transfuzjoni tad-demm.

Fl-istand tad-DNA, individwi ser ikunu jistgħu jiġbru d-DNA u jaraw kif tkun isseparata u studjata. Ir-riċerkaturi u l-istudenti ser ikunu preżenti biex jitkellmu mal-pubbliku u anki jgħinu liż-żgħażagħ b’pariri dwar x’għandhom jagħmlu jekk jitħajru jagħżlu din il-karriera.Se jkun hemm l-introduzzjoni tal-Malta BioBank. Dan jifforma parti mill-Infrastruttura tar-Riċerka tal-BioBanks mifruxa mal-UE. Dan il-Bank jagħmel possibbli riċerka importanti dwar mard rari u studji fuq il-ġenetika tal-popolazzjoni. Fi ftit żmien ieħor ser ikun possibbli biex persuna tipparteċipa f’din ir-riċerka importanti permezz ta’ donazzjoni ta’ kampjuni u tagħrif dwar is-saħħitha.

Stand ieħor fil-qrib ser ikun hemm mgħammar b’mudelli 3D tal-molekuli. Wieħed ser ikun jista’ wkoll jibni d-DNA tiegħu wkoll. Ser ikun hemm 3D printer mudelli tal-molekuli fuq l-istand.Ir-riċerka li għaddejja bħalissa kontra l-kanċer tas-sider fl-Università ta’ Malta, għandha l-appoġġ tal-fondi tal-UE u organizzazzjonijiet lokali mhux għall-profitt fosthom l-ALIVE Charity Foundation, il-Fondazzjoni Azzjoni għal Kanċer tas-Sider u Europa Donna. Iċ-ċiklisti li ġabru l-fondi ser ikunu preżenti waqt il-festival.
Il-mobile dental clinic ser tkun preżenti biex tkun tista’ tkompli fl-istħarriġ nazzjonali dwar is-saħħa orali filwaqt li toffri pariri u servizzi ta’ testijiet dentali mingħajr ħlas. Flimkien ma’ din il-klinika,  l-istudenti tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tad-Dentistrija (MADS) ser ikunu qed iwasslu attivitajiet, esperimenti, logħob u pariri dwar is-saħħa orali. Ser ikun hemm ukoll sezzjoni għat-tfal b’tooth fairies li jqassmu l-bżieżaq, logħob, stampi bil-kulur u għadd ta’ attivitajiet oħra għat-tfal.

Il-festival Xjenza fil-Belt – Lejlet ir-Riċerkaturi Ewropej għandu l-appoġġ tal-Programm Ewropew Marie Skłodowska-Curie Action of the Horizon 2020 (H2020), u hu organizzat mill-Università ta’ Malta, il-Fond tar-Riċerka tal-Università (RIDT) u l-Kamra Maltija tax-Xjentisti. Il-festival kiseb rikonoxximent mill-Ewropa għal Festivals, Festivals għal Ewropa (EFFE - Europe for Festivals, Festivals for Europe).

Il-festival għandu l-appoġġ tar-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, is-Segretarju Parliamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sports, Karl Borg Events, il-Bank Ċentrali ta’ Malta, MCAST, MCST, Studio 7, Spazju Kreattiv, MEUSAC, PBS, Levo Laboratories, il-Kunsill Lokali ta’ Valletta, Notte Bianca, il-Kunsill Malti tal-Arti, Thought 3D, u General Soft Drinks b’Coca Cola. 

Il-programm sħiħ se jkun fuq il-websajt tax-Xjenza fil-Belt: www.scienceinthecity.org.mt  jew minn fuq Facebook:  www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta għal aktar aġġornamenti.

 

More in Arti