Id-destin ta’ Althea

Ir-rakkont ta' Sharon Calleja

Illum kienet ġurnata importanti ħafna għaliha. Kienet taf li kellha opportunità tad-deheb u riedet taħtafha kif setgħet. Irranġat troffa xagħar li ġiet fuq moħħha u tat titwila fil-mera tan-nofs tal-karozza biex tassigura li kienet tidher impekkabbli. Aktar wieqfa fit-traffiku milli ssuq. Is-sħana li kienet qiegħda tiċċirkola fl-intern tal-karozza kienet kważi qed toħnoqha. Althea bdiet tinkwieta li l-libsa kienet ser tagħmel l-għaraq, xagħarha dehbi fuq spallejha ma kienx se jibqa’ lixx u l-irtokk fuq wiċċha kien ser jiġi bla sura.

Ħarset lejn l-arloġġ tad-ditta indurat bid-deheb li kienet liebsa f’idha x-xellugija. Illum kellha tibdila ġdida għall-okkażjoni u kienet għamlet xagħarha għand il-parrukkier. Din żgur kienet okkażjoni ta’ darba! Riedet tagħtih impressjoni tajba; saħħa kien aċċetta li jiltaqa’ magħha ħalli tagħmillu intervista. Illum kienet se tiltaqa’ mal-idolu tagħha: Albert Chetcuti.

Minn meta kienet żgħira, Althea kellha namra kbira lejn il-kotba fil-ġeneru tal-biża’. L-ewwel darba li kienet qrat ktieb tal-awtur Albert Chetcuti, kienet baqgħet imwaħħla miegħu jumejn sħaħ bil-lejl b’kollox, sakemm qaxxritu kollu b’għajnejha u għarblet l-istorja fittizja tiegħu f’moħħha. Issa kienet qrat xi tletin ktieb minn tiegħu b’kollox u billi xtaqet tilħaq ġurnalista ta’ kalibru ma’ kumpanija importanti, kienet talbet permess lill-maniġer tagħha sabiex tagħmillu intervista. Oħroġ il-għaġeb, meta ċemplitlu kien aċċetta mill-ewwel. U kienet ilha eċitata minn dakinhar.

Il-ħamsa u żewġ minuti!

Suppost l-appuntament kien fil-ħamsa!

Bdiet tisħet il-mument li kienet għaddiet minn dawn it-toroq dejjem invażati bit-traffiku. Ħarset lejn il-karozza ta’ quddiemha u kieku setgħet, kienet toħroġ timbuttaha. Kull darba li kienet tkun mgħaġġla, dejjem kienet issib lil xi fonqlu jsuq bil-mod quddiemha.

Bdiet tgerger waħedha minn taħt l-ilsien b’vuċi ta’ mara aġitata u tipprova tieħu nifsijiet twal sabiex tikkalma. Il-karozza ta’ quddiemha kienet qiegħda tiċċaqlaq bil-mod wisq. Bdiet tħoss fawra tiela’ f’rasha u bla ma ħasbitha darbtejn paqpet il-ħorn tal-karozza ħalli jfittex isuq. Reġgħet gemgmet minn taħt. Rat ras ta’ raġel imdaħħal sew fiż-żmien liebes nuċċali jittawlilha mill-karozza ta’ quddiemha. Kien qiegħed igerger. Biex tisfidah, għaliex issa kienet qabżitilha sew, reġgħet paqpqitlu l-ħorn għat-tieni darba.

“Ejja mexxi!” nfexxet tgħajjat hekk kif il-paniku ħa kontroll fuqha.

“U kemm int mgħaġġla!” semgħetu jgerger b’vuċi għolja li waslet sa ħdejha.

“Issa rrid insib parkeġġ ukoll!” bdiet thewden hekk kif sabet ruħha fil-bini tal-università fejn kienet miftiehma.

Bdiet iddur u ddur. Karozzi. Karozzi u aktar karozzi. Kaxxi bojod tal-parkeġġ ma setgħetx tara. Iddur u ddur. Bdiet kważi tistordi. Reġgħet ħarset lejn l-arloġġ u qalbha għamlet tikk. Issa żżejjed! Il-ħamsa u kwart!

Dak il-ħin, ma baqgħetx tirraġuna. Bejn l-eċitament u l-ġenn li kellha biex tiltaqa’ ma’ Albert Chetcuti, qabdet u daħħlet il-karozza taħt siġra għall-ġenb u tfietha. Kienet se tħalliha hemm. Mur ara, hawn ma kienet se ttellef lil ħadd.

Reġgħet ħarset lejn il-mera u mesħet ftit żibeġ ta’ għaraq li kien qed jifforma fuq il-lat ta’ xufftejha. Marret taqbad il-basket li kienet tħalli fuq is-sedil tal-passiġġier u ma sabet xejn.

Kienet insietu d-dar!

Bil-fixla li kellha biex tfittex toħroġ, kienet ħalliet il-portmoni u l-mobile li kienet dejjem iġġorr ġol-basket, warajha.

“Tajba ġejja llum,” gergret waħedha u ħarġet tiġri minn ġol-karozza.

Eżatt malli kisret il-kantuniera li tagħti mill-parkeġġ tal-università lejn il-bieb prinċipali, ħasset taqtira fuq imneħirha.

Ħarset ’il fuq lejn sema griż u x-xemx li ftit ilu ħonqot kullimkien bis-sħana, issa kienet inbidlet f’maltemp. Kienet qabdet ix-xita.

Althea ħarset lejn il-bini tal-università u ndunat li kien fadlilha ftit mhux ħażin x’timxi. Daret lura bil-ġirja lejn il-karozza sabiex iġġib l-umbrella li dejjem kienet iġġorr fuq is-sedil ta’ wara.

Eżatt malli waslet qrib biżżejjed, qalbha waqfet tħabbat. Kien hemm raġel liebes ġagaga skura, kokka maġenb il-karozza tagħha qed iwaħħlilha morsa mar-rota ta’ quddiem.

“X’inti tagħmel?” staqsietu b’nifisha maqtugħ.

Dak il-ħin, ix-xita żdiedet u bdiet tħossha qiegħda tixxarrab.

Bla ma weġibha, ir-raġel urieha b’subgħajh it-tabella li kien hemm eżatt quddiem il-karozza; tabella biex wieħed ma jipparkjax. Tabella li hi ma kinitx rat.

“Isma, nistgħu nitkellmu?” staqsietu hekk kif waħħlilha karta safra mal-ħġieġa tal-karozza u telaq ’l hemm.

Althea ħassitha qed issir għasra. Daħlet tiġri fil-karozza tagħha ħalli ma tkomplix tixxarrab u malli rat wiċċha u xagħarha fil-mera ħassitha tinħasad.

Iddeċidiet li ma tagħtix kas għaliex kien sar wisq ħin u telqet tiġri ’l barra mill-karozza bl-umbrella.

Eżatt malli waslet quddiem il-bini tal-università għaddiet karozza u biex tkompli tgħaxxaq ħaslitha minn rasha sa saqajha. Issa kienu bdew telgħin in-nervi!

Waslet fl-uffiċċju li kienu ftehmu fih.

Dlam.

Kwiet.

Ma kien hemm ħadd.

“Hawnhekk l-uffiċċju ta’ Albert Chetcuti?” staqsiet lil wieħed li kien evidenti li kien jaħdem hemm.

“Iva, imma rajtu ħiereġ ħames minuti ilu.”

Althea riedet il-madum tal-art jinfetaħ u jiblagħha. Kienet tilfet l-opportunità li tiltaqa’ miegħu. Wara dak kollu li ġralha!

Marret lura lejn il-karozza b’qalbha maqsuma. Ħasset id-dmugħ ħiereġ. Rat il-morsa mal-karozza u ftakret f’liema għawġ kienet tinsab. Kienet bla mobile allura kellha timxi sal-indirizz indikat, bi ħwejjiġha, xagħarha u ż-żarbun għasra. Ix-xita kienet battiet.

“Skużawni, imma m’għandix flus fuqi, nista’ mmur id-dar, inġib il-flus u niġi nħallaskom?” staqsiet Althea lill-istess raġel antipatku li kien waħħlilha l-morsa. Kienu qegħdin żewġt irġiel u kienu qegħdin iħarsu lejha qisha xi aljena.

“Iva mela,” weġibha.

“Grazzi. Mela ejja neħħihieli.”

“L-ewwel ħallas.”

“Imma inti għidtli li…” qaltlu kważi bid-dmugħ ħiereġ minn għajnejha bil-frustrazzjoni.

“Tista’ tmur id-dar b’tal-linja u terġa’ tiġi,” qalilha. “Jew iċċempel lil xi ħadd jiġi għalik.”

“Jekk jogħġbok….” Resqet lejn it-telefon li pprovdilha u ndunat li ma kienet taf l-ebda numru bl-amment.

Ir-raġel ħabat jitlef il-paċenzja. Althea baqgħet hemm tħares fil-vojt.

Fil-karozza kellha l-ktieb taċ-ċekkijiet!

Bla ma kellmithom, telqet tiġri ’l barra lejn il-karozza qisha waħda mitlufa minn sensiha. Riedet titlaq minn hemm malajr kemm jista’ jkun!

Wara ftit, kienet qiegħda fil-kju biex tħallas l-ammont mitlub fuq il-karta s-safra, li sa ftit ilu kienet imwaħħla mal-ħġieġa tal-karozza akkumpanjat mill-ktieb taċ-ċekkijiet.

Il-kju kien twil u kienet qiegħda tħossha bla sura quddiem dawk in-nies kollha.

Dak il-ħin ratu dieħel. Ir-raġel li kien qiegħed quddiemha ftit ilu fit-traffiku. Daħal fil-kju warajha. Il-ġurnata ma setgħetx tkun agħar minn hekk.

“Ara l-galantoma li kienet mgħaġġla!” qalilha minn taħt l-ilsien b’sarkażmu.

“Isma, minħabba fik tlift l-aktar appuntament importanti li kelli f’ħajti! Minħabba fik sirt għasra ara!” bdiet tgħajjat. “Imissek tistħi! Arukaża!”

In-nies kollha daru jħarsu lejha. Bdew jistagħġbu u jgħidu fuqha minn taħt. Issa lanqas kien għadu jimpurtaha x’jaħsbu.

Ir-raġel ta’ warajha ma weġibhiex. Ratu iżjed antipatku u n-nuċċali li kellu xejn ma kien jixraqlu.

“Skużani sinjura, ma naċċettawx ċekkijiet,” qalilha l-kaxxier.

Althea ħasset il-kamra ddur biha.

“X’jiġifieri? Jien ilni tliet kwarti fil-kju għalxejn?”

Ħasset id-dmugħ ħiereġ minn għajnejha. Bdiet issabbat idejha mal-ħġieġa tal-kaxxier li baqa’ mbellah iħares lejha.

“Kif se mmur lura d-dar? M’għandix flus fuqi. M’għandi xejn! Għandi l-karozza ikklempjata!” bdiet kważi twerżaq.

“Kemm?” staqsa r-raġel ta’ warajha li sa ftit ilu kienet qiegħda tgħajjat miegħu.

Ratu jħallsilha l-flus u jagħtiha l-irċevuta b’mod ġentili. Bdiet tħossha tistħi tal-komportament tagħha miegħu ftit qabel.

“Grazzi,” qaltlu, tirranġa xagħarha li kien sar kważi għoqda sħiħa. “Għidli min inti ħalli nagħtihomlok lura.”

“Ma rridx flus. Ma jimpurtax.”

Dak il-ħin daħal sinjur li għadda minn maġenbhom.

“Sur Albert Chetcuti,” qallu r-raġel ta’ quddiemha b’rispett kbir.

“Int….?” stagħġbet.

“Iva jien hu,” weġibha bi tbissima.

“Jien Althea. Jien ġejt hawn minħabba fik.”

More in Arti