
Id-direttur Gabriele Salvatores qed jaħdem film f’Malta
Bħalissa f'Malta għaddejjin preparazjoni jew ġbid ta’ erba' films internazzjonali fl-istess ħin...

F’Malta, bħalissa hawn id-direttur Taljan Gabriele Salvatores, li qed jiġbed xeni għall-film ġdid tiegħu “The Invisible Boy 2”. Salvatores hu magħruf l-iktar għal film 'Mediterraneo' li kien ir-rebbieħ tal-Oscar għal aħjar film barrani fl-1992.
Il-film il-ġdid ta’ Salvatores huwa s-sequel tal-film “The Invisible Boy” li sentejn ilu kiseb success kbir. Salvatores stqarr li hu kuntent ħafna li qed jiġbed dawn ix-xeni f’Malta, b’mod partikolari fl-Imdina. Huwa wera x-xewqa wkoll li jiġbed film sħiħ f’pajjiżna, bi storja ambjentata fuq gżiritna stess. Salvatores faħħar ukoll il-ħaddiema lokali għal kapacità u professjonalità tagħhom u rringrazzja lill-Maltin tal-ospitalità.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li meta d-diretturi ta' dan il-kalibru jagħżlu ’l Malta, dawn ikunu qed jagħtu ċertifikat ta’ kwalità lill-industrija tal-films f’pajjizna u li jservu mhux ftit biex Malta tibqa’ rinomata bħala destinazioni ta' eċċellenza għal ġbid tal-films.
Il-kumissarju tal-films Engelbert Grech stqarr li r-reputazzjoni ta' Malta qiegħda dejjem titjieb hekk kif aktar produzzjonijiet qed jagħżlu lil Malta. Huwa rrimarka li din il-produzzjoni hija biss waħda minn erba' films li qegħdin jinħadmu kontemporanjament bħalissa hawn Malta.
Il-Film Commission qed jirnexxielha tattira numru kbir ta’ produzzjonijiet lejn Malta grazzi għal-inċentivi finanzjarji u kampanja ta’ reklamar tul is-sena kollha. Bħalissa delegazzjoni tal-Film Commisison tinsab l-Amerka għal-taħdidiet ma’ produtturi u studios rinomati, sabiex aktar films u sensiliet tat-televizjoni jinħadmu f’Malta u Għawdex.