Andrea Bocelli f'Malta s-sajf li ġej għall-kunċert ta' Joseph Calleja
L-2017 se tkun is-sena li timmarka 20 sena ta' Joseph Calleja fl-Opera
It-tenur rinomat internazzjonalment Andrea Bocelli se jkun il-mistieden speċjali għall-kunċert annwali ta' Joseph Calleja fis-sajf li ġej. Is-sena 2017 timmarka l-20 sena anniversarju tad-debutt ta' Calleja fix-xena tal-opri, bl-ewwel waħda tiegħu tkun Macbeth fit-Teatru Astra, meta kellu 19-il sena.
Calleja kanta f'ħafna mit-teatri maġġuri tad-dinja u interpreta mat-33 karattru prinċipali sal-lum.
Il-kunċert annwali se jkun qed jerġa' jsir fuq il-fosos tal-Furjana nhar id-19 ta' Awwissu bis-sehem tal-orkestra filarmonika ta' malta u l-kor tat-tfal taħt it-tmexxija ta' Gillian Zammit. Għal sena oħra, intlaħaq arranġament sabiex iż-żona tal-udjenza bilwieqfa, tkun waħda b'xejn għall-pubbliku.
Il-biljetti se jkunu għall-bejgħ minn għada l-Ħamis fl-4 ta' waranofsinhar.