It-Teatru Manoel imballat bin-nies għall-Kunċert tal-Milied b'risq il-karità
Il-kunċert kien organizzat mill-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja
Il-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja organizzat il-Kunċert annwali tagħha għall-Ġbir ta’ Fondi fis-7 ta’ Diċembru 2016. Din is-sena, it-Teatru Manoel, li ilu mibni 300 mitt sena, ipprovda l-aqwa sfond possibbli għal dan il-programm ta’ 90 minuta li fih rajna lil Joseph Calleja akkompanjat minn diversi skulari tal-Fondazzjoni, u l-Orkestra Filarmonika inimitabbli ta’ Malta, taħt it-tmexxija tas-Surmast Brian Schembri. Simone Attard akkompanjat lis-solisti fuq il-pjanu.
Bħal ma semma t-Tenur Malti nnifsu f’intervall qasir matul il-kunċert, dan il-Kunċert huwa l-avveniment prinċipali għall-ġbir ta’ fondi li l-Fondazzjoni torganizza kull sena. Huwa rringrazzja lill-benefatturi u lil dawk li attendew għall-appoġġ kostanti tagħhom, u qal li l-kunċert iservi ta’ wirja għat-talenti ta’ xi wħud mill-iskulari li matul dawn l-aħħar erba’ snin sa mit-twaqqif tal-Fondazzjoni, kibru fin-numru u llum jammontaw għal sittax. Louis Cassar, Clare Ghigo, Marvic Monreal u Nicola Said qasmu l-palk ma’ Joseph Calleja matul dan il-kunċert, u kantaw arias u dwetti mit-Tosca, Rigoletto u Carmen fost l-oħrajn. Il-Fondazzjoni, imwaqqfa minn Joseph Calleja nnifsu flimkien mal-Bank of Valletta, isservi ta’ ‘xibka ta’ sikurezza’ u tappoġġja artisti żgħażagħ b’talent li jippromettu f’dixxiplini differenti biex ikomplu bl-istudji tagħhom.
Għan ieħor tal-Fondazzjoni huwa li tuża l-mużika bħala terapija, din id-darba biex jiġu appoġġjati ‘t-tfal vulnerabbli’. Din l-inizjattiva tħares lejn l-arti bħala mezz ta’ fejqan u għajnuna għat-tfal li jkunu qed jiffaċċjaw ċirkostanzi diffiċli fil-ħajja sabiex isiru aktar b’saħħithom.
Wara l-kunċert, il-benefatturi u dawk li attendew ingħaqdu ma’ Joseph Calleja u mal-artisti parteċipanti l-oħrajn għal riċeviment fil-Każin Malti.
Aktar informazzjoni dwar il-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja u x-xogħol li qed twettaq tinsab fuq il-portal tal-Fondazzjoni: bovjosephcallejafoundation.com.