Weraq taħt is-siġra
Ir-rakkont ta' Sharon Calleja
Hekk malli xirfet barra mill-bini, ħasset l-arja ta’ barra tiblagħha. Għolliet rasha ‘l fuq lejn is-sema griża tal-ħarifa u ħasset taqtira xita eżatt fuq moħħha.
Semgħet il-bieb ta’ warajha jingħalaq. Il-ħoss tal-bieb daħal f’qalbha.
Waqfet hemm bilwieqfa. Ma kinitx taf kif kienet qiegħda tħossha.
Ferħana? Bla nifs? Ħelsien? Dwejjaq?
Jew kienet diġà qiegħda tħoss in-nuqqas?
In-nuqqas ta’ Francis.
Tat daqqa t’għajn ħafifa ‘l fuq lejn il-bini. Il-bini li kienet ilha taħdem fih għal dawn l-aħħar ħames snin. Il-bini li fih kienet bkiet, daħket, ħassitha kreattiva, persuna ta’ fiduċja, maħbuba, iżda wisq iżjed importanti minn dan kollu kienet iltaqgħet ma’ Francis.
Mill-ewwel darba li kienet rifset hawn ġew kienet ħadet grazzja miegħu.
Ħames snin.
Ħames snin ilu.
Francis kien impjegaha mill-ewwel. Taha pożizzjoni importanti. Pożizzjoni li kienet ser tiswielha ż-żwieġ tagħha. Iż-żwieġ tagħha ma’ Steve.
Kienet qabdet relazzjoni intima ma’ Francis meta ż-żwieġ tagħha kienet qiegħda tħossu jaqa’ biċċiet. Biċċiet żgħar, żgħar…
Iżda wara li kienet qabdet torbot qalbha ma’ Francis, Steve kien għamel minn kollox biex jirranġa l-affarijiet.
Laura kienet sabet ruħha tgħix żewġ personalitajiet totalment differenti. Bla ma kienet taf kif kienet spiċċat f’din il-basla, Laura kellha tkompli tigdeb, tgħaffeġ u tiżbalja.
Sew kienu jgħidu n-nies. Ladarba titkisser tazza, għalxejn tipprova tirranġaha, għaliex ix-xquq jibqgħu hemm. Jibqgħu f’qalbek.
Kull filgħaxija kienet tibki waħedha, hekk xħin tħares lejn ir-raġel tagħha mimdud fis-sodda, b’dik il-ħarsa innoċenti…
Kienet tħoss il-piż tal-ħtija. Ħtija kbira.
Fil-bidu lanqas biss kien għadu jimpurtaha minn dak li jgħidu n-nies jekk jaħslu jindunaw bir-relazzjoni li kienet għaddejja l-uffiċċju. Iżda mbagħad bdiet tiftaħ għajnejha…
Steve kien iħobbha.
U hi kienet tħossha konfuża. Konfuża u muġugħa minn ġewwa.
Ħadet nifs twil u telqet tiġri fix-xita.
Illum kienet ħadet deċiżjoni iebsa. Illum kienet qaltlu l-verità.
Illum.
Aħjar tard milli qatt.
Kienet lesta li tmur id-dar bħala persuna mibdula. Persuna ġdida. Persuna li kienet lesta li tiddedika l-kumplament ta’ ħajjitha għal żewġha.
“Aħfirli Steve,” qalet b’leħen għoli hi u tiġri lejn id-dar, tħoss xagħarha jixxarrab, wiċċha niedi u l-ħwejjeġ jiksħu fuqha.
Imma ma tantx kien jimpurtaha.
Illum kienet ser titwieled mill-ġdid.
Waqfet zoptu hekk kif waslet quddiem id-dar tagħha.
Steve.
Illum kienet lesta li tibda mill-ġdid.
Kienet taf li kien qiegħed id-dar dal-ħin.
Qasmet it-triq mill-ewwel, ħarġet iċ-ċavetta mill-but tal-kowt u daħlet tħaffef ġewwa.
Kienet qiegħda tħossha libera.
Libera li kienet ħadet id-deċiżjoni.
“Steve?” għajtet, hekk kif neżgħet il-kowt imxarrab għasra minn fuqha u dendlitu maġenb il-bieb. Għaddiet idha minn ġo xagħarha u ħasset l-ilma nieżel fuq moħħha.
Mesħitu u daħlet ġewwa. Wiċċha kien għadu ruxxan mill-ġirja li kienet għadha kemm ħadet.
Steve ma weġibhiex.
“Steve?” reġgħet sejħitlu.
Baħħ. Ebda risposta.
Bdiet tiġri madwar id-dar, tħalli l-passi mxarrbin taż-żarbun, hi u tfittxu.
“Steve…” qalet hekk kif daret kantuniera tal-kuritur u ratu mixħut mal-art.
Ħasset fawra tielgħa għal rasha, hekk kif marret tħaffef lejh u indunat li Steve kien mitluf minn sensih.
Għalkemm Steve kien fih raġel, rat kif għamlet u poġġietu fis-sodda. Waqt li bdiet tibki, bdiet iċċempel lit-tabib tagħhom, li ra kif għamel, ħareġ iħaffef mill-klinika u ġie jara lil Steve ta’ malajr.
“Sinjura Grech…” qalilha, hekk kif kien barra mill-kamra ta’ Steve, wara li kien iċċekkjah sew.
Laura għalqet il-bieb tal-kamra għax ħasset li t-tabib kien beda jkemmex moħħu u ried jgħidilha xi ħaġa ħażina. Ma xtaqitx li jkellimha quddiem żewġha li issa kien ġie f’sensih.
“Żewġek mhux jogħġobni… aħjar tieħdu għand professur… imma minn dak li rajt…” It-tabib ħares lejn Laura. Ma kienx jaf kif kellu jaqbad jgħidilha. Mument bħal dak kien wieħed minn dawk il-mumenti li kien jisħet is-siegħa u l-mument li kien studja u laħaq tabib. Għalkemm kien jiltaqa’ ma’ ħafna każijiet, Steve u Laura kienu kważi saru ħbieb tal-familja.
“Għidli…” qaltlu Laura, tħossha kważi ser taqta’ nifisha.
It-tabib ħares lejn it-tieqa tal-kuritur, minn fejn kien hemm il-ġnien li kien mad-dar tagħhom. Ra siġra kbira f’nofs il-ġnien. Peress illi kienet il-ħarifa, is-siġra kienet qiegħda twaqqa’ l-weraq u kienet imdawra weraq sofor madwarha fuq il-ħaxix. Maz-zkuk kien fadal nofs il-weraq, u dak il-ftit weraq li kien fadal kien donnu kollu lest biex jaqa’ wkoll.
“Taf li m’iniex ser noqgħod nomgħodha…” qalilha, ixarrab xufftejh.
Għamlitlu iva b’rasha.
“Qed taraha dik is-siġra?” staqsieha, jipponta subgħajh għas-siġra fil-ġnien.
Reġgħet għamlitlu iva b’rasha.
“Sakemm twaqqa’ l-aħħar werqa…”
Laura ħasset griżmejha jixxuttaw f’daqqa, qalbha tieqaf u l-kuritur idur biha. Bla ma kompla jgħidilha, it-tabib telaq ‘il barra.
Semgħet il-bieb tad-dar jinfetaħ u jingħalaq. Ħasset id-dmugħ iġelben minn ma’ ħaddejha.
Steve! Steve kien ser iħalliha! Ma jistax ikun! Ma jistax ikun!
Daret lejn il-bieb ta’ kamartu u fetħitu fil-fixla.
Steve kien qiegħed wara l-bieb jissemma’!
“Int… int kif qomt mis-sodda?” staqsietu tipprova taħbi d-dmugħ.
“Xejn… kont ġej ħdejk…” qalilha.
Minn dakinhar sal-ġurnata tal-lum, Laura qatt ma telqitu sekonda. Dejjem ma’ Steve. Ħaditu għand professuri, tobba oħra, ħadet opinjonijiet, testijiet u ddedikat ħajjitha ħalli tarah ġej għall-aħjar.
Iżda Steve donnu ma kienx qed jagħmel progress. Kien sejjer mill-ħażin għall-agħar, kuljum jidher aktar pallidu, kuljum aktar debboli.
Kull darba li kienu jgħaddu minn ġol-kuritur, hi u tgħinu jmur lura fis-sodda, kienet tħares lejn is-siġra l-kbira li kellhom fil-ġnien.
“Sakemm twaqqa’ l-aħħar werqa…” Leħen it-tabib kien dejjem jidwi f’rasha.
Steve wkoll kien iħares lejn is-siġra, bi żlieġa f’għajnejh, jinnota li s-siġra kienet waqqgħet aktar weraq.
“Sakemm twaqqa’ l-aħħar werqa…” kien donnu jerġa’ jisma’ kliem it-tabib minn wara l-bieb. U kien ikollu aptit jibki.
Ħares lejn martu u ħassu mdejjaq. Ma riedx imut. Ma riedx jitlaqha. Għalih, Laura kienet id-dinja. Għalkemm fil-passat kellhom il-problemi bejniethom, issa kien jaf li Laura kienet qiegħda tmur lil hemm minn dak li kien qatt basar.
Kienet taħslu, tagħmillu l-ikel, titimgħu, tgħinu, tgħidlu l-istejjer, tidħak u tipprova tferrħu.
“Laura…” qalilha dakinhar li kien qed iħossu debboli aktar mis-soltu. Qabdilha idha u ħares f’għajnejha, jipprova jagħmel l-almu tiegħu ħalli jżomm bilwieqfa. Kienu mexjin lejn il-kamra tas-sodda, eżatt fil-kuritur quddiem it-tieqa. “Naf ta.”
“X’taf?” qaltlu Laura, kważi rrabjata. Riedet tgħajjat. Riedet issabbat rasha mal-ħajt, riedet taqbdu bejn dirgħajha u ma titilqu qatt! Ma setgħetx titilfu!
Kemm kienet belha! Kemm kienet belha… kienet tilfet l-isbaħ żmien minn miegħu biex kienet toqgħod tmur tiltaqa’ ma’ Francis! Issa kienet taf…
Issa kienet taf x’kellha…
“Għandek ix-xampanja u qiegħda tixrob l-ilma,” kienet qaltilha ħabiba tagħha meta kienet fetħet qalbha magħha dwar Francis u Steve.
“Naf li meta taqa’ l-aħħar werqa… jien…” ma felaħx ikompli.
Laura ma weġbitux. Ħaditu fis-sodda, għattietu u telqet ‘il barra mill-kamra.
Minn dakinhar, Laura nbidlet.
Ma baqgħetx tgħaddi ħafna ħin ħdejh u xħin kienet tkun ħdejh kienet tidher imħassba.
Sa dakinhar.
Dakinhar sema’ xi kliem ġej mill-kċina.
Qam minn fuq is-sodda bil-mod u mexa lejn il-bieb. It-tieqa tal-kuritur kienet eżatt quddiem il-bieb u seta’ jara s-siġra. Kien għad fadal xi tliet werqiet kollox. Ħass qalbu trid tinqasam.
Il-paroli li kien ġej mill-kċina kien donnu leħen maskili li kien qed jitkellem minn taħt ma’ Laura.
Steve ħass id-dmugħ nieżel minn ma’ wiċċu u mar lura f’soddtu. Kien jaf li Laura kienet mara grazzjuża u malajr kienet ser issib ieħor.
Raqad. Aħjar jorqod. Fil-ħolm kien ikun jista’ jerġa’ jkun dak kollu li kien jixtieq. Kien ikun f’saħħtu u l-uġigħ kien jitilqu għalkollox.
Ħaġa tal-għaġeb li wara dakinhar, Laura reġgħet bdiet tgħaddi ħafna ħin ħdejh. Kienet tgħinu, taħslu, tagħmillu kuraġġ u twennsu.
Steve kien iqum minn ġos-sodda kuljum u jmur jittawwal lejn is-siġra.
“Sakemm twaqqa’ l-aħħar werqa…”
It-tliet werqiet li kien fadal maz-zokk kienu għadhom hemm.
Steve ried jagħmel kuraġġ. Ried jgħix.
“Sakemm twaqqa’ l-aħħar werqa…”
Sakemm twaqqa’ l-aħħar werqa, kellu ċ-ċans li jgħix. Li jirkupra, li ma jmutx.
Beda jipprova. Beda jipprova jiekol, jipprova jimxi, jipprova jagħmel l-affarijiet li dan l-aħħar kienu jaqtgħulu qalbu.
“Sakemm twaqqa’ l-aħħar werqa…”
Għaddiet il-ħarifa u waslet ix-xitwa. Kienet il-kesħa. Steve u Laura kienu qegħdin fil-kamra tas-sodda.
“Tidher aħjar Steve,” qaltlu Laura, hekk kif bdiet tinduna li żewġha ma kienx għadu pallidu daqs qabel. It-terapija tagħha kienet qed tirnexxi!
Steve tbissem u ħares lejn is-siġra li kien hemm fil-ġnien, li kien jista’ jara minn ġo kamartu. Għalkemm kienet ix-xitwa, it-tliet werqiet li kien fadal kienu baqgħu hemm. Kienu għadhom ma waqgħux.
“Sakemm twaqqa’ l-aħħar werqa…” qalilha Steve.
Laura tbissmet u ħasset qalbha timtela bil-ferħ. Steve kien donnu ħafna aħjar!
“Tidher m’intix ħażin,” qallu t-tabib, hekk kif ġie jinviżtah. “Donnu ġara miraklu!”
Steve libes il-flokk u tbissem lejn it-tabib.
“Dott… ħafna drabi hija r-rieda tagħna, hux.”
“Meta rajtek qabel, kont kważi qtajt qalbi…” wieġbu t-tabib. “Lil martek kont għedtilha…” dawwar rasu lejn is-siġra li kienet tidher minn ġot-tieqa tal-kuritur. “Dik? Dik kif fadlilha l-weraq? Issa x-xitwa! Ħaġa tal-iskantament.”
“Sakemm twaqqa’ l-aħħar werqa…”
It-tabib għamillu iva b’rasu. “Miraklu.”
“Ħasbitni ma indunajtx,” qallu Steve, għajnejh iffissati fuq is-siġra.
“X’ma indunajtx?”
“Li ġabet lil misserha hawn. Qabbditu jwaħħal l-aħħar tliet werqiet mas-siġra bil-kolla. Biex ma jaqgħu qatt. Biex tagħmilli kuraġġ,” Steve tbissem. “Sal-aħħar werqa, Dott.”
It-tabib fetaħ ħalqu biex iwieġbu iżda ddeċieda li ma jgħid xejn. Minflok, tbissem u ħares lejn Steve u s-siġra.
Il-kuraġġ kien kollox.