Viva t-Teatru!
Owen Bonnici jikteb dwar il-ħtieġa ta' entità Governattiva li tagħti żiffa ta’ enerġija lill-espressjoni teatrali li tħeġġeġ il-familji Maltin imorru jarawha fl-għeruq tagħhom stess
Illum huwa l-Jum Dinji ddedikat lit-Teatru u pajjiżna se jkun qed jiċċelebrah bl-aħjar mod. Jiċċelebrah mhux f’sens ta’ festini jew kommemorazzjonijiet vojta li ma jħallu xejn lill-poplu iżda f’sens ta’ xogħol favur it-Teatru u l-artisti Maltin.
Pajjiżna għandu vojt fejn jidħol it-Teatru, speċjalment dak li hu jew bil-Malti jew inkella maħsub għall-komunità Maltija. Għandna talent straordinarju, produtturi u diretturi fenomenali, ideat u kreattività b’saħħitha. Biss, jinħass ċar li t-Teatru huwa assenti mill-ħajja ta’ ħafna Maltin u Għawdxin u din hi ħasra kbira.
Donnu għal ħafna Maltin u Għawdxin, it-Teatru hu biss il-Panto ta’ żmien il-Milied. Produtturi bħal Mario Philip Azzopardi u oħrajn irnexxielhom jattiraw udjenzi fit-Teatru Manoel iżda minkejja l-aqwa sforzi, dan xorta mhuwiex biżżejjed.
Jekk nista’ nġib eżempju bil-futbol, qisu f’pajjiżna għandna ħafna futbolers ta’ talent, għandna ħafna grawnds imferrxin ma’ Malta u Għawdex kollha iżda ħadd ma jmur jara l-futbol lokali sakemm ma jiġix xi tim magħruf jilgħab pajjiżna.
Din tal-futbol kienet tixbiha li ħloqt jien semplicement għall-argument, biex ħadd mid-dinja sportiva ma jifhimni ħażin. Jekk nużaw din it-tixbiha li ħloqt jien, għandna essenzjalment l-istess ħaġa – ħafna atturi tajbin, teatri mferrxin ma’ Malta u Għawdex kollha iżda l-familji Maltin u Għawdxin, għajr niċeċ partikolari ta’ persuni, ma jmorrux jaraw teatru sakemm ma jiġix il-Milied jew ikun hemm xi play straordinarja.
Din irridu nibdluha.
Għala viva t-teatru?
Ikun hemm min jistaqsi: imma t-teatru għala huwa daqshekk importanti? Huwa importanti għaliex irridu poplu li jaħseb u li jirrifletti. Irridu poplu li jemmen fil-kreattività, li jara fl-espressjoni artistika xi ħaġa li ttejbu u tagħmlu poplu aħjar.
Din il-ġimgħa nidejna ktieb sabiħ immens magħmul minn Valletta 2018 u kkummissjonat mill-Kunsill Malti għall-Arti li fih essenzjalment mappa tal-ispazji teatrali f’Malta u Għawdex. Probabbilment hemm oħrajn li jiġu inklużi f’edizzjonijiet sussegwenti. Però dan il-ktieb huwa wirt tajjeb immens għaliex jiftaħ il-bibien beraħ lill-produtturi artistiċi għal komunitajiet u spazji li forsi qatt qabel ma ġiehom f’moħhom li jużaw.
U s’intendi l-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu lill-kultura huwa jekk nużaw dan l-ispazji teatrali u nattiraw udjenzi.
Teatru Malta
F’dan kollu kif jidħol Teatru Malta u, forsi mistoqsija aħjar, x’inhu Teatru Malta?
Jeħtieġ ukoll li l-kunċett li t-teatru f’Malta jibda u jispiċċa fit-Teatru Manoel titkisser
Jidħol Teatru Malta għaliex dehrilna li jeżisti vojt kbir li jeħtieġ li jimtela’. Teħtieġ entità Governattiva li tippromwovi dawn l-ispazji teatrali, li tixpruna t-tlugħ ta’ produzzjonijiet li jduru fl-irkejjen tal-gżira, li tagħti żiffa ta’ enerġija lill-espressjoni teatrali li tħeġġeġ il-familji Maltin imorru jarawha fl-għeruq tagħhom stess.
Jeħtieġ ukoll li l-kunċett li t-teatru f’Malta jibda u jispiċċa fit-Teatru Manoel titkisser. It-Teatru Manoel irridu nkomplu ngħolluh ’il fuq u ntejbuh kif qed nagħmlu biex jisseddaq bħala ġojjell kulturali f’pajjiżna. Iżda t-Teatru Manoel għall-ġid tiegħu stess jeħtieġ ukoll ‘kompetizzjoni’ u ‘kompetizzjoni’ barra mill-Belt Valletta u eqreb lejn il-familji Maltin u Għawdxin.
S’intendi t-tnejn ma jimxux kontra xulxin- anzi hemm lok ta’ kollaborazzjoni wkoll. Kuntent ħafna li t-tmexxija tat-Teatru Manoel laqgħet b’idejha miftuħa din ir-realtà ġdida u nemmen li fil-persuna ta’ Elizabeth Ebejer (li ġejja minn għeruq komunitarji b’saħħithom ħafna) se nsibu lil xi ħadd li jemmen f’din il-filosofija u ħidma waqt li tkompli ttella’ ’l fuq il-prestiġju tat-Teatru.
Restawr ta’ spazji teatrali
Hemm imbagħad mistoqsija oħra: kif se nagħmlu biex l-ispazji teatrali li hemm fil-komunitajiet jiġu restawrati u mtejba biex jaqdu l-ħtiġijiet tat-teatru llum. L-eħfef triq hija li twaddab il-flus lejn din il-problema. Iżda dak ma jkunx biżżejjed. L-aqwa triq hija li tassigura s-sostenibbiltà sabiex il-flus li wieħed jinjetta jkollhom qafas sostenibbli. Fejn inkunu ċerti li l-attività teatrali tassigura l-vijabbiltà tal-ispazju kulturali.
Hemm spazji teatrali sbieħ immens li jistħoqqilhom restawr. Fejn hemm sostenibbiltà assigurata diġà aġixxejna bħalma sar fil-black box theatre tal-MITP u t-Teatru Manoel. L-isfida hija sabiex l-ispazji teatrali jqumu fuq saqajhom sabiex nassiguraw li jkollhom ħajja indipendenti kemm jista’ jkun.
M’għandix dubju li din hi sfida li Teatru Malta se jidħlilha head on b’ideat friski u nnovattivi.
Hawnhekk irrid nirringrazzja minn qalbi lil Albert Marshall, mill-Kunsill Malti għall-Arti, lil Jason Micallef, li jmexxi b’tant ħila u enerġija l-Fondazzjoni Valletta 2018, lil Sean Buhagiar li jmexxi Teatru Malta u lill-Prof Vicky Ann Cremona li tatna daqqa t’id sabiħa ferm f’dan il-proġett.
Studenti u orkestra
Din il-ġimgħa kelli l-pjaċir li nattendi għal avveniment imtella’ mill-Orkestra Nazzjonali bħala parti mill-Culture Pass. Taħt din l-iskema, l-iskejjel sekondarji ta’ pajjiżna qed jiġu mistiedna jagħżlu minn menù ta’ attivitajiet kulturali li ħejjejna biex l-istudenti tagħhom jattendu għalihom.
Jien attendejt għal waħda minn dawn l-avvenimenti li kellha l-Orkestra bħala l-attrazzjoni prinċipali. Ħadt gost ħafna nara madwar 140 student tas-sekondarja jieħdu gost jaraw l-Orkestra ddoqq siltiet sbieħ ferm. Ħadt gost iktar nara mużiċisti professjonisti u surmastrijiet ta’ kalibru straordinarju ‘jinżlu’ fil-livell tat-tfal u bil-paċenzja kollha jfehmuhom b’mod divertenti għall-aħħar.
Kienu sagħtejn li ma nafx kif taru. Verament kburi bl-Orkestra u nirringrazzja lil Sigmund Mifsud talli daħal għal din l-isfida b’tant simpatija.
Hello Goodbye
Din il-ġimgħa, il-Parlament approva numru ta’ ċaqliq fid-distretti elettorali kif riedet il-Kummissjoni Elettorali. Dan iċ-ċaqliq sar biex wieħed jassigura li kemm jista’ jkun, f’kull distrett elettorali jkun hemm bejn wieħed u ieħor l-istess numru ta’ nies – għaliex inkella jkollok sitwazzjoni fejn il-vot ta’ xi ħadd li joqgħod f’post, ikun inqas rappreżentattiv minn xi ħadd li joqgħod f’post ieħor.
Jiena nemmen li ċ-ċaqliq propost mill-Kummissjoni huwa tajjeb u kien hemm bżonnu. Personalment, iċ-ċaqliq propost kien ifisser li r-raħal tal-Fgura inqata’ mid-distretti elettorali li fihom jiena nikkontesta. Ili għaxar snin nirrappreżenta lill-Fgura fil-Parlament u l-fatt li issa tlift kompletament dan ir-raħal nikkittni. Mal-Fgurin bnejt relazzjoni ta’ fiduċja sabiħa ferm u dejjem rajt rispett u inkoraġġiment kbir. M’hemmx x’tagħmel, il-ħajja tkompli. Biss irrid nibgħat il-messaġġ li l-bieb tiegħi se jibqa’ miftuħ għall-familji tal-Fgura daqslikieku qatt ma sar dan it-tibdil.
It-tibdil fisser ukoll li ġew introdotti rħula ġodda fid-distretti li se nikkontesta fihom fl-elezzjoni li jmiss (ċoè t-3 u 5 distrett). Dawn huma Ħal Għaxaq u Marsaxlokk fit-tielet distrett u Ħal Farruġ fil-Ħames distrett. Inħares ’il quddiem għal ħidma flimkien u sabiħa.