Il-Belt Valletta u l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni
Clifford Galea dwar id-devozzjoni lejn ix-xbieha antika tal-Madonna meqjuma fil-Kon Katidral ta' San Ġwann
Peress li fi ftit jiem oħra tiġi ċċelebrata l-festa solenni tal-Immakulata Kunċizzjoni, ħsibt li niddedika l-artiklu tiegħi tal-lum, propju għal xbieha antika tal-Madonna li kull sena, għal mijiet ta’ snin, nhar it-8 ta’ Diċembru, tinħareġ proċessjonalment mill-Konkatidral ta’ San Ġwann u tiddawwar mat-toroq ewlenin tal-Belt Valletta.
Il-kappella fejn tinżamm din ix-xbieha fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, hija dik li nsibu fuq ix-xellug tal-artal maġġur. F’din il-kappella għal ħafna snin kien hemm ivvenerata l-immaġni tal-Madonna ta’ Filermos. Din kienet ikona Bizantina mdaqqsa li diġà nsibu aċċenn għaliha fis-seklu 14 fil-gżira ta’ Rodi, u li l-Kavallieri ta' San Ġwann ġabu magħhom Malta fl-1530. L-ikona mirakuluża kienet meqjuma ħafna speċjalment qabel għadd ta’ battalji importanti miġġielda mill-Ordni. Kien hemm l-użanza li qabel jitilqu għall-ġlied, il-kavallieri kienu jiltaqgħu u jitolbu l-interċessjoni u l-ħarsien tal-Madonna tal-Filermos. Imbagħad meta l-istess kavallieri kienu jirritornaw rebbieħa, iċ-ċwievet tal-kastelli u l-bliet megħluba kienu jiġu ppreżentati lill-kappella tal-Madonna.
Sal-lum, iċ-ċwievet tal-kastelli ta’ Lepanto, Hammamet, Passava u Patras għadhom imdendlin mal-ħitan ta’ din il-kappella fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann. Mal-wasla ta’ Napuljun Bonaparte, fl-1798, wara li keċċa l-kavallieri tal-Ordni minn Malta, il-Gran Mastru Ferdinand Hompesch ħa l-ikona tal-Madonna ta’ Filermos miegħu. Din għaddiet f’idejn il-kollezzjoni Imperjali tar-Russja wara li t-Tsar Pawlu I ġie elett bħala il-Gran Mastru l-ġdid tal-Ordni. L-oġġetti sagri oriġinarjament kienu f'San Pietruburgu, imma wara r-rivoluzzjoni tal-1917, ġew moħbija fi’diversi monasteri biex ma jinstabux u jinqerdu mill-Bolxevisti.
Kien biss dan l-aħħar, madwar għoxrin sena ilu, li ż-żewġ oġġetti sagri ġew misjuba f’monasteru fil-Montenegro. L-ikona issa hija esibita fil-Mużew tal-Arti tal-Montenegro u għaxar snin ilu, fl-2008, il-Knisja Ortodossa Russa organizzat pellegrinaġġ kbir madwar ir-Russja kollha bir-relikwa tad-driegħ ta’ San Ġwann.
Biex jimtela l-vojt ta’ din l-ikona fl-artal tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann, fl-1868 l-immaġni l-antika ġiet mibdula b'pittura ta' Pietro Gagliardi, li fl-1954 ittieħdet fil-mużew tal-Katidral tal-Imdina. Illum minflokha nsibu kwadru sabiħ li huwa kopja tas-seklu sbatax tal-Madonna ta' Lanciano (Abruzzo), magħrufa aħjar bħala il-Madonna ta’ Caraffa għall-Kavallier Fra Gerolomo Caraffa li kien ikkummissjona din il-pittura. Oriġinarjament dan il-kwadru nsibuh fil-Kappella tal-Lingwa tal-Italja fl-istess Kon Katidral.
Forsi ftit huma dawk li jafu li l-ġurisdizzjoni tal-Kappella tal-Madonna tal-Filermos għal żmien twil kienet distinta mill-bqija tal-Knisja Konventwali ta’ San Ġwann u kienet tgawdi minn fond finanzjarju indipendenti amministrat mill-viċi-prijur tal-knisja.
Il-Kappella tal-Madonna ta Filermos hija mżejna b'artal rikk u prospettiva ta’ rħam fin u interzjat. Is-saqaf li huwa mimli bi skultura indurata fih pitturi li jirrappreżentaw: it-Tħabbira tal-Anġlu lill-Madonna, it-Tlugħ tal-Madonna fis-sema u l-Inkurunazzjoni tal-Verġni Marija. Fl-1752, il-kappella ssebbħet b’kanċell tal-fidda mħallas mill-Kavallieri Guillame de Salle u Francesco Rovero de Guarena. Xogħlijiet oħra ta' arti rinaxximentali fl-istess kappella huma salib monumentali prezzjuż impitter minn Polidoro Caldara u kwadru tal-Madonna bit-Bambin.
Illum, din il-kappella hija iktar magħrufa bħala l-Kappella tas-Sagrament. Fiha hemm l-ikona miksija bil-fidda bix-xbiha tal-Madonna ta’ Carafa Madonna.
Kif aċċennajt qabel, il-post oriġinali ta’ din il-Madonna kien fit-tondo li nsibu fuq il-kapolavur tal-Mattia Preti – l-inkurunazzjoni ta' Santa Katerina fil-kappella tal-Lingwa Taljana.
Kien biss wara li l-Madonna ta’ Filermos ittieħdet minn Malta, li l-Madonna ta’ Carafa nqalgħet mit-tondo u ġiet sostitwita mill-arma magħrufa bħala n-Nome di Maria. L-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann minn dejjem ikkunsidrat żewġ oġġetti sagri bħala l-aktar fdalijiet qaddisa tiegħu – id-driegħ ta' San Ġwann il-Battista, rigal tas-Sultan Tork lill-Gran Mastru wara l-waqa ta’ Ġerusalemm, u l-ikona tal-Madonna ta' Filermos.
Din l-ikona li turi xbiha tal-Madonna b’karnaġġjon skur, kienet ikkunsidrata mill-kavallieri bħala mirakuluża u għamlu minn kollox biex jipproteġuha tant li ħaduha magħhom, flimkien mad-driegħ tal-patrun tagħhom San Ġwann, meta ġew mġegħlin jitilqu minn Rodi. Meta, wara l-Assedju l-Kbir ta’ Malta, il-kavallieri ppjanaw il-bini tal-Belt Valletta u l-Knisja Konventwali l-ġdida, ebda waħda mill-kappelli ma ġiet assenjata lil-lingwi differenti, għax din seħħet fis-seklu ta’ wara. Minkejja dan l-ikona ġiet assenjata mill-ewwel biex titqiegħed fil-kappella ta’ maġenb l-altar maġġur. Meta il-knisja ta’ San Ġwann kienet għadha qed titlesta fl-1576, hemm evidenza li l-ikona kienet diġà mqiegħda fil-kappella u setgħu jinkisbu indulġenzi partikulari jekk wieħed iżurha.
Għall-kavallieri din il-kappella kienet meqjusa bħala l-aktar waħda qaddisa. Kienu jitolbu quddiem l-ikona, speċjalment kull darba qabel ma kienu jmorru fuq il-corso (tislit mal-kursara). Din kienet ukoll il-kappella fil-Knisja Konventwali li l-Kavallieri żejnu, ħafna qabel ma ħasbu għad-dekorazzjoni tal-bqija tal-knisja.
Fl-1645, Fra Tommaso Hozzes u Fra Flaminio Balbiano kkummissjonaw l-iskultur Fjorentin Vitale Covati, li kien jgħix f'Messina, biex iżejjen il-ħitan ta’ madwar l-ikona b’irħam aħmar Taljan. L-irħam inġieb minn Messina, u twaħħal fuq disinn ta’ Francesco Murtari, b’stil kważi rinaxximentali, b'kuntrast mal-barokk li nsibu fil-bqija tal-knisja.
It-tinqix tal-ġebel u l-induratura li nsibu qrib l-artal huwa wkoll pjuttost differenti minn dak li nsibu fil-bqija tal-knisja. Dan kien l-ewwel post fejn skultura mnaqqxa ġiet applikata direttament mal-ħitan. Id-disinn tal-kappella kien tal-perit Francesco Buonamici filwaqt li dak tal-bqija tal-knisja kien tal-magħruf Mattia Preti. Karatteristika ewlenija oħra tal-kappella, li semmejt qabel, huwa l-kanċell tal-fidda, li, kif jaf kull Malti, mal-miġja ta’ Napuljun, kienu miżbugħin suwed biex jingħataw dehra ta’ xtiebi tal-ħadid u hekk iqarqu bih u jevitaw li jinsterqu oġġetti oħra sagri tal-fidda.
Fid-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Filermos, l-ikona Biżantina li kien hemm fil-kappella qabel dik ta’ Carafa, kien hemm element qawwi ta’ atmosfera Griega. Kien għalhekk li l-kavallieri ħassew xieraq li jikkreaw l-iconostasis bħalma nsibu fit-tradizzjoni Griega Ortodossa. Din kienet issir permezz ta’ kanċell u bieb li jisseparaw l-ikona vvenerata minn man-nies.
Fl-2009, il-Fondazzjoni ta’ San Ġwann wettqet restawr intensiv fil-Kappella tal-Madonna ta’ Filermos. Wara li tlesta t-tindif u l-indurar mill-ġdid tal-iskultura kollha tal-kappella, bħalma sar fil-bqija tal-knisja, il-viżitaturi issa jistgħu jgawdu iktar ir-rikkezza u l-kobor uniku ta’ din il-knisja ġojell, propju hekk kif xtaquha l-Kavallieri. Ir-restawr tal-kappella sewa madwar €700,000 li ġew iffinanzjati mir-riżorsi tal-Fondazzjoni stess.
Nhar is-Sibt 8 ta' Diċembru, f'jum il-Festa liturġika tal-Immakulata Kunċizzjoni, issir għal darb’oħra l-purċissjoni bil-kwadru tal-Madonna ta' Caraffa. Il-programm ikun jinkludi il-kant tat-talba ta' filgħaxija (l-Għasar) fl-4:00pm u wara pellegrinaġġ bl-ikona msemmija tal-Madonna. Il-purċissjoni titlaq mill-Konkatidral u timxi sa Triq il-Merkanti, tgħaddi minn Pjazza Jean de Vallette u lura mill-ġdid minn Triq il-Merkanti. Din il-festa lil Marija Immakulata tintemm b’quddiesa tal-festa fil-5:30pm.