Wirja tfakkar il-100 sena mit-twaqqif tal-ewwel kumitat tal-festa f'Malta
Il-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri ta' Ħal Qormi qed jorganizza serja ta' attivitajiet biex ifakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tiegħu
Il-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri ta' Ħal Qormi se jkun qed itella' wirja unika fl-okkażjoni tal-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tiegħu.
Kien fid-29 ta' Ġunju tal-1919 li twaqqaf dan il-Kumitat li huwa l-ewwel wieħed f'Malta li kellu f'idu l-festi esterni.
Din il-wirja, li se tiftaħ fit-8 ta’ Frar li ġej, se tkun tinkludi numru ta’ statwi li huma xogħol l-artist Qormi u wieħed mill-ewwel membri tal-Kumitat, Carmelo Mallia, magħruf mal-Maltin bħala 'il-Lhudi'
Il-ftuħ se jsir fiċ-Ċentru tal-Armar San Ġorġ Martri fi Triq il-Blata f’Ħal Qormi fis-6:30pm, bil-wirja tibqa’ miftuħa sas-17 ta’ Frar. Fiha se jieħdu sehem diversi għaqdiet tal-armar minn madwar Malta.
Iżda ċ-ċelebrazzjonijiet mhux se jiefqu hawn. Fit-23 t’April, fil-jum tal-festa liturġika ta’ San Ġorġ, il-Kumitat Festi Esterni se jiftaħ uffiċjalment il-maħżen il-ġdid tal-armar fi Triq San Pietru.
Dakinhar se ssir attività quddiem il-maħżen fejn fiha se jintwera filmat b’diversi intervisti lil membri u eks membri li ffurmat parti mill-Kumitat magħtul is-snin.
Se jiġu ppublikati ukoll ktieb dwar l-ewwel 100 sena tal-Kumitat Festi Esterni San Ġorġ Martri, bl-isem ‘Nagħmlu Festa’ miktub minn Joseph A. Bugeja, kif ukoll sett bolol biex ifakkru dan l-anniversarju importanti.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ikomplu fil-21 ta’ Ġunju fejn se jsir kunċert mużikali ta’ livell għoli fil-Knisja Arċipretali ta’ San Ġorġ Martri biex jimmarka l-100 sena tal-Kumitat.
Għal min hu dilettant tal-festi jaf li mill-1919, dan il-Kumitat ħadem qatigħ biex illum il-festa ta' San Ġorġ hija waħda mill-aqwa festi f'pajjiżna, kemm mill-aspett ta' briju u nar u anke mill-aspett ta' armar rikk li jlibbes il-qalba tal-Belt Pinto fil-ġranet tal-festa.
Dan biex ma nsemmux l-involviment tal-Kumitat Festi Esterni f’attivitajiet nazzjonali li ħoloq hu stess bħall-Qormi Wine Festival, il-Malta Springfest, il-Guinness World Record għall-Akbar Tazza tal-Inbid (2012), u l-ħolqien tar-radju Leħen il-Belt Ġorġjana.