Ritratti | ‘Għandi kilba li nibqa’ nikkomunika…għalhekk ħdimt dan il-Monument’
L-ILLUM tmur il-Belt Valletta u tiltaqa’ ma’ Hector Bruno, mhux biex tkellmu dwar xi spettaklu jew xi karattru li se jintrepreta, iżda dwar vara tal-Ġimgħa l-Kbira li ħadem hu stess u li ilejla se tkun qed tinħareġ f’mixja madwar it-toroq tal-Belt Valletta

Hector Bruno. Bla dubju huwa wieħed mill-personalitajiet l-aktar maħbuba mal-Maltin u bir-raġun, għax min jaf kemm ferraħ nies bil-karattri li interpreta. Iżda ftit jafu li apparti li huwa dilettant kbir tat-teatru, Hector Bruno huwa wkoll dilettant kbir ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Knisja, partikolarment tal-Ġimgħa Mqadds
Il-gazzetta ILLUM marret il-Belt Valletta u żaret iż-żewġ kmamar li Hector għandu fi Triq it-Teatru l-Antik u fejn jgħaddi ħafna mill-ħin tal-ġurnata fis-skiet joħloq b’idejh dak li jkun ħolom.
F’dawn il-kmamar Hector diġà ħadem knisja minjatura ddedikata lil Sant’Antin, iżda din is-sena għamel xi ħaġa unika. Mix-xejn, irnexxielu joħloq dak li huwa magħruf bħala l-Monument, jiġifieri dik is-sodda ddekorata li fiha jitpoġġa l-korp ta’ Kristu Mejjet u li jinħareġ fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.
Ħafna għandhom minjaturi tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, iżda dan il-Monument li ħoloq Hector huwa mdaqqas, tant li nhar Ħamis ix-Xirka filgħaxija, se jkun qed jinħareġ f’purċissjoni madwar it-toroq tal-Belt Valletta.
Fi kliemu stess, għamel dan mhux biss għax dilettant, iżda għax permezz tiegħu jrid jibqa’ jikkomunika man-nies.
Malli wasalna, sibna lil Hector għadu għaddej bl-aħħar irtokki fuq dan il-Monument, fil-maħżen, fejn għal dawn l-aħħar 150 sena, il-familja Bruno dejjem ħadmet fl-injam.
Xi kultant hu stess jieqaf iħares u jiskanta lejh, kważi kważi jistaqsi lilu nnifsu kif irnexxielu joħolqu għax minkejja li missieru u nannuh kienu jaħdmu l-injam, ix-xogħol ta’ mastrudaxxa qatt ma ħabbu. “Jien dejjem kont inkun irrid immur San Pawl jew ta’ Ġieżu,” qalilna Hector.
Minkejja dan, Hector illum huwa kuntent li mix-xejn irnexxielu joħloq din l-istatwa mill-isbaħ, kollox frott l-immaġinazzjoni tiegħu u l-ħila ta’ jdejh, mill-kuruna li ssaqqaf il-Monument sal-bradella li ħadimlu apposta biex ikun jista’ joħorġu f’purċissjoni .

Iżda minn fejn ġietu l-idea li jaħdem dan il-Monument?
Tkellimna dwar dan il-Monument u minn fejn nibtet l-idea li jaħdmu.
“Kont rajt il-Korp ta’ Kristu Mejjet għand l-iskultur Remon Camilleri. Kien il-korp waħdu, fuq biċċa rħama u kellu miegħu żewġ puttini. Wiċċ Kristu immeraviljani wisq,” qalilna Hector li kien talab lill-iskultur biex jagħtih dan il-korp. “Għamel xi sena u nofs għandi. Xi kultant kont immur nittawwallu. Is-sena l-oħra għamiltlu saqqu biss, iżda waqt il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tas-sena li għaddiet iddeċidejt li nagħmillu Monument.”
Ma’ Hector tkellimna dwar il-fatt li kull ħaġa li fih dan il-Monument ħoloqha hu stess, sal-ġmiemel żgħar imdendla mad-drapp taċ-ċelu. Seta’ faċilment mar jixtri sett ġmiemel minn kwalunkwe ħanut li jbigħ affarijiet tal-knejjes, iżda Hector għażel li jgħaqqad dawn il-ġmiemel huwa stess, biċċa biċċa.
Anke l-bradella li fuqha jserraħ il-Monument. Mhuwiex injam kwalunkwe. Iżda huwa l-injam tas-sodda ta’ ommu u missieru kompla jispjegalna Hector bi tbissima. Kif jgħid il-Malti: “Erfa’ u sorr għal meta tiġi bżonn.”
“Ħdimt kollox jiena. Il-patalotti, id-disinn tagħhom, il-gwarniċi u dak kollu li qed tara b’għajnejk,” spjegalna Hector. “Daqqa t’id kelli wkoll. Oħti pereżempju ħadmitli s-saqqu u l-imħadda.”
Kollox beda ġej perfett...
Meta tara dan il-Monument jolqtuk id-dettalji li fih u ma’ Hector tkellimna dwar il-fatt li ħafna mill-affarijiet li jżejnuh, ġew f’idejh b’kumbinazzjoni.
“Komplejt nagħmel ħafna kuraġġ ukoll meta fil-Ġimgħa l-Kbira tas-sena li għaddiet ġew f’idejja sett brazzi. Kien għadu ma kelli xejn mill-Monument u kif rajthom mill-ewwel indunajt li kienu joqogħdu perfettament ma’ dak li kelli f’moħħi. Ta’ min kienu, kien jerfa’ fil-vari ta’ Ġieżu tal-Belt Valletta,” kompla jispjegalna Hector.
L-istess il-patallotti taċ-ċelu. Hector ħadimhom minn biċċa lama antika li kienet tagħmel parti mill-patallotti tal-Monument tal-Knisja ta’ Ġieżu. Dan, snin ilu, kien ixxarrab u kellu jinbidillu d-drapp kollu u r-reffiegħa kienu ħadu biċċa lama kull wieħed.
“Wieħed minnhom irregalahieli biex stajt nużaha għall-Monument tiegħi,” qalilna Hector. “Bil-mod il-mod, ħaġa wara ħaġa rnexxieli nagħmlu.”

U minn fejn nibtet l-idea li ssir mixja bil-Monument?
Iżda terġa’ u tgħid anke wara li Hector lestha x-xogħol, kollox baqa’ ġej perfett. Il-ħsieb ta’ Hector kien li nhar il-Ħamis ix-Xirka, joħroġ dan il-Monument f’purċissjoni mill-post fejn ħadmu, lejn il-Knisja tal-Monasteru ta’ Sant Ursola biex mhux biss jitgawda mis-sorijiet tal-klawsura, iżda anke minn dawk li fil-ġranet tal-Għid, iżuru din il-knisja.
Madanakollu, il-programm inbidel ta’ taħt fuq. Dan il-Monument, nhar Ħamis ix-Xirka, waqt li għaddejjin is-Seba’ Visti, se jkun qiegħed jinħareġ f’purċissjoni, li Hector qed isejħilha “Mixja għas-Salvazzjoni, akkumpanjata mid-daqq tal-marċi funebri.”
Fil-fatt, nhar Ħamis ix-Xirka, is-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Vallette, stiednet lill-Associazione Musicale Santa Cecilia ta’ Buseto Pizzola fi Sqallija biex iddur mat-toroq tal-Kapitali u ddoqq il-marċi funebri li huma sinonimi ma’ dan iż-żmien tas-sena.
Jiena għandi din il-kilba li nibqa’ nikkomunika. Flok qed ngħid lill-pubbliku ejjew arawni jew ejjew araw x’qed nagħmel, b’dan il-Monument se nkun jien li mmur għand in-nies
“Avviċinani l-President ta’ La Vallette, Jonathan Grima u ħareġ b’din l-idea u mill-ewwel aċċettajt. Malli l-banda se tasal hawn, se ngħaddu bil-Monument minn Triq Sant’Ursola u minn Triq San Pawl. Imbagħad, jiena se ninżel bil-Monument mit-taraġ Ta’ Ġieżu biex inġibu lura hawn u l-banda tkompli bit-triq tagħha lejn iċ-ċentru tal-Belt,” spjegalna Hector.
‘Ma ħdimtux biex nieħu gost bih jiena’
Iżda l-pjanijiet ta’ Hector Bruno ma jiqfux hawn. Kif qalilna hu stess, ma ħadimx dan il-Monument biex igawdih u jieħu gost bih hu.
“L-iskop tiegħi mhuwiex li nħallih hawn. Jekk il-Bambin jagħtini s-saħħa, fis-snin li ġejjin nixtieq li nieħdu fi nħawi oħra tal-Belt Valletta. Ma neskludix ukoll, għax diġà kien hemm min staqsieni, li nieħdu barra l-Belt,” kompla jgħidilna Hector.
Iżda apparti d-devozzjoni li ħadem biha dan il-Monument, Hector kellu wkoll skop ieħor: li jibqa’ viċin in-nies.
“Jiena għandi din il-kilba li nibqa’ nikkomunika. Flok qed ngħid lill-pubbliku ejjew arawni jew ejjew araw x’qed nagħmel, b’dan il-Monument se nkun jien li mmur għand in-nies,” saħaq Hector.

‘Għandna nibżgħu għal din it-tradizzjoni u nħeġġu aktar liż-żgħażagħ’
Fl-aħħar nett staqsejna lil Hector dwar din it-tradizzjoni. Iż-żgħażagħ għadhom jinteressaw ruħhom f’dawn l-affarijiet? Hector mhuwiex pessimist, anzi saħaq li ħafna żgħażagħ jinteressaw ruħhom.
“Mill-ftit żgħażagħ li għad fadal il-Belt, ħafna minnhom jinteressaw ruħhom anke jekk illum għandhom ħafna aktar fiex jedhew. Fi żmieni x’aktarx li dan kien l-uniku żvog tagħna, għalkemm jiena dejjem kont xi ftit differenti għax moħħi, minn meta kont żgħir, kien fit-teatru u fit-televiżjoni,” qalilna Hector.
Madanakollu insista li l-interess f’din it-tradizzjoni għadu qawwi, anke barra mill-Belt Valletta. Kien hawn li appella biex din it-tradizzjoni nibżgħu għaliha.
“Għandna nibżgħu għal din it-tradizzjoni u nħeġġu liż-żgħażagħ. Ma għandniex inħarsu lejha biss bħala tradizzjoni kulturali iżda għandha nżommu f’moħħna li għandha wkoll rabta intrinsika mat-twemmin reliġjuż tagħna,” temm jgħidilna Hector Bruno sodisfatt b’dak li rnexxielu joħloq.
