Jgħajtu x-xjuħ u jgħajtu t-tfal ara ġej il-Karnival ... tas-sajf
Apparti Buġibba u Wied il-Għajn, minn din is-sena l-Karnival tas-Sajf se jsir ukoll f'Birżebbuġa
Jgħajtu x-xjuħ u jgħajtu t-tfal ara ġej il-Karnival tas-Sajf. Illum il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, permezz ta’ Festivals Malta, tħabbar il-programm tal-avvenimenti għall-Karnival tas-Sajf 2019, li se jsir bejn it-23 u l-25 ta’ Awwissu 2019.
Il-karnival tas-sajf huwa karatterizzat minn parata mat-toroq fi rħula ħdejn il-baħar. Il-karrijiet huma ġeneralment iżgħar minn dawk tal-karnival tax-xitwa, u total ta’ 13-il karru, li wieħed minnhom se jkun ġej minn Għawdex, kif ukoll 5 skejjel taż-żfin se janimaw l-avvenimenti ta’ din is-sena.
Il-karnival tas-sajf se jibda f’Buġibba nhar it-23 ta’ Awwissu fis-7:30pm bil-Gran Dèfilè li jibda minn Dawret il-Gżejjer. Id-dèfilè tas-Sibt se jibda minn fejn is-Santana Hotel fis-7:30pm fejn imbagħad se jimxi lejn Islet Promenade, li jara l-kulminu tiegħu fil-pjazza ta’ Buġibba.
Is-Sibt, il-karnival tas-sajf se jkun preżenti wkoll f’Birżebbuġa. Il-parata se tibda fis-7:30pm mill-venda tal-linja u se timxi max-xatt tal-Bajja s-Sabiħa.
Il-Ħadd, il-festeġġamenti se jimxu għal Marsaskala fejn l-isfilata li se jkollha wkoll il-parteċipazzjoni tal-Banda Sant’ Anna, se tieħu rotta ġdida, miż-Żonqor għaċ-ċentru ta’ Marsaskala fis-7:30pm.
Inizjattiva oħra ta’ Festivals Malta għall-karnival tas-sajf kienet il-kollaborazzjoni tal-Università mal-istudenti tal-MCAST fejn l-istudenti ġew mistiedna li jressqu illustrazzjonijiet artistiċi li jirrappreżentaw il-karnival tas-sajf li se jintuża għal skop promozzjonali.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li avvenimenti bħall-karnival tas-sajf jgħinu biex insaħħu l-kalendarju kulturali lokali matul dan iż-żmien tas-sena.
“Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival huma mistennija mill-komunità lokali kif ukoll minn dawk li jżuruna u permezz tal-karnival tas-sajf mhux biss qegħdin insaħħu inizjattiva unika imma qegħdin nilħqu aktar membri tal-komunità permezz tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti ta’ din is-sura f’lokalitajiet differenti u nilħqu udjenza usa’, filwaqt li nagħmlu l-karnival tas-sajf aktar aċċessibbli,” saħaq il-Ministru.