Letteratura | Worstward Ho u l-iskandlu tat-tliet rumanzi
Wara l-kontroversji li ġabet it-tħabbira tar-riżultati tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb – l-iżjed id-deċiżjoni tal-ġurija li ma taġġudika ebda premju fil-kategorija tar-rumanzi – Saliba jirrifletti fuq ir-rebbieħa u fuq it-telliefa. Itenni l-pożizzjoni tal-ġurija filwaqt li jinvalida bosta mir-reazzjonijiet li qamu. B’tislima lil Samuel Beckett u lil Will Self, imbagħad, isostni li fl-aħħar mill-aħħar fil-letteratura mhemmx lok għar-rebħ għax il-kitba dejjem tibqa’ logħba mitlufa. F’din l-era diġitali għandu mnejn mitluf ukoll il-ġejjieni tar-rumanz. Madankollu Saliba jisħaq li minkejja kollox il-ħidma jenħtieġ tissokkta.
Tul dawn l-aħħar jiem intqal ħafna, ġieli forsi żżejjed, rigward ir-riżultati “xokkanti” tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019. L-aħbar prinċipali kienet li l-ġurija – illi jiena kont nagħmel parti minnha – din id-darba m’aġġudikat ebda premju fil-kategorija tar-rumanzi. Fost ħafna botti u risposti, b’xorti ħażina, waqgħet ħafna attenzjoni xejn f’lokha fuq l-aġġudikanti. Ġrew għadd ta’ diċeriji dwar il-motivi malinni li seta’ kellhom. Kien hemm il-biki u t-theżżiż tas-snien. Saħnu xi rjus – fosthom tiegħi jiddispjaċini ngħid. Qam it-taħqiq. Intefa’ t-tajn u sfajna fil-merdaq. Bosta qalgħu ħafna minn żniedhom. Saħansitra tqattgħu l-karti bejn ħbieb, kollegi u persuni assoċjati magħhom. Intant, saru diversi ġesti ta’ solidarjetà mal-kittieba li – kontra l-aspettattivi ta’ bosta – fallew milli jerbħu l-Premju. Għaldaqstant, bil-kontra tas-soltu, l-aħbarijiet tkellmu ferm iżjed fuq it-telliefa milli fuq ir-rebbieħa.
F’dan l-artiklu biħsiebni nikkonċentra l-iżjed proprju fuq dan il-fatt, iżda qabelxejn tajjeb li niftaħ did-daqsxejn ta’ parenteżi: premji bħal dawn għandhom ħabta jqajmu l-kontroversji. Kif innota l-kittieb Immanuel Mifsud, polemiċi bħal dawn iqumu barra xtutna fi premji ferm iżjed prestiġġjużi. Fl-2016 l-aħbar li Bob Dylan ingħata l-Premju Nobel għal-Letteratura żgur ma niżlitx tajjeb ma’ kulħadd, l-iżjed fost dawk li dehrilhom li l-kantawtur ma kellu qatt ikun eleġibbli għal dan l-unur. Agħar minn hekk, fl-2018 dan il-Premju ma ngħatax kaġun ta’ akkużi ta’ kunflitt ta’ interess, imġiba professjonali skorretta u saħansitra allegazzjonijiet ta’ mġiba sesswali abbużiva kontra figuri kulturali ewlenin qrib l-Akkademja Żvediża. Is-sena li għaddiet, il-kontroversji ssukktaw wara li l-ġurija aġġudikat dan il-Premju lill-awtur Awstrijakk Peter Handke – propogandist u apoloġist magħruf tal-ġenoċidji mwettqa mir-reġim Serb ta’ Slobodan Milošević. Il-fatt li f’din l-istess edizzjoni dan il-Premju ngħata wkoll lill-awtriċi Pollakka Olga Tokarczuk donnu ftit li xejn mewwet it-tisbit tas-saqajn. Forsi eqreb lejna, il-Premju Booker tas-sena li għaddiet ma kienx nieqes mill-battibekki, l-iżjed għax ċerti kummentaturi ma rawhiex f’lokha li l-ewwel rebbieħa mara ta’ ġilda skura kellha taqsam dan il-Premju m’awtriċi oħra.
Lura għall-Premju tagħna, id-deċiżjoni tal-ġurija li ma taġġudikax il-Premju fil-kategorija tar-rumanzi – u dan minkejja li kienet siltet tliet kandidati potenzjali minn sbatax – qajmet ħamba liema bħalha, l-iżjed fil-mezzi tal-midja soċjali. Ekku l-iskandlu tat-tliet rumanzi. Segwiet minnufih sensiela ta’ battibekki – nammetti li aktarx affrattati – bejn l-aġġudikanti u diversi segwaċi ta’ kittieba stabbilita. L-għagħa kompliet teskala l-għada stess wara malintiż bejn il-ġurija u l-ġurnalist tal-ġurnal MaltaToday Matthew Vella. Dan wassal biex stqarrija ġenerali skjetta mill-aġġudikanti dwar il-livell letterarju atroċi tar-rumanzi skwalifikati ttieħdet bħala valutazzjoni speċifika rigward it-tliet rumanzi magħżula.
Xiljiet stil reductio ad absurdum
Uħud qajmu oġġezzjonijiet rispettabbli. Jiddispjaċini ninnota wkoll illi bosta oħrajn imbagħad, fosthom ċerti kanvażers, ħarġu barra l-ħażż waħda nobis: qajmu allegazzjonijiet infondati rigward nuqqas ta’ kompetenza, kapriċċi elitisti, ikonaklastiżmu, snobbiżmu u saħansitra antipatiji personali u politiċi. Xi ħadd, nittama li sempliċement biex jiċċajta, semma wkoll il-famużi 15-il minuta fama t’Andy Warhol. Bħal dak li qallu l-aġġudikanti jeħtieġu bilfors jagħmluha tal-enfants terribles – bħal xi Erostrate f’Efesu – sabiex iniżżlu isimhom fir-rassenja tal-pantenon tal-letterati tal-pajjiż. Spikkaw fuq kollox, adirittura, xiljiet insensati stil reductio ad absurdum dwar preġudizzji sessisti minn ċerti feministi daqsxejn quatrième vague – aktarx l-ikbar watercooler moment tas-saga kollha. Kważi kulħadd iżarrad u jġib lil min iżarrad.
Almenu l-kontroversji fil-Premji msemmija qabel kellhom imqar nikta sugu, iżda bosta kummenti li saru rigward dak tagħna kienu tant ċuċeski li ’qas biss ħaqqhom tweġiba. Biss biss ir-riżultati mħabbra fil-kategoriji l-oħrajn jitkellmu weħidhom. F’dan ir-rigward il-ġurija għamlitha ċara li din is-sena ddeċidiet li tikteb paġna ġdida billi twessa’ daqsxejn l-iskop – u għaldaqstant il-prestiġju – tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Konna ilna snin inpespsu f’widnejn xulxin li jenħtieġ ngħollu l-livell tal-prodott letterarju Malti. Biex imbagħad issa, meta ġejna għas-si u no u xi erba’ sfrattafesti marru jdendlu l-ġonġol m’għonq il-qattus, donnu kważi kulħadd infexx jittoffa u jissotta. Issoponejna li pass bħal dan forsi seta’ jipprovoka polemika, iżda ’qas f’seba’ mitt sena ma bsarna li diskussjoni daqstant fejjieda bħal din kienet ser tisfa’ f’dil-assurdaġni xarabankeska kollha. Dal-pajjiż ma jfieq qatt.
Il-letteratura dejjem logħba mitlufa
Niġu issa għas-serjetà: aktarx din kienet l-ewwel darba, almenu mill-2007 ’l hawn, illi qamet kommozzjoni daqstant sfiqa madwar rumanziera li fallew milli jerbħu dan il-Premju. Bħal dak li qallu li qabelxejn ir-rumanzi jinkitbu sabiex jintrebħu r-rigali fil-Prize Day. Qisna tfal żgħar! Milli jidher fl-imħuħ ta’ bosta għad hemm din l-idea żgarrata li l-letteratura hija xi tellieqa – jekk mhux ukoll elezzjoni ġenerali – fejn xi ħadd bilfors irid jerbaħ, l-iżjed billi jikseb il-prosit uffiċjali ta’ terzi. Niġu f’dan, ngħid għalija almenu, ili snin tal-kredu li l-letteratura – fl-aħħar mill-aħħar – hija dejjem logħba telliefa. Indur kemm indur, f’dar-rigward, dejjem niġi fi kliem il-kittieb u kritiku letterarju Will Self: “Li tittanta tikteb bis-serjetà, inħoss jien, ifisser li titlef”. F’dil-logħba hija ħaġa minn ewl id-dinja li niktbu x’niktbu nfallu lkoll. Għaldaqshekk f’din l-iskola ta’ ħsieb il-kilba għall-kitba minnha nfisha tibqa’ dejjem kwistjoni ta’ min ifalli l-inqas iżjed milli ta’ min jerbaħ l-iktar.
Pertinenti ħafna hawnhekk il-qawl tal-kittieb Ingliż Robert Graves illi l-poeżija hija taqbida “mal-impossibbiltà enormi tal-lingwa”. Dan jgħodd, nemmen jien, għal kull xorta ta’ kitba u attività letterarja – ibda mill-kitba tan-narrattiva u spiċċa fit-traduzzjoni. Allura niftakar imbagħad, irrid jew ma rridx, fuq l-għadd ta’ jiemmitlufa niċċassa lejn paġna bajda. Fuq ir-riżmi karti li ħassart u saħansitra ħraqt. Fuq il-kliem li qajla jagħmlu biżżejjed ġieħ lill-ħsibijiet jew lill-ħsus li nissluhom. Fuq narrattivi li jixkanaw minn tulhom fl-art jew jidbielu fix-xejn bħat-tifkiriet matutin tal-ħolm tal-lejl ta’ qabel. Fuq il-katavri ta’ karattri li qtilt ħesrem, uħud minnhom qabel biss ħadu xi għamla ta’ ħajja. Fuq l-irmied tal-paġni tar-rumanz li żmien ilu ridt nikteb dwar il-mewt ta’ missieri u l-firda minn ċerta maħbuba – Ir-Rit ta’ Kristifu/L-Għasafar tal-Ġenna. Jingħad li kittieb ieħor Ingliż, did-darba Edward Morgan Forster, darba staqsa dan: “Kif tridni ngħid dak li naħseb qabel nara dak li ngħid?” Ma nlumux.
Jgħid x’kien jgħid il-ħassieb George Steiner il-fidi għamja fil-lingwa ilha li ntilfet. Diġà qed nisma’ ’l min imaħħaħ li forsi dan il-veru każ li jekk ma nilgħabx inħassar. Intant tul l-istorja diversi kittieba kbar stqarru, anzi saħqu, li għaddew minn dawn il-martirji impossibbli. Ibda bil-perċimes fosthom kollha: Samuel Beckett. Immortali ormaj is-silta mill-kitba esperimentali tiegħu Worstward Ho: “Ever tried. Ever failed. No matter. Try again. Fail again. Fail better.” Li kelli nittanta nrodd din fil-Malti – b’moħħi band’oħra u b’did-daqsxejn ħajta deni – dal-ħin aktarx infalli. F’dil-epoka tat-tiranni tat-tbissima parir bħal dan spiss jittieħed bħala messaġġ maħsub biex iqawwilna qalbna kontra l-fallimenti tal-ħajja. Min jaf x’jaħseb illum Beckett li kellu josserva dil-miżappropjazzjoni li saret minn dan l-imperattiv kreattiv? Beckett fil-fallimenti kien jifhem qatigħ. L-ewwel rumanz tiegħu ma ried jippubblikah ħadd. Dak li mbagħad seħħlu jsalva minnu ma xtrah kważi ħadd lanqas. Dak iż-żmien, forsi sforz l-affinità ma’ James Joyce, kien aktarx għadu jbati minn dik li Harold Bloom isejħilha l-ansjetà tal-influwenza. Niġu f’dan, it-terminu “anxiety of influence” fl-istqarrija tagħna ma ktibniehx għalxejn. Forsi ġenji m’aħniex, iżda ġdur sabarra m’aħniex lanqas. Xi ktieb ’l hawn u ’l hemmqrajnieh żgur.
Safrattant il-kunsill siewi ta’ Beckett jirrigwarda, iżda minn kull ħaġa oħra, l-impossibbiltà li l-lingwa – u għaldaqstant il-ġest utopiku tal-kitba letterarja – tasal tħaddan fiha t-tifsir kollu li ninfliġġu fuqha sabiex nagħmlu stqarrijiet dwar id-dinja, fosthom billi niktbu r-rumanzi. F’Worstward Ho difatti anke l-lingwa tfalli daqsinsew, jew aħjar, kien jenħtieġ tfalli. Il-falliment inevitabbli. Xi kitbiet inqas minn oħrajn, iżda fl-aħħar mill-aħħar kull kitba tfalli. Riflessjoni bħal din minn Beckett – għal ġieħna magħmula lejn tmiem il-karriera tiegħu – m’għandhiex tittieħed b’niskata melħ. Għajb għalina jekk nirrambaw messaġġier bħal dan. Anzi, nazzarda ngħid illi kittieb li ma fehemx dan għadu ’qas biss beda – aħseb u ara kemm jista’ jkollu xi jedd awtomatiku fuq xi premju.
Ir-rumanz fil-ġenerazzjoni post-Gutenberg
Din il-qagħda fallimentari tal-kittieba – ta’ dawk rebbieħa tal-premji xejn inqas – għandu mnejn fi żmienna saret ferm iżjed skabruża fost il-letterati żgħażagħ. U dan għax f’din l-era diġitali, bil-kontra tar-rumanziera tampari, dawn mhumiex parti mill-komunità letterarja ta’ dawk li Marshall McLuhan kien sejħilhom “l-imħuħ Gutenberg” – voldieri dawk illi trabbew jaqraw mill-paġni stampati iżjed milli minn fuq l-aġġeġġi. Will Self tul dal-aħħar snin qajjem pandemonju – ferm ikbar minn dak imqanqal mill-ġurija tal-Premju Nazzjonali – sewwasew għax stqarr din il-fehma biex isostni t-twemmin tiegħu fil-mewt tar-rumanz bħala forma artistika maġġuri. Bħal David Peace ftit snin qablu, Self saħansitra jasal jistaqsi jekk f’dan l-istadju bħala speċi aħniex qegħdin nevolvu lil hinn mill-ħtieġa li nirrakkontaw l-istejjer. Beckett bħal donnu kien ried jgħid l-istess ħaġa fit-testi Texts for Nothing.
Jidhirli li l-modi kif xi wħud laqgħu l-verdett tal-ġurija tal-Premju Nazzjonali forsi jagħti ħafna piż lit-twissijiet ta’ Self, l-iżjed dawk rigward il-frammentazzjoni tal-konċentrazzjoni u “r-reżistenza kontra d-diffikultà fil-manifestazzjonijiet estetiċi kollha tagħha”. Bosta ħassieba ewlenin oħrajn – fosthom Roger Scruton u Sam Vaknin – dan l-aħħar tkellmu wkoll bosta drabi f’dan is-sens; tal-ewwel b’referenza għall-konsum tal-kultura fi żmienna b’enfasi fuq il-mużika, tal-aħħar b’referenza għat-trijonf tal-immaġni fuq il-kelma u għall-ftaqir tad-diskors tal-intellettwali pubbliċi kkaġunati min-natura viżiva, konċiża u effimera tal-mezzi tal-midja soċjali.
Dawn t’hawnhekk mhumiex bilfors riflessjonijiet speċifiċi rigward il-valur letterarju tar-rumanzi finalisti. Niġu f’dan it-tliet kittieba inkwistjoni ma jappartenux lill-ġenerazzjoni post-Gutenberg. Did-diskussjoni jenħtieġ tmur ukoll lil hinn. Tassew jidhirli li ebda diskussjoni serja dwar il-qagħda u l-prospetti tal-letteratura tagħna – u b’mod speċjali dwar ġejjieni tar-rumanz Malti – ma tista’ titbiegħed wisq minn dan id-diskors. Ir-rumanzier Malti m’għandu ebda ċans jimxi ’l quddiem dment li dina l-għamla ta’ narrattiva għada pitgħada tisfa espressjoni marġinali f’kultura globali li tiċċelebra l-medjokrità.
Jibqa’ l-fatt li kull wieħed mir-rumanzi finalisti falla milli jissodisfa l-kriterji stabbiliti mill-ġurija. B’daqshekk ma waqgħetx id-dinja. Hekk jew hekk, ilkoll nafu li bosta klassiċi tal-lum ftit li xejn kienu ngħataw kredtu fi żmienhom. L-Istorja qatt ma tieqaf tinkiteb u mhu minnu xejn li din dejjem iħażżuha biss ir-rebbieħa: għandu mnejn il-ġenerazzjonijiet ġejjiena għad iħarsu lura u jgħidu kemm tassew konna ċwieċ. Kemm-il darba jseħħ dan tabilħaqq l-Istorja jkunu kitbuha t-telliefa.Jalla. Iż-żmien għad jagħti parir.
Infallu aħjar
Intant, kif qalilna Beckett, fil-kitba ser nibqgħu nfallu. Iżda żgur li ser infallu agħarjekk minflok il-kitba nfisha ser inkomplu niftħu n-nar fuq l-aġġudikanti jew nibqgħu ħsiebna biss fil-kittieba nfushom. Dan li ġej punt sottili ħafna: kemm-il darba rridu nfallu aħjar – almenu f’dana l-iskandlu tat-tliet rumanzi – għal darba jaqbel nagħtu wkoll daqsxejn palju lil Roland Barthes. Il-kittieb jenħtieġ imut. Nemmen li l-aġġudikant mhux inqas.
F’intervista dwar il-fallimenti letterarji mal-ġurnal The Guardian Will Self kien stqarr il-fehma li “ħajja kreattiva ma tintaqx bl-approvazzjoni daqskemm lanqas tista’ tinqered bil-kritika. Dan titgħallmu mat-triq”. Ma jfidx li nġibu d-dinja fit-tarf. Minkejja kollox il-ħidma jenħtieġ tissokta. Għaldaqstant tajjeb ukoll li aħna lkoll – jiġifieri l-pubblikaturi, il-kittieba, il-qarrejja, il-kritiċi u l-ġudikanti – inwarrbu mqar għal mument wieħed in-novella Worstward Ho ta’ Beckett ħalli niftakru, minflok, fir-rumanz tiegħu The Unnamable – “You must go on. I can’t go on. I’ll go on.”