Letteratura | Id-dmugħ li sar velenu
Fir-rokna letterarja ta’ din il-ġimgħa, Kevin Saliba jitkellem mal-poeta Omar Seguna dwar il-ġabra tiegħu Xehir fis-Skiet. Qabelxejn jistaqsih jekk il-poeżija dwar l-imħabba saritx klixè. Jinnota li l-poeżija tiegħu did-darba ħadet l-għamla ta’ protesta politika qawwija filwaqt li jqajjem mistoqsija dwar jekk il-letteratura tistax qatt tkun tassew newtrali. F’dar-rigward jissokta jiġbidlu l-attenzjoni rigward kunflitt possibbli bejn il-vrus poetiċi u l-appartenenzi politiċi tiegħu. Seguna jirribatti
Fl-ewwel ġabriet tiegħek, bħal ngħidu aħna Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad, ktibt ħafna dwar l-imħabba. Jispikkaw fost oħrajn titli forsi kemxejn passé bħali Stqarrija Personali, Ngħixu fl-Imħabba, Żifna Romantika Miegħek, Maħbubin. Qed niftakar, dal-ħin, fir-rimarka xejn kumplimentuża ta’ Dalì dwar is-similitudni bejn il-ħaddejn u l-ward. Qabelxejn, ma taħsibx li fi żmienna l-poeżija dwar l-imħabba jenħtieġ titbiegħed minn dal-klixes?
Kif għidt inti Mal-Ħoss Qawwi tar-Ragħad kien l-ewwel ġabra u tinkludi poeżiji ta’ mħabba, xi wħud jesprimu solitudni wkoll. Però nemmen li dawn it-tip ta’ poeżiji sentimentali għadhom relevanti ħafna wkoll. L-importanti huwa li l-poeżija jkollha għażla tajba tal-kelma, anke jekk tħaddan il-vers tradizzjonali.
Xehir fis-Skiet għandu tema ftit ta’ rabja, ftit oskura kif tixhed anke l-qoxra u d-dehra tiegħu, kważi tfakkrek f’xi album ta’ mużika tqila. Fil-fatt biex inżomm ma’ dan l-istil u tema anke l-istess titlu ta’ din is-sezzjoni jismu Funeral ta’ Mħabba. Hawnhekk se nsibu poeżiji ta’ rabja bħal Imħabba li Qatt ma Eżistiet jew Midfunin il-Ħajjin il-Mejtin fejn għandha l-poeżija normali u parti minnha li tinqara f’mera. Bħalma hija l-poeżija Fil-Mera. Imma mbagħad anke f’dan il-ktieb għandna dawk il-poeżiji li jiċċelebraw l-imħabba, biex ngħid hekk. Ferm għal qalbi hija Tini Waqt Wieħed Biss li ssemmiet b’ġieħ u ġiet ippubblikata f’rivisti tajbin.
Jekk tippermettili, poeżija ftit unika hija Minn Ġewwa Nett li tqarreb lejn l-arti viżiva li ftit ftit qed issir timbru tiegħi wkoll. Din il-poeżija tikkonsisti fi strofa waħda bil-vers endekasillabu però f’qafas ta’ kaxxi Ċiniżi li viżwalment jurik il-profondità tal-imħabba u forsi “l-eternità”.
Intant, hu x’inhu, fil-biċċa l-kbira maż-żmien donnok abbandunajtha din it-tematika. It-ton strettament personali naqas qatigħ. Biss biss fl-aħħar ġabra tiegħek Xehir fis-Skiet kompliet tikber l-enfasi fuq ħwejjeġ universali. Bosta poeżiji filfatt huma vrus ta’ protesta kontra bosta realtajiet imwiegħra tal-kundizzjoni umana, fosthom l-inġustizzji soċjali, il-qerda ambjentali, id-diżonestà tal-politiċi, ir-razziżmu, il-kapitaliżmu. X’kien wasalt f’dan il-punt?
Hekk hu u naqbel miegħek. It-ton personali naqas sa ċertu punt għax anke dawn il-poeżiji huma frott dak li nikkitni, dak li dejjaqni. Imma forsi l-esperjenza kif għidt inti ġagħlitni ninfatam ftit mid-dinja ta’ madwari. Bdew jolqtuni aktar temi li huma ’l barra minni però xorta direttament jew indirettament jaffetwawna.
Nitnikket meta nara l-imwiet fl-ibħra tagħna. Fi Twiebet Fuq il-Baħar hemm il-każ ta’ meta sparaw fuq il-fjamingi u ktibt poeżija dwar hekk ukoll. Sena Maqful hija dwar persuna li dam sena l-ħabs inġustament. U quddiem dan kollu nirrabja. L-aktar li jbeżżagħni imma, kif għidt fil-poeżija Is-Skiet, huwa s-silenzju. Li ma nitkellmux kontra l-inġustizzja.
Fil-ġabra Xehir is-Skiet tieħu s-sogru tesperimenta b’diversi stili u forom ta’ poeżija. Hemm traċċi ta’ prosodija romantika. Ma jonqosx il-vers maħlul. Tirkaċċa fuq kollox il-poeżija konkreta. F’xi punt bosta poeti jsibu l-vers tagħhom. F’dar-rigward int donnok m’għandek sabar imkien: daqqa retrogwardja, daqqa avangwardja. Roland Barthes darba rrimarka dan: “li tkun avant-garde jfisser li tkun taf dak li miet; li tkun arrière garde jfisser li tibqa’ tħobbu”. Sewwasew, fejn tpoġġi ruħek bħala kittieb tal-versi?
L-istil huwa marbut mal-espressjoni u mal-mod kif tkun tixtieq tesprimi ruħek. Fi Ċrieki taċ-Ċrieki fejn b’mod intenzjonat użajt din il-klixè abbinajtha ma’ dik tal-ħbieb tal-ħbieb fuq bandiera Maltija. U din mhux referenza biss għall-qasam politiku imma sfortunatament għal bosta setturi tas-soċjetà Maltija. Taraġ tieħu l-forma ta’ taraġ. Ġebla Wara Ġebla tikkonsisti f’logħob bil-kliem sakemm jifformaw dar. L-aktar waħda qawwija hija Demm li hija miktuba bl-aħmar u turi l-qtar tad-demm, b’messaġġ kontra l-gwerra. Imbagħad F’Għajnejk Sbieħ ħaddant il-metrika tradizzjonali.
F’intervista reċenti ma’ Rachelle Deguara għas-sensiela radjufonika Taħt il-Qoxra stqarrejt illi “l-kitba hija politika”. Fis-saġġ tiegħu Qu’est-ce que la littérature? (X’Inhi l-Letteratura?) Jean-Paul Sartre jiżvolġi dan l-istess argument sal-punt li jirrifjuta li jifred, bil-kontra ta’ Barthes, il-kitba mill-kittieb. Jisħaq li kittieb ma jista’ qatt ikun politikament newtrali. Int donnok taqbel, tant illi għandek irwol attiv fil-Partit Laburista. Iżda jidhirli li fil-ġabra Xehir fis-Skiet imbagħad ħadt diversi pożizzjonijiet politiċi li ftit li xejn huma konformi mal-politika tal-Partit. Terġa, tieħu ħsieb paġna letterarja ta’ gazzetta li opponiet bil-qawwi l-protesti li tmexxew dan l-aħħar mis-soċjetà ċivili. Ma tħossokx daqsxejn f’salib it-toroq?
Semmejt ħafna punti interessanti. Nemmen li l-poeta huwa politiku għaliex kif irrimarkajt inti l-ħsieb tiegħu mhuwiex newtrali. Il-poeta fil-ħsieb tiegħu, u hawn noqogħdu attenti mhux qed ngħid fl-istil, jista’ jkun wieħed tradizzjonali. Il-poeta jista’ jkun wieħed progressiv f’dak li qed jipprova jwassal. Mela l-kelma “politiku” m’għandhiex x’taqsam mas-sens partiġjan ristrett għaż-żewġ partiti tagħna. Speċjalment f’pajjiż bħal tagħna fejn għandek żewġ partiti dawn aktarx iħaddnu fihom diversi prinċipji u valuri differenti. Il-poeta qatt ma jista’ jaqbel eżatt ma’ dak kollu li jgħid il-partit. Allura newtrali ċertament mhux qed nifhem li tkun ixxaqleb lejn xi partit politiku.
Fil-ktieb għandi poeżija fejn nikritika l-ekonomija mhux sostenibbli: Il-karru miexi waħdu, / jew tajnieh imbuttatura kbira? / Jiġri. Jiġri. Il-poeżija Użawk kontra l-kapitaliżmu sfrenat. Fi Bla Bla Bla nara ftit dikotomija bejn dak li jgħidu l-politiċi, speċjalment fil-propoganda tagħhom, u r-realtà tan-nies. Insemmi fost oħrajn il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja. Għalkemm sar progress f’dan ir-rigward għad baqa’ ħafna xi jsir. Forsi l-aktar poeżija qawwija u sinjifikanti f’dan is-sens hija Xbajt.
Dwar jekk dak li hemm fil-ktieb hux konformi mal-Partit Laburista naħseb li hija interpretazzjoni suġġettiva. Nimmaġina li jista’ jkun hemm xi ħadd ieħor li jaqra xi poeżiji u jarahom forsi wisq xellugin għall-valuri tiegħu. Ma nafx. Żgur li ftit jimpurtanti għaliex jien wara kollox hawnhekk artist, poeta. Nittama li l-politiċi huma min huma jisimgħu mill-artisti wkoll għaliex l-arti toffri kritika kostruttiva u tagħti kontribut siewi lis-soċjetà.
Dwar il-protesti ovvjament wieħed jifhem li kull ġurnal bħal kull mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jenfasizza ċerti ħwejjeġ aktar minn oħrajn. It-Torċa għal ħafna snin kienet fil-fatt iġġib ħafna protesti. Kieku jkolli nagħmel awtokritika ngħidlek li kien ikun tajjeb kieku Xehir fis-Skiet kien aktar qawwi fil-kritika, u mhux biss kontra l-korruzzjoni imma favur il-ġustizzja dwar il-qtil ta’ ġurnalista. Irrid ngħid li meta kien ġara dan il-każ makabru kont ktibt minnufih f’genovapoesia. Reċentament, u wara li kien ġie ppubblikat il-ktieb Xehir fis-Skiet, ingħaqadt ma’ għadd ta’ awturi oħra u permezz tal-poeżija “protestajt” għall-ġustizzja. F’din il-poeżija tinħass qawwija d-differenza bejn dak li “ħlomt” u kif “qomt bi splużjoni li ħasdet pajjiż”.
Ovvjament f’dan il-każ, bħala editur letterarju, ir-rwol tiegħi imur oltre minn dak ta’ artist. Il-lealtà tmur aktar lejn l-awturi milli lejn l-arti tiegħi personali.
Fl-intervista radjufonika msemmija qabel stqarrejt li fil-poeżija tiegħek tfittex li tagħti leħen lil kulma huwa mistur. Il-ġabra Xehir fis-Skiet, anke sempliċement bit-titlu, tikkonferma din l-intenzjoni, bħalma jagħmel id-distiku “...dawn mhux vrus ta’ niket. / Id-dmugħ laħaq sar velenu”. Iżda fl-aħħar mill-aħħar temmen li l-poeżija – il-letteratura kollha jekk niġu f’dan – tabilħaqq għandha l-ħila tlissen il-ħsus tal-bniedem? Jiena kemxejn xettiku dwar dan. Int?
Il-poeżija għandha ħafna vantaġġi biex tagħti leħen u twassal il-ħsus l-aktar moħbija. Il-poeżija hija spontanja daqs kemm hija riflessiva u profonda. L-ewwel xrara nar aktarx tkun immedjata però mbagħad il-poeta jkompli jixtarr u jwassal bl-aħjar mod dak li għal xi wħud huwa diffiċli jwasslu. Huwa f’dan il-livell tal-aħħar li jagħmel differenza bejn arti u oħra, kull waħda hija sabiħa.
Fil-każ ta’ Xehir fis-Skiet kif għidt fil-bidu huwa ftit qawwi għalkemm ma joffendix. Però kif ħadt spunt tajjeb inti ma kontx kuntent li l-poeżija f’dan il-ktieb tixhed in-niket jew id-dieqa. Il-poeżija tixhed ukoll ir-rabja u għalhekk id-dmugħ laħaq sar velenu. F’poeżija oħra nistaqsi kif tista’ taħfer jekk tibqa’ ġġorr il-konsegwenzi tal-imgħoddi. Madankollu fl-aħħar nett tal-ktieb esprimejt f’poeżija minnhom illi xorta hemm xi sigrieti li bqajt m’esprimejtx u dawn ser jindifnu miegħi.
F’intervista ma’ Teodor Reljić għall-ġurnal MaltaToday tajt ħjiel dwar il-ħajra tiegħek li xi darba tikteb ukoll rumanz. Taħseb li r-rumanz għad għandu ġejjieni bħala għamla ta’ narrattiva maġġuri f’din l-era diġitali?
Naħseb ir-rumanz s’issa għadu b’saħħtu, anke lokalment. U hemm ċans li bħala stil letterarju l-inqas li jista’ jiġi affettwat fl-era diġitali għaliex il-qarrej xorta se jibqa’ jfittex ir-rumanz. Se jkollna rumanzi li qed jinqraw b’mezzi diġitali. Però l-ktieb jibqa’ favorit ma’ bosta qarrejja wkoll. L-ispirazzjoni illi nirrakkonta, li noffri qari għall-gost imma b’materjal riflessiv u tajjeb ilha tberren ftit f’moħħi. Fil-fatt jien ktibt ukoll xi novelli però dejjem ippubblikajt f’gazzetti u f’antoloġiji.
Fl-istess intervista ilmentajt dwar it-“tensjoni” letterarja li ġieli jikkaġuna ċ-ċokon ta’ pajjiż qalb l-awturi. Taħseb li din kultant għandha ħabta xxekkel ukoll il-kritika letterarja fil-pajjiż?
Ħa nkun ċar, ma naħsibx li din tiġri biss fiċ-ċrieki letterarji. Sfortunatament din it-tensjoni teżisti fl-uffiċini, fil-qasam tax-xogħol, fl-għaqdiet, huma liema huma. Pajjiżna huwa żgħir ħafna. Naħseb li xi kultant ħaġa normali li wieħed ikollu ċ-ċrieki tiegħu. Dan il-fenomenu jista’ jieħu dimensjoni differenti meta minħabba dan wieħed jispiċċa jwarrab persuni oħrajn. Il-mistoqsija tiġi allura kif jista’ wieħed ikun tabilħaqq inklussiv? Mistoqsija oħra hija kif għaqda letterarja tista’ tikkollabora ma’ għaqda oħra?
Wara kollox kulħadd jaħdem għal għanijiet tajbin. U nixtieq ħafna li nara aktar awturi li jaħdmu id f’id għax b’hekk biss nemmen li nistgħu mmexxu l-letteratura tagħna ’l quddiem.