Letteratura | L-Indiċibbli Terribbli

F'dil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kevin Saliba jirrifletti dwar id-djarju tal-eremitaġġ Tħabbat Xtaqtek ta’ Fra Gioele Galea. B’tifkiriet minn jiem peżanti mqatta’ m’Imgħallem Taoista u b’memorji mqanqla mill-ġdid tul bosta xhur wara b’riħet daqqa gong minn Alan Watts, Saliba jinċensa u jqim is-skiet huwa jqalleb – bil-mistiku Trappista Thomas Merton fi ħsiebu – il-paġni siekta tad-djarju ta’ Fra Gioele. Iżda l-folja tinqaleb ma ddumx, b’Saliba issa jitbiegħed minn Gioele u kważi jisħet is-skiet... sa ma f’ħin bla waqt jiftakar f’possibbiltà indiċibbli u terribbli.

Fra Giole Galea
Fra Giole Galea

Wara ħafna taħbit fl-aħħar seħħli nasal, b’ġismi pjaga waħda u mifluġ bil-għejja, f’dal-lok straman minsi minn Alla, f’dil-belt fejn anke x-Xitan nesa fejn ħalla l-karkur, f’dad-distrett Ġermaniż li forsi anke Angela Merkel mhix fiż-żgur qattx semgħet bih. Dħalt nitkaxkar imħaxken mal-ħajt sakemm wieħed minn tlieta oħra – li bħali ntilfu mat-triq f’kesħa xxoqq l-għadam – għeni nidħol fis-sala u nsib posti bilqiegħda mal-art. Intant id-diskors inawgurali tal-Imgħallem Taoista kien donnu ilu li beda. Ġismi kien jinsab hemm ġew mal-bqija, iżda moħħi kien għadu mxerred bħal xkora rix mixħuta fl-ajru waqt xi riefnu forza Dnegel. 

Gong!

“I mean real silence in which we stop thinking and experience reality as reality is because after all if I talk all the time I can’t hear what anyone else has to say and if I think all the time – and by that I mean specifically talking to yourself sub vocally inside your skull – if I think all the time I have nothing to think about except thoughts and so I’m never in touch with the real world. Now what is the real world? [... ] The real world is not an idea, it is not words. Reality is...” F’daka l-waqt preċiż l-Imgħallem Taoista qata’ diskorsu ħesrem u faqqa’ daqqa soda għal għarrieda fuq il-gong. Ħasad sala sħiħa. Qomna lkoll xi ftit mir-raqda. Il-ħoss dewa mal-15-il sekonda. Segwew maż-żewġ minuti skiet... 

Huwa proprju f’dan il-punt – minkejja bosta differenzi wiesa’ u ċari – fejn il-kittieb u mistiku Fra Gioele u jien niltaqgħu, imqar għal ftit. Jew aħjar, huwa proprju f’dan is-skiet fejn diġà konna bħal qisna ltqajna daqsxejn – voldieri dakinhar fil-Ġermanja – qabel ma’ mbagħad iltqajna wiċċ imb wiċċ tul ftit minuti waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2015. Mhuwiex ġdid id-diskors kemxejn metafiżiku t’hawn fuq rigward in-natura intrinsika tar-realtà. Mhuwiex lanqas sewwasew tal-Imgħallem Taoista iżda tal-perennjalista Alan Watts. Id-diskors tal-Imgħallem ma niftakrux bil-punt u l-virgla. Biss is-suġġett u l-metodu dakinhar kienu simili ħafna għal ta’ Watts. Il-gong fil-waqt propizju ndaqqet ukoll tassewwa – sewwasew biex jinħoloq l-istess effett, biex jinsaħaq l-istess punt sagrosant, voldieri dak illi segwa: is-skiet. 

Flashback

Jiġri l-istess matul id-diskors imsemmi ta’ Watts When You’re Silent It Speaks. Ix-xorti riedet li smajtu fuq l-internet ftit tax-xhur wara matul perijodu twil ta’ konfinament volontarju kważi totali li kien segwa minnufih dik il-ġimgħa taħriġ iebes fix-xjenzi kurativi Taoisti fil-Ġermanja. Għandu mnejn dad-diskors l-Imgħallem Taoista kien semgħu diġà. Ma tridx wisq. Abbli forsi wkoll le ġaladarba l-istrateġiji tal-qtajja’ huma tattika komuni f’diversi metodoloġiji Orjentali, kif jixhdu pirkażu, fost oħrajn, l-istrataġemmi pazzeski tal-Imgħallem Buddista Tibetan Chögyam Trungpa u tal-psikologu perennjalista Russu George Ivanovich Gurdjieff. Hu x’inhu dan ix-xebh, anzi dal-flashback, kien ħasadni qatigħ dik l-għaxija daqs seba’ snin ilu. Daqs kemm baqgħu wkoll jaħsduni bil-kbir xejn inqas, f’dawn l-aħħar ġimgħat ta’ konfinament did-darba obbligatorju, bosta paġni siekta tad-djarju tal-eremitaġġ ta’ Fra Gioele Galea Tħabbat Xtaqtek – aktarx l-iktar dokument letterarju awtentiku tal-mistiċiżmu Malti. 

Taqtir is-Skiet

Is-skiet. Biex nissellef vers mingħand Achille Mizzi, minn dan id-djarju ta’ Fra Gioele “jqattar iqattar is-skiet”. Nistgħu ninterpretaw dan ix-xogħol ta’ Fra Gioele bħala difiża qawwija tas-skiet. “Is-skiet mhuwiex nuqqas ta’ kliem. [...] Is-skiet hawn hu l-ogħla tifsira”, jirrevelalna Gioele. Tant ngħoddu żgur b’minnu dad-diskors illi f’dar-rigward m’iniex ser ngħid wisq u għalli ġej, kemm jista’ jkun, inħalli lil ħaddieħor jitħaddet għalija – sewsew lil dawk illi, bħal Gioele dan l-aħħar, kienu għallmuni daqsxejn x’inhu, x’fih u x’jaf jagħmillek is-skiet. Hekk jew hekk ġa għedt ħafna, ġa għedt wisq. Terġa’, bħalma jgħidilna Gioele, “mas-skiet ma nitwaħħadx jekk mhux bis-skiet. [...] Il-kelma hi dejjem inqas mis-skiet.”. 

Dan mhux is-skiet illi s-soltu xi daqqiet inżommu meta difaċċ l-iskerzi tal-ħajja qajla nkunu nafu x’ser naqbdu ngħidu. Lanqas is-skiet illi forsi ġieli nosservaw, bis-sewwa jew bid-dnewwa, tul ftit minuti b’rispett meta xi ħadd jisfa’ nieqes. Huwa daka s-skiet illi għandu ħabta jaqa’ sobtu meta kollox jisfa’ nieqes, mhux biss in-nies. Daka s-skiet illi jaħkimna meta naħsbu minn kollox fuq kollox u intant nifhmu ftit li xejn, imqar fuq l-inqas ħwejjeġ. Huwa daka s-skiet illi lkoll neħtieġu biex insikktu mhux biss il-fomm iżda anke l-menti. 

Merton u Gioele id f’id 

Fuq kollox huwa s-skiet illi jgħallimna nisimgħu. “Jekk is-skiet li ngħix fih lejl u nhar ma jgħallimnix nisma’, min, min se jgħallimni?” jistaqsi Fra Gioele fi Tħabbat Xtaqtek. F’intervista li kienet saritlu minn Antonella Axisa dwar għas-sensiela Wiċċ Imb Wiċċ kien esprima l-fehma li “daqs kemm jinfed is-smiegħ ma jinfidx il-ħars”.  Hawnhekk jidhirli li bħala kittieb reliġjuż Fra Gioele jista’ – anzi ngħid illi ħaqqu u tabilħaqq għandu – jinġieb f’paragun mat-Trappista Amerikan Thomas Merton: “Id-diskors t’Alla huwa s-skiet. Il-kelma tiegħu hija s-solitudni” (Entering the Silence: Becoming a Monk and a Writer). “Għandi biss spazju ieħor: dan ta’ ħajti. Ta’ ħajti maħtufa mis-skiet, priża tas-solitudni. [...] Akbar mhu s-skiet, akbar is-sejħa biex nirtira fil-qalba tas-solitudni tiegħi”, jissokta jisfidana Gioele. Merton ma jagħmillux għajb: “Din is-solitudni tikkonferma s-sejħa għas-solitudni. Iżjed ma nfannad fiha iżjed insir inħobbha. Għada pitgħada għad tippossedini kollni kemm jien u ħadd qatt m’għad jerġa’ jarani b’nemes” (A Search for Solitude)

Thomas Merton
Thomas Merton

F’dar-rigward qiegħed niġbed l-attenzjoni dwar Merton mhux biss minħabba li nqisu bħala l-kittieb reliġjuż tas-skiet u s-solitidni pereċċellenza, iżda wkoll għax jista’ jaqdi tajjeb ħafna – anke jekk biss sa ċertu punt – ir-rwol ta’ pont interspiritwali bejn Gioele u bejni bħala qarrej. Dan għax minkejja l-isfond Kristjan illi twelidt fih – xi ftit bħal Merton innifsu – maż-żmien ersaqt qatigħ lejn it-tradizzjonijiet tal-Orjent. Ukoll bħal Merton, nemmen illi hemm lok pjuttost wiesa’ fejn it-tradizzjonijiet kontemplattivi tagħna jistgħu jiltaqgħu mal-prattiki meditattivi tal-Orjent, u mhux biss ma’ dawk strettament Darmiċi. Għandi fidi wkoll illi Fra Gioele għandu bosta kredenzjali meħtieġa – b’mod partikulari fuq il-livell empiriku – sabiex jiftaħ dan id-djalogu interreliġjuż f’pajjiżna.

Tħabbat Xtaqtek
Tħabbat Xtaqtek

Mid-dlam għad-dawl u lura

Iżda żewġ faċċati għandha l-munita. Ma’ Gioele niltaqa’ fis-skiet... u fis-skiet ukoll ninfired minnu. Aktarx nistgħu biss – almenu s’issa – niltaqgħu nofs triq. Gioele jfittex is-solitudni u s-skiet għaliex, kif qal lil Axisa, irid jaqta’ “l-għatx li hemm f’kull bniedem” għal diversi ħwejjeġ – is-sbuħija, l-immortalità, l-imħabba, it-tifsira. “Il-Misteru mhuwiex dlam għalija, iżda għajnejn mgħammxin”, kien kompla jgħidilha. Il-bużillus huwa li b’għajnejna mgħammxin xorta waħda ma narawx – għaldaqstant anke d-dawl jista’ jkun dlam. “Ħadd ma jrid jara xejn wiċċ imb wiċċ”, kien ilmenta Georges Bataille. “Lix-xemx, għajn il-bniedem erħilha taħrabha... il-qorriegħa t’Alla tixpakka... u kieku ħadd jisma’” (It-Tiġriba Ġewwiena, Summa Ateoloġika). Terġa’, anke fil-Misteru hemm id-dlam, u kemm-il darba William Blake kellu raġun, bid-dawl biss ma nagħmlu xejn: “mingħajr kuntrarji addiju l-avvanzi” (Żwieġ il-Ġenna u l-Infern). “Xi ġmiel das-skiet! Xi ġmiel dil-ħemda!...” – veru minn daqshekk. Iżda s-skiet jgħollina u s-skiet isabbattna. Il-Ġenna u l-Infern jenħtieġ jiżżewġu.

Il-meraq ta’ dak li int

“Is-sikta mhix siekta”, wissiena l-illustriju Robert Fripp. “Meta jiġi jżurna s-skiet, jitħaddet magħna sal-grad li kapaċi nisimgħu” (Guitar Craft Aphorisms). Jidhirli li kien Oliver Friggieri li darba kiteb jew qal illi “s-skiet mhux mejjet. Agħtih iċ-ċans u tara kemm jagħmel storbju”. 

Niġu f’dan, Fra Gioele stess avżana fi Tħabbat Xtaqtek: “Is-skiet iqajjem ħsibijiet strambi kultant. [...] Kun af: hawnhekk is-skiet jissikka madwarek bħal morsa. Jissikka, biex minnek jagħsar il-meraq ta’ dak li int”. Tassew. Is-skiet kaxxa magħluqa, bħall-meskalina. Xi drabi jissikka. Xi drabi trid tkun tal-azzar biex tiflaħ għalih. Mhux lakemm tmur tpoġġi fuq iz-zafu biex tiżżattat fil-prattiki Zazen. Appena tiffissa ħbub għajnejk ’il ġewwa fis-skiet jenħtieġ titħażżem u tistenna minn kollox: mill-kori anġeliċi sat-tirgħin tax-xjaten. Il-pellikoli jitħawdu. Ħajtek kollha tgħaddi żiffa mill-qigħan ta’ moħħok. Ġieli jaħbtu għalina l-irwiefen u x-xjaten kollha. Ibda biex “min ifalli fl-imħabba [...] lanqas f’monasteru ma jirnexxi”, wissiena Fra Gioele. 

L-Indiċibbli Terribbli

Permezz tal-esperjenzi mistiċi li ġarrab fis-skiet, Fra Gioele sar jemmen bis-sħiħ illi Alla huwa mħabba – il-bqija indiċibbli. Nippreferi naqleb parti minn din l-ekwazzjoni, għax fis-smiegħ tiegħi kif inhi abbli ma treġix: ejja ngħidu biss li l-imħabba hija Alla... imbagħad is-skiet. Lanqas ħaqq noqogħdu nħaqquha dwar teodiċità u mhux teodiċità,  dwar fattiċità u mhux fattiċità. Dwar dal-ħwejjeġ aktarx jaqbel nisktu, bħalma kien għamel Wittgenstein. Hu x’inhu, Fra Gioele mhuwiex kittieb reliġjuż fis-sens dogmatiku tal-kelma. Għaldaqstant għandu żgur jiflaħ jisma’ dina l-lehma – illi ġieli tħobb tiġi żżurni bla ma nkun xtaqtha tħabbat – mil-Liber Novus ta’ Carl Jung: “Kristu għallem: Alla huwa mħabba. Iżda jenħtieġ tkun taf illi l-imħabba wkoll hija terribbli”.

Forsi hekk ġieli jkun Alla wkoll, Gioele.

Gong!

More in Arti