Letteratura | De Canonicis Scripturis – Alla-larga!
Fil-paġna letterarja mtella' mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kevin Saliba janalizza l-ewwel ġabra ta’ traduzzjonijiet għall-Malti ta’ testi apokrafi li qatt dehret stampata f’pajjiżna: Il-Ħajja Moħbija ta’ Ġesù. Qabelxejn Saliba jifli dan ix-xogħol ta’ Edmund Teuma – li jkopri diversi dokumenti mwarrba rigward it-tfulija u l-passjoni ta’ Kristu – permezz tal-interess personali tiegħu fit-testi Njostiċi, b’mod partikulari fil-Vanġelu ta’ Tumas li kien beda jġibu fl-ilsien Malti daqs għaxar snin ilu. Għall-ewwel Saliba jilqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva, iżda ma jdumx ma jitnikket bit-ton esklużiv illi donnu jsejjes l-ispirtu ġenerali ta’ dan ix-xogħol.
“Kull min isib it-tifsira maħġuba ta’ dawn il-loġja le ma jduq il-mewt”. Hekk jiftaħ il-Vanġelu ta’ Tumas – test Njostiku, jew inkella hekk-imsejjaħ apokrifu, li nstab fil-belt ta’ Nag Hammadi fl-Eġittu lejn tmiem fl-1945. It-test jikkonsisti f’mija u wieħed u għerbin qawl ta’ Ġesù miktubin bil-Koptiku u attribwiti lil ċertu Tumas it-Tewmi. Dan il-vanġelu kien ħalla fuqi impatt qawwi ħafna, l-iżjed għax fiż-żmien li ġie f’idi kont bdejt inwettaq bosta riċerki fuq ir-reliġjonijiet tal-Orjent, b’mod partikulari, almenu dika l-ħabta, fuq l-Upanisadi u l-Vedas, is-sutri Ħindusiti u l-kummentarji dwarhom, fosthom dawk tal-filosofi Indjani Adi Shankara u Swami Vivekananda.
Il-faxxinu tiegħi lejn dan il-vanġelu ssokta jisseddaq bil-bosta parelleli li stajt nidentifika bejn it-tifsiriet ta’ dawn il-loġja u l-letteratura mistika Vedika – seħer illi maż-żmien laħaq il-milja tiegħu fir-riċerki tiegħi fil-reliġjon komparattiva b’mod ġenerali u fil-Filosofija Perenni b’mod partikulari. B’riħet dan seħħli nsib ix-xorti nżur imkejjen imbgħeda li qatt ma kont ħlomt li fihom għad nimraħ – storja twila ħafna li jixraq tingħad darb’oħra, band’oħra. Iżda għall-fini ta’ dan l-artiklu biżżejjed ngħid illi snin ilu dina l-mogħdija ħajritni nittanta nibda nrodd, bil-ftit ftit il-ftit – sintendi bl-għajnuna ta’ diversi lingwi-pont u kummentarji akkademiċi – dan il-Ħames Vanġelu fl-ilsien Malti. U dan bi skop purament personali iżjed milli b’xi għan ta’ pubblikazzjoni immedjata.
Ix-xhieda ta’ Tumas it-Tewmi
Kien għalhekk li għall-ewwel ilqajt b’sens ta’ ferħ – forsi xi ftit ukoll b’ċerta ħasda – l-aħbar illi l-Patri Franġiskan Konventwal Edmund Teuma dan l-aħħar ippubblika l-ktieb Il-Ħajja Moħbija ta’ Ġesù: ġabra ta’ traduzzjonjiet għall-Malti ta’ għadd ta’ testi apokrafi tat-Testment il-Ġdid. Ilqajt dan ix-xogħol b’ferħ għax b’xorti ħażina, għall-inqas safejn naf jien, f’pajjiżna donnu ftit li xejn hemm interess letterarju u akkademiku serju fit-testi apokrafi; b’ħasda għaliex f’dar-rigward ikolli nistqarr, forsi b’ċertu sens ta’ frugħija, illi fil-fond nett ma xtaqtx illi xi ħadd ieħor jilħaq iġib qabli fl-ilsien Malti x-xhieda ta’ Tumas it-Tewmi – nammetti. Minn banda dil-ħasda mal-ewwel daqqa t’għajn battiet qatigħ għax minkejja li f’din il-ġabra Teuma qaleb test attribwit lil ċertu Tumas, dan il-preżunt awtur fis-sew mhuwiex il-preżunt Tumas l-Appostlu iżda ċertu Tumas l-Iżraelit, magħruf ukoll bħala l-Psewdo-Tumas, voldieri l-awtur tal-Vanġelu tat-Tfulija. Niġu f’dan, bosta skulari tul is-snin xeħtu ċerti dubji dwar jekk dan Tumas it-Tewmi huwiex tassew Tumas l-Appostlu – voldieri dak illi fil-Vanġelu kanoniku ta’ San Ġwann tpinġa, għandu mnejn biss sforz piki xiżmiċi u xejn iżjed, bħala sansafidi xettiku rigward il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt. Għall-fini ta’ dan l-argument jibqa’ l-fatt, madankollu, li stejqirt daqsxejn xħin intbaħt illi din il-ġabra ta’ traduzzjonijiet ta’ testi apokrafi fil-fatt ma tinkludix Il-Ħames Vanġelu.
De Canonicis Scripturis
Madankollu tassew tassew ngħid li xħin ftaħt dan il-ktieb imbagħad mill-banda l-oħra nqatajt mod ieħor. Ibda biex fis-sew din il-ġabra ta’ Teuma ma tinkludi ebda test ta’ oriġini Njostika – fatt illi minnu nnifsu fil-fehma tiegħi forsi diġà jwaqqa’ kemxejn il-valur tal-kontenut testwali ta’ din l-inizjattiva tant meħtieġa. F’dan ix-xogħol it-traduttur iressaq –b’Malti l-ġmiel tiegħu – quddiemna ġabra ta’ Vanġeli tat-Tfulija u oħra ta’ Vanġeli tal-Passjoni: tal-ewwel fost oħrajn tinkludi l-imsemmi Vanġelu tal-Psewdo-Tumas, Il-Vanġelu tal-Psewdo-Mattew, Il-Protovanġelu ta’ Ġakbu, Il-Vanġelu Għarbi tat-Tfulija, Il-Vanġelu Armen tat-Tfulija u l-Kodiċi Arundel 404 mentri tat-tieni tiġbor fiha l-Vanġelu ta’ Gamaljel, Il-Vanġelu ta’ Nikodemu u l-Vanġelu ta’ Pietru kif ukoll l-Istqarrija ta’ Ġużeppi ta’ Arimatija. M’iniex qiegħed ngħid illi dawn it-test m’għandhom ebda valur storiku jew li huma biss “tiżjin” – xejn affattu. Ġudizzji pjuttost strambi bħal dawn inħallihom f’idejn dawk illi jaħsbu li xi Ewżebju ta’ Cesarea – u jekk niġu f’dan Dun Charles Buttigieg li kiteb id-daħla għal dina l-ġabra – huma bilfors l-uniċi nies ta’ min joqgħod fuqhom. Ejja ngħidu biss – u naħseb Patri Edmund Teuma żgur jifhimni – li qabelxejn din abbli hi kwistjoni ta’ kif ser ninterpretaw dika ċ-ċerta stqarrija Kristoloġika vaga li kienet saret fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippi. Biex ma nsemmux ukoll il-kobba mħabbla – la ġejna għall-bużillis tad-De Canonicis Scripturis – ta’ sewwasew mnejn sa safejn ser inħaddmu bid-dimis u bil-fiss ċerti kriterji selettivi sagrosanti, bħal ngħidu aħna dak tal-psewdoepigrafija.
Lil hinn minn dan, madankollu, nemmen ukoll illi ġabra bħal din żgur kienet tkun ferm iżjed rikka kieku mqar inkludiet għadd żgħir ta’ testi Njostiċi relattivament minuri, bħal ngħidu aħna Il-Vanġelu skont Filippu, Il-Vanġelu ta’ Ġuda, Il-Ktieb Sigriet ta’ Ġakbu u d-Djalogu tal-Feddej. Jekk xejn, bħalma spiss uriet l-istorja tad-djien Kristjani tul is-snin, huma proprju dawn it-testi li kapaċi jqanqlu d-djalogi Kristoloġiċi u d-diskussjonijiet ermenewtiċi fost l-iskulari reliġjużi, b’mod partikulari dawk Bibbliċi.
Alla-larga!
Jidhirli wkoll li dawn it-testi jixirqilhom kummentarji u annotamenti iżjed wiesa’ li kemm jista’ jkun joqogħdu lura milli jippreżentaw ir-rakkonti tradotti bħala narrattivi “ħarriefa” u “eretiċi”, jew saħansitra forsi agħar minn hekk, bħala sempliċement “tiżjin” u “tlellix”. Kummenti bħal dawn forsi jgħaddu kemm-il darba dan ix-xogħol kien maħsub biss għal udjenza Kattolika, iżda żgur m’humiex f’lokhom jekk f’moħħ Teuma u Buttigieg kien hemm ukoll ir-riċerkaturi u l-istudjużi, biex ma nsemmix ukoll lil talin bħali – nagħmilha ċara – li assolutament ma jemmnux li l-vanġeli kanoniċi huma testi spirati, ġenwini, non-psewdoepigrafiċi jew superjuri apparagun ma’ kwalsijasi test Kristjan illi ngħata l-ġenb fil-Konċilju ta’ Trentu.
Tassew tassew nemmen illi wasal iż-żmien – anzi ilu ħafna li wasal – li l-Knisja Kattolika u l-apoloġisti tagħha jinfatmu darba għal dejjem minn dil-illużjoni pazzeska li għandhom xi monopolju awtorevoli u assolut fuq l-eseġeżi Bibblika. Iżjed minn hekk, minn dan isegwi wkoll illi ormaj ikun tabilħaqq ta’ fejda xejn inqas jekk dawn iżommu wkoll alla-larga minn dil-preżunzjoni fażulla li l-miti redentivi jew l-avatari mistiċi tagħhom huwa iżjed divini, veritiera jew awtentiċi minn dawk ta’ kulturi reliġjużi oħra. Jagħtini li nqatta’ ħwejġi bħal Kajfa – ma jmurx minflok immut bil-għali jew bid-daħk – xħin nisma’ li xi Krixna, Xankara, Gawtama, Lao Tzu, Bodidarma, Ramana Maharshi, Krishnamurti, Gurdjieff u l-bqija mhumiex ukoll rinkarnazzjoni daqsinsew, fis-sustanza, ta’ dak il-pedament ontoloġiku li Paul Tillich sejjaħlu Sies il-Essri.
Min ifittex isib...
Jidhirli li ħaġa minn ewl id-dinja li dan ma jinsabx biss fir-rakkonti tal-Galilija. Daqstant ieħor minnu, kif jgħid il-Malti u jaf tajjeb Teuma, illi min ifittex isib. Lura għall-Vanġelu ta’ Tumas, allura: “Kull min ifittex ma għandux jieqaf ifittex sa ma jseħħlu jsib, u meta jseħħlu jsib, jisfa’ misrum; u meta jisfa’ misrum jibqa’ miblugħ, u jsaltan fuq il-Kollox”.