Letteratura: Sajjetti fil-bnazzi ... Alla wara l-Mewt ta’ Alla
Fil-paġna ta’ din il-ġimgħa tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kevin Saliba jiftaħ djalogu ma’ Gioele Galea rigward l-aħħar żewġ rumanzi tiegħu, b’mod partikulari l-aħħar rumanz tiegħu In-Nar Għandu Isem. Fil-biċċa l-kbira Saliba jpoġġi dan id-djalogu fl-isfond tal-avveniment — jew tas-sajjetta fil-bnazzi — tal-mewt ta’ Alla skont kif tħabbret daqs mija u tletin sena ilu mill-filosofu Friedrich Nietzsche. F’dan l-isfond Saliba jistħarreġ mal-kittieb id-destin u tan-nozzjoni tas-sagru fis-seklu għoxrin u l-qagħda tagħha fi żmienna b’referenzi għall-stqarrijiet-sajjetti oħra minn diversi ħassieba, teologi u mistiċi, fosthom San Ġwann tas-Salib, Georges Bataille u Paul Tillich. Saliba jistieden ukoll lil Galea jgħid tiegħu dwar in-natura ta’ tiġribiet bħal dawn filwaqt illi jfakkru fil-kumplikazzjonijiet teoloġiċi tat-teodiċità u fl-implikazzjonijiet eżistenzjali tal-kunċett ta’ Alla kif imfisser mit-teiżmu tradizzjonali
Din il-ġimgħa bosta membri u kontributuri tal-komunità filosofika dinjija, sintendi inkluża dik Maltija, b’xi mod jew ieħor fakkru għeluq snin il-ħassieb Ġermaniż Friedrich Nietzsche. Fost bosta aforiżmi li rajt ifeġġu kważi l-ħin kollu fuq il-midja soċjali spikkat, sintendi, l-istqarrija ċelebri “Alla huwa mejjet”. Id-diskors dwar il-mewt t’Alla kien diġà beda qabel Nietzsche. Dan l-avveniment kienu diġà alludew għalih qabel ħassieba oħra bħal Philipp Mainländer and Georg Hegel, iżda m’hemmx dubju li dik il-ħabta laħaq l-ogħla qċaċet drammatiċi tiegħu fil-kitbiet ta’ Nietzsche, b’mod partikulari fix-xogħlijiet Ix-Xjenza Feliċi (1882) u Hekka Tħaddet Zarathustra (1885). Għandu mnejn ma nkunux qegħdin nesaġeraw jekk ngħidu li t-tħabbira tal-mewt t’Alla li naqraw dwarha f’Zarathustra aktarx hi l-iżjed ġrajja skjaċċanti fl-istorja tal-filosofija tal-Punent. M’għandniex il-ħin u l-ispazju biex nidħlu fil-mertu tal-bosta interpretazzjonijiet illi ngħataw rigward dis-sajjetta fil-bnazzi. Ngħid għalija jidhirli li din ma kinitx bilfors stqarrija skjetta ta’ ateiżmu, wisq inqas xi ċelebrazzjoni ta’ xi trijonf uman — anzi, xejn affattu. Nietzsche għaraf tajjeb ħafna x’ser ikunu l-konsegwenzi ferm koroh tal-miġja tal-Illuminiżmu, l-iżjed kemm-il darba ma jinstabux sisien alternattivi għall-valuri umani u għall-eżistenza nfisha li kapaċi jimlew dan il-vojt. Mejjet jew mhux, madankollu, jidhirli li fil-letteratura tiegħek Alla jibqa’ dejjem omnipreżenti, saħansitra f’waqtiet meta jingħadd b’sieket jekk mhux ukoll, saħansitra, assenti għalkollox. Kif tinkwadra l-aħħar żewġ rumanzi tiegħek, voldieri Tħabbat Xtaqtek u In-Nar Għandu Isem, f’din l-epoka tagħna li fiha, kif bassar Nietzsche, in-nozzjoni t’Alla donnha ormaj tilfet ħafna mis-seħer u mill-ħakma tagħha fuq l-affarijiet umani?
Bħall-bqija tal-ilħna, jiena leħen. Leħni, bħall-bqija tal-ilħna, huwa spazju ta’ esperjenza; hu spazju fejn ruħi tiftaħ u tifrex lilha nfisha, l-ewwel u qabel kulħadd għalija. Mill-kitba tiegħi, jidhirli, ħadd daqsi ma jiggwadanja. X’niggwadanja? Għarfien ikbar tal-istess ruħi fil-misteru tal-ħajja. Ngħid ukoll illi dan il-ftuħ ma nisfurzah qatt fuqi nnifsi. Anzi, bil-maqlub: għall-ewwel, meta nħossu ser jaħkimni, dejjem insibni nirreżistieh b’saħħti kollha. Madankollu, meta s-sejħa biex nikteb tkun ġenwina, tirbaħni, u jkolli nagħmel dak illi f’ċirkustanzi komdi kont nagħżel li ma nagħmilx. Il-għala qed ngħid dan? Għal raġuni waħda: għax aktar milli ninkwadra xogħli (jew lili nnifsi) fi sfond aktar wiesa’ (dak inħallieh għall-kritiċi la jkun għadda ż-żmien) nippreferi nikkuntenta ruħi billi niffoka fuq dak illi nlissen, u nħallieh jistedinni aktar ’il ġewwa fil-misteru li jaħbili u li, fl-istess waqt, jirrivelali.
La narani xi kbir u lanqas importanti. Narani biss fittiexi ta’ dak li diġà nħoss illi ngħatali ħjiel pallidu tiegħu (anki jekk din il-pallidità għalija tfisser tgħammix). Jien bniedem mgħammex u, iva, inlaqlaq dan it-tgħammix. Mill-bqija nħalli f’idejn il-qarrejja biex jiġġudikaw it-tlaqliq tiegħi jistax ikun ħjiel ta’ xi ħaġa bil-wisq akbar minna jew le. Inħalli f’idejhom biex jaraw jekk għadx hemm seħer fin-nozzjoni t’Alla u, fl-aħħar mill-aħħar, jekk hux veru li Alla ormaj tilef l-ispazju u s-seħer tiegħu ġewwa fina.
Fir-reċensjoni li ktibt għal dan il-ġurnal f’April ta’ din is-sena rigward ir-rumanz tiegħek Tħabbat Xtaqtek stħarriġt it-tifsiriet ewlenin ta’ dan ix-xogħol kontemplattiv — qabelxejn minn perspettiva personalissima — permezz ta’ tliet ilħna gwida: Thomas Merton, Alan Watts, Carl Jung. Uħud mill-qarrejja li kont iddiskutejt magħhom dan ir-rumanz identifikaw diversi punti ta’ referenza oħrajn. Fost dawn spikkaw ħafna Santu Wistin t’Ippona u San Ġwann tas-Salib, b’mod partikulari dan tal-aħħar. Fil-kapolavur Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ (1584) ta’ San Ġwann tas-Salib Alla mhux sewwasew mejjet iżda sieket u assenti. “Fejn mort tistaħba Maħbub tiegħi?”, kien staqsa Juan de Yepes y Álvarez. Anke fi Tħabbat Xtaqtek u fl-aħħar rumanz tiegħek In-Nar Għandu Isem minn xi daqqiet Alla jingħadd b’assenti. Fiż-żewġ rumanzi naqraw stqarrijiet qawwija ħafna dwar dan. F’tal-ewwel laqtuni ħafna dawn it-tliet sentenzi: “Il-fidi. X’inhi l-fidi? Hi l-ostinazzjoni li tibqa’ tgħid li Alla hu, meta ta’ dan Alla ma titfax fil-pulmuni ħlief l-assenza”; f’tat-tieni qrajt għal darba tnejn tlieta, b’ċertu gost kemxejn pervers, it-tmiem tal-Kapitlu 13: “Ir-rabja tiżdied. F’ħin minnhom tilħaq sa xufftejja. Ngħaqqad idi l-leminija f’ponn u ngħolliha. Magħha nerġa’ ngħolli rasi. U fommi jidgħi. Jidgħi li nisimgħu. / Jiġini li nobżoq lejn is-sema, imma nitrażżan, minħabba n-nies. Minflok, nobżoq lejn l-art. / Jekk hemm fuq hemm xi ħadd jismagħni, ħa jinżel! Nisfidah jinżel! / Snieni jitgħażżu, u nissokta miexi.” Sintendi fiż-żewġ rumanzi mbagħad ġieli naqraw ukoll dwar mumenti li jagħtuna ħjiel ta’ teożi jew inkella gnożi. Fir-reċensjoni msemmija qabel irrimarkajt, u għandi nifhem li inti taqbel, illi waqtiet bħal dawn jistgħu jkunu terribbli. Intant bosta nies illi jgħidu li ġarrbu xi għamla jew oħra ta’ qawmien spiritwali spiss jagħtuna x’nifhmu li m’hemmx imniex nibżgħu minn das-sajjetti fil-bnazzi. Bħalkieku dawn kienu xi passiġġata ward u żahar. Nistgħu nemmnuhom lil dawn in-nies?
Ma jien ħadd biex ngħidlek jekk għandniex nemmnuhom jew le. Ma jien ħadd biex niġġudika l-mixja u l-esperjenza tagħhom. Jekk jien nikteb mill-esperjenza tiegħi, dan ma nagħmlu qatt biex immieri l-pożizzjoni ta’ ħaddieħor. Dan mhuwiex mogħti lili. Dak li hu mogħti lili hu li nikteb bis-sinċerità kollha, anki jekk b’dak illi nikteb nista’ niskandalizza lil xi wħud. Għal ħafna, iva, l-idea ta’ Alla tremend (jew terribli – biex nikkwota lilek) hija wisq biex jifilħuha. Jippreferu idea ta’ Alla li jmexxihom minn ġnien ifuħ; Alla li mixja miegħu tkun tfisser mixja fil-hena, fil-ferħ ma jaqta’ xejn, f’ħelsien totali minn kull tbatija; Alla li jkejjel kollox bil-qisien tagħhom.
Ngħid għalija m’għandix din l-esperjenza. Jekk ħajti ntlaqtet mid-dawl tiegħu, dan id-dawl ma ħatafnix fil-ġenna għal dejjem! Tani l-paċi, iva, u paċi mill-aktar profonda, imma mhux li ħelisni mill-mixja f’qiegħ dan il-wied mudlam! ’Il bogħod minn hekk, wisq ’il bogħod! Nistqarr illi ma rridx inkun mod ieħor sakemm l-affarijiet fid-dinja jibqgħu kif inhuma. Kif ser nimxi mal-bqija ta’ ħuti jekk inkun maħtuf f’ġenna, insoff b’egoiżmu ħlewwiet moħbija għall-bqija? Le, Alla tiegħi ma qatagħnix mid-dmugħ, la tiegħi u lanqas tal-bqija. Bil-maqlub, bid-dawl kollu li tani xeħetni flimkien miegħu fil-qalba tal-weġgħa ta’ qalb il-bniedem. Ma xeħetnix waħdi; le, xeħetni flimkien miegħu, anzi, irrid ngħidha aħjar: niżżilni hemm isfel ħdejh f’dik il-weġgħa.
Fir-rumanz In-Nar Għandu Isem din hi l-esperjenza li nirrakkonta: kif Alla tani li nsibu f’qiegħ li ma kontx nemmen li hu (jekk kien jeżisti) seta’ qatt ikun fih. Kont nemmen li tant kont fil-qiegħ li ħadd u xejn ma seta’ jilħaqni. Iżda kien proprju minn hemmhekk li l-esperjenza tiegħu issorprendieni, minn qiegħ aktar profond mill-qiegħ tiegħi nnifsi.
Hu terribli Alla? Hu tremend? Għalija hu, iva! Terribli fil-ġmiel! Terribbli fil-hena! Terribli għax dirgħajja ċkejkna wisq biex ikebbu l-oċean. X’jiflaħ moħħi minn dan kollu? Wara kollox, anki l-imħabba hija nar... u n-nar jisfaxxak anki jekk ikun nar ta’ mħabba! Ħalli jisfaxxak bil-hena! Kemm jiflaħ hena dal-ġisem?
B’rabta ma’ dan illi qegħdin ngħidu, il-ħsus u l-ħsibijiet illi jwasslilna ż-żagħżugħ fir-rumanz In-Nar Għandu Isem minn xi daqqiet, pirkażu fil-Kapitlu 44 fost oħrajn, ifakkruni fi stqarrijiet-sajjetti (a)teoloġiċi tal-ħassieb Franċiż Georges Bataille. “It-trankwillità, il-bonomija, id-diskussjoni dħulija bħal dak li qallu l-gwerra... u meta ngħid il-gwerra ta... le, ħadd ma jrid jara xejn wiċċ imb wiċċ: lix-xemx, għajn il-bniedem erħilha taħrabha... il-qorriegħa t’Alla tixpakka... u kieku ħadd jisma’”, jgħidilna Bataille f’parti saljenti tat-trittiku tiegħu Is-Summa Ateoloġika, voldieri s-saġġ It-Tiġriba Ġewwiena (1943). F’parti ewlenija oħra, jiġifieri Dwar Nietzsche (1945), jirrimarka li “ħaġa ċara li għall-mistiku, voldieri l-kredent, Alla jevapora — il-mistiku issa huwa Alla”. Sajjetta oħra li qiegħed bħal nerġa’ nisma’ proprju dal-ħin mingħand Bataille: “[…] Alla huwa indikazzjoni preċiża ta’ dak illi jenħtieġ inwettqu fina nfusna. Li tpoġġi lilek innifsek fil-pożizzjoni ta’ Alla hija qagħda tabilħaqq skabruża: li tkun Alla jfisser martirju. Għaliex dan jeħtieġ illi tkun fi qbil ma’ kulm’hawn, saħansitra wkoll mal-agħar ħwejjeġ. Immela li tkun Alla jfisser illi inti tkun ridt l-agħar ħwejjeġ. Qajla nistgħu nimmaġinaw illi l-agħar ħwejjeġ qatt setgħu jeżistu kieku Alla ma ridhomx”. Dħalna hawnhekk xi ftit jew wisq fil-marmanju tat-teodiċità, jiġifieri l-possibbiltà loġika jew in-nuqqas tagħha tal-koeżistenza tal-ħażen u t-tbatija fuq naħa u ta’ dik ta’ Alla fuq l-oħra. Hawnhekk tfeġġ weħidha dika ċ-ċerta mistoqsija: huma tabilħaqq kumpatibbli dawn it-tnejn? Nistgħu ninterpretaw in-narrittivi tiegħek bħala tentattiv poetiku biex tinħall jew almenu tintreħa daqsxejn din il-kobba mħabbla?
Iż-żagħżugħ ta’ ħmistax-il sena fil-ktieb tiegħi mhuwa ħadd ħlief jien – jien kobba mħabbla għall-aħħar, kobba kkumplikata, kobba tinbaram fuqha nfisha u żżid issib fiha nnifisha r-raġuni tal-qtugħ il-jies minn kollox u minn kulħadd. Il-ħajja nfisha għalija ma kinitx jekk mhux ġibda waħda lejn xifer l-irdum. Fejn kelli naqa’ ladarba nintreħa minn dak ix-xifer għal isfel donnu kien ċar fis-sentimenti tiegħi: fl-infern. Għalija l-infern ma kienx kwistjoni ta’ fjammi; kien kwistjoni ta’ tiġdid (fuq dimensjoni oħra forsi?) ta’ dak illi kont diġà qed ngħix: stmerrija lejn il-ħajja nfisha. It-tbatija kont naraha kullimkien u f’kull forma; l-inġustizzji kont inħosshom isiru wkoll miegħi, fosthom bulliżmu u abbużi. Biex tagħqad, fl-ambjenti fejn trabbejt kien hemm l-idea (u r-riħa!) ta’ Alla jgħasses għad-dnub biex ifaqqa’ l-frosta fuq min jagħmlu! Fejn kien hemm solliev allura? Fejn kien hemm mistrieħ? Imkien! Il-ħajja donnha ma kellhiex lejn xiex tkaxkarni għajr lejn id-disprament.
Jien stess imbagħad kont ilqajt fija nnifsi l-mibegħda. U l-ħażin sfajt jien. Anki f’għajnejja stess. Ma kontx nemmen f’dawl. Ma kellix tama. Imma mbagħad ġiet is-sorpriża, meta f’waqt mhux mistenni, f’post mhux mistenni, żbroffa ġo ruħi id-dawl tal-Misteru li jrieġi kollox. Dawl distint għalkollox minni, iżda li fih jiġbor kollox. Imħabba li hi l-kawża ta’ kollox, li torbot kollox flimkien, li tagħti sens lil kollox. Inkluż lili, li kont bħalkieku sfaxxat, iżda fl-istess waqt sħiħ fija nnifsi, f’dak id-Dawl, f’dik l-Imħabba. Ruħi fehmet bosta ħwejjeġ f’dak il-waqt. Moħħi tbellah.
Kont kompatibbli ma’ dak id-dawl? Kien kompatibbli l-infern tiegħi ma’ dik il-ġenna li dehritli tilħaqni mill-qalba tiegħi nnifsi anki jekk kienet distinta għalkollox minni? In-narrattiva tiegħi ttella’ fil-wiċċ din l-esperjenza. Biha rrid ngħid li iva, hemm tama. Li anke fil-qalba tad-dlam jista’ jisplodi d-dawl. Illum nemmen li Alla jinsab (anki jekk moħbi) fil-qalba ta’ dik illi tidher bħala t-traġedja umana biex, fl-aħħar mill-aħħar (il-ħin jgħażlu hu), inewwel idu u jgħid dik l-“Hawn Jien” illi ssalva.
F’dar-rigward ippermettili naqsam miegħek, mill-ġdid xi ftit b’referenza għal Nietzsche, silta saljenti mis-saġġ ferm għal qalbi The Courage to Be (1952) tat-teologu eżistenzjalist Luteran Paul Tillich. “L-Alla tat-teiżmu teoloġiku huwa kewn fost kwien oħrajn u, bħala tali, huwa parti mis-sħuħija tar-realtà. Bla dubju jingħadd bl-iktar parti importanti tagħha, iżda xorta waħda jibqa’ biss parti minnha u allura, għaldaqstant, soġġett għall-istruttura tas-sħuħija. Suppost dan huwa lil hinn mill-elementi u mill-kategoriji ontoloġiċi li jsawru lir-realtà. Iżda mbagħad kull stqarrija ġġibu soġġett għalihom. Jitqies bħala jien li għandu dinja, bħala ego marbut mal-int, bħala kawża mifruda mill-effett tagħha, bħala s-sid ta’ spazju definit u ta’ żmien bla tmiem. Huwa essri, mhux l-essri-nnifsu. Bħala tali huwa sottomess għall-istruttura suġġett-oġġett tar-realtà. Għalina bħala suġġetti huwa oġġett. Fl-istess mentri għalih bħala suġġett aħna oġġetti. U dan aspett illi jħoll u jorbot fil-ħtieġa li npassu lil hinn mit-teiżmu teoloġiku. Għax Alla mifhum bħala suġġett jagħmilni oġġett illi mhu xejn iżjed minn oġġett. Iċaħħadni mis-suġġettività tiegħi għax jista’ kollox u jaf kollox. Jien nirvilla u nittanta nibdel lilu f’oġġett, iżda l-irvell tiegħi jmur xagħwiet u jsir tentattiv iddisprat. Alla jidher bħala dittatur illi ma jitvinċa b’xejn, dak il-kewn illi apparagun miegħu l-kwien kollha l-oħra jisfgħu bla libertà u bla suġġettività. Jitqabbel ma’ tiranni reċenti li bis-saħħa tat-terrur jippruvaw jibdlu kollox f’sempliċement oġġett, ħaġa waħda fost tant ħwejjeġ oħra, gerwiela fil-magna li jidderieġu. Isir il-mudell ta’ kulma l-Eżistenzjaliżmu ħadha qatta bla ħabel kontrieh. Dan huwa x-xorta ta’ Alla li Nietzsche stqarr illi kellu jinqatel għax ħadd ma jista’ jittollera li jsir sempliċement oġġett tal-għarfien assolut u tal-ħakma assoluta. Dan huwa l-ifnad għerq tal-ateiżmu. Huwa ateiżmu ġġustifikat bħala reazzjoni kontra t-teiżmu teoloġiku u l-implikazzjonijiet disturbanti tiegħu. Hemm jinsab ukoll l-ifnad għerq tad-disprament Eżsistenzjalist u tal-ansjetà mifruxa kkaġunata min-nuqqas ta’ kull tifsira fi żmienna.” Ngħid għalija anke dana s-saġġ, daqs tmien snin ilu f’mumenti bejn ħaja u mewt, kien laqatni bil-kbir — mill-ġdid, bħal sajjetta fil-bnazzi. Għadni sal-lum ngħodd lil Tillich bl-iżjed teologu importanti tas-seklu għoxrin. Hemm ħafna raġunijiet għal dan. Nittama li xi darba jkollna l-ħin niddiskuthom. Hu x’inhu, ħaġa ċara li l-kunċett ta’ Alla li jippreżenta Tillich ftit li xejn għandu x’jaqsam ma’ dak illi darrewna bih ad nauseum sa minn ċkunitna. Fil-letteratura reliġjuża tiegħek, li jidher ċar li għandha għeruq Kristjani, lil liema Alla tittratta u tindirizza sewwasew? Lil dak tradizzjonali tat-teiżmu teoloġiku? Jew lil dak illi Tillich isibu bħala “l-Kewn-Innifsu”, “Sies il-Essri” u “l-Interess Aħħari”?
Meta nintalab nitkellem direttament dwar Alla nħossni nimmuta. Inħossni ninbela’ fil-Misteru tal-misteri. Inħossni nissikket minn ġewwa, u moħħi bħal jiddallam. Ifhimni, hu dlam hieni, dlam imdawwal. Tremend.
Jien ma nista’ ngħid xejn minn Alla. Waħdu Hu.
U, iva, bħala Hu, fl-esperjenza tiegħi huwa s-Sies tal-Essri, huwa l-Kewn Innifsu. Imma dan is-Sies, dan il-Kewn iddieli mill-Ħarsa ta’ dak illi, fil-ktieb tiegħi, ta Ismu lin-Nar.
Qiegħed nitkellem bil-metafori għax ma nafx infiehem. Jien ma naħkem xejn. Jista’ jkun li ninsab maħkum; iżda żgur li ma naħkimx. Mhux lill-Misteru. Żgur li le! Dak le! Ma jkun qatt!