Letteratura | Il-ktieb li ma nkitibx. Bin-noti f'rashom u bil-pinna f'idhom
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, din il-ġimgħa Kevin Saliba jaqsam ħsibijietigħu dwar il-ktieb Jien - Noti - Jien (Stejjer u Ħsejjes) ta' Immanuel Mifsud u Toni Sant li ser jitnieda dalwaqt matul il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Fl-isfond tal-kitbiet tat-tabib u n-newrologu Ingliż Oliver Sacks li stħarreġ ir-relazzjoni bejn il-mużika u l-moħħ, Saliba jfakkar fl-ewwel xhur tal-pandemijjatal-Virus Corona meta bosta nies qasmu fuq il-midja soċjali diversi tifkiriet personali tal-imgħoddi, fosthom ritratti, mużika u kitbiet letterarji. Kienu proprju dawn l-eżerċizzji retrospettivi, l-iżjed dawk mużikali, li welldu l-materjal li nsibu f'dan il-ktieb. Saliba jiġbed l-attenzjoni tal-qarrejja dwar kemm huwa diffiċli li ssir klassifikazzjoni stretta ta' xogħlijiet bħal dawn filwaqt li jistieden lill-qarrejja biex bejn il-linji huma u jaqraw jdaħħlu t-tifsira personali tagħhom, dejjem skont kif ikunu għexu l-ġrajjiet storiċi-kulturali msemmija u skont il-preferenzi mużikali tagħhom. Lejn it-tmiem Saliba jittanta wkoll jiġbed saqajn l-awturi billi jikkummenta dwar l-iżvilupp tal-gosti mużikali tagħhom, b'referenza partikulari għall-preġji tad-diski tat-tisbit skont Mifsud.
"Hija storja antika ħafna li lkoll kemm aħna, xi ftit jew wisq, għandna l-mużika f'rasna", kiteb it-tabib u newrologu Ingliż Oliver Sacks fil-ktieb tiegħu Mużikofilja: Rakkonti dwar il-Mużika u l-Moħħ (2007). Mill-ftit li stajt ninnota matul l-ewwel xhur tal-pandemija COVID-19 fuq diversi mezzi tal-midja soċjali deherli li għal xi raġuni dan il-ktieb ġibed l-attenzjoni ta' bosta qarrejja ħbieb tiegħi. F'dan ix-xogħol Sacks jistħarreġ firxa ta' patoloġiji fiżjoloġiċi u psikoloġiċi u l-konnessjonijiet tassew affaxxinanti li jista' jkollhom mal-mużika. Snin ilu, it-teoriji u l-argumenti li jressaq Sacks f'dan l-istudju u anke f'diversi filmati fuq youtube kont sibthom tabilħaqq fejjieda, jekk xejn għax kienu bħal saħħuli qatigħ il-fiduċja tiegħi fil-benefiċċji tanġibbli tat-terapija sonora kontra d-deni fiżiku u mentali.
Għax tgħid, tassew li lkoll kemm aħna, xi ftit jew wisq, tajjeb jew ħażin, għandna n-noti f'rasna. Matul l-ewwel xhur tal-imxija tal-Virus Corona — żmien fejn kaġun tal-paniku u tal-konfinament sfurzat ħafna u ħafna nies ħassewhom litteralment mhedda — fuq il-midja soċjali ma naqsux pubblikazzjonijiet ta' diski u kitbiet letterarji b'rabta ma' tifkiriet personali. Kif ikkummentaw Immanuel Mifsud u Toni Sant fi "ktieb li ma nkitibx" u li iżda, xorta waħda, ser ikun fil-ħwienet tal-kotba dalwaqt, "dan il-virus ġab miegħu bidliet drastiċi: [... ] kien hemm min beda jħares lura u jirreġistra mumenti importanti minn ħajtu. Wieħed mill-effetti tal-konfinament sfurzat mill-virus kien li, minħabba preżent imwiegħer u futur imċajpar, ħafna kkonċentraw fuq il-passat, b’nostalġija jew inkella b’attitudni analitika". Ngħid għalija ppruvajt nogħod 'l bogħod kemm jista' jkun minn dawn ir-ritwali nostalġiċi: l-esperjenza għallmitni li l-ħars lura spiss ma jkunx l-aħjar mod kif jiġi affaċċjat ġejjieni mċajpar, iżjed u iżjed jekk dan il-ġejjieni-bla-futur forsi jkollu ħabta wkoll jiddelitta bit-theddid tal-mewt.
Għall-ewwel rnexxieli, iżda maż-żmien — fil-konfini ta' moħħi iżjed milli fuq il-midja soċjali — bħal kważi kulħadd inġarrejt mal-kurrenti awtobijografiċi u storjografiċi. Ttħabatt tgħidx kemm imbagħad biex seħħli nerġa' lura minn vjaġġ ġewwieni fl-imgħoddi li f'ħin bla waqt ħasadni għal għarrieda. Għadni sal-lum ma nafx jekk tassew kontx niflaħ għalih sabarra. Anke din id-darba, almenu sa ċertu punt, imnalla kien Oliver Sacks, fost oħrajn. Fost il-kontributuri lokali li qasmu magħna kitbiet retrospettivi fuq Facebook niftakarni nsegwi lil Toni Sant u lil Immanuel Mifsud, b'mod partikulari lil dan tal-aħħar. It-tnejn li huma, kif forsi għadkom tiftakru, f'żewġ sensiliet separati dik il-ħabta ddokumentaw l-imgħoddi tagħhom permezz tal-iżvilupp tal-interessi mużikali tagħhom. Nammetti li maż-żmien tlift daqsxejn l-interess — u mhux biss f'dawn il-memoires iżda kważi kważi fil-Facebook kollu kemm hu — tant li qajla niftakar tajjeb il-kontributi li deheru lejn nofs iż-żewġ sensiliet. Kien biss lejn it-tmiem tagħhom illi erġajt ingħaqadt mal-udjenza virtwali pjuttost wiesgħa li bir-raġun baqgħu t-tnejn jiġbdu lejhom.
Minn banda kien iddispjaċieni daqsxejn illi ma segwejtx kollox. U għad illi huwa minnu li fil-Facebook dejjem tista' tmur tqalleb lura f'ħakka t'għajn, daqstant ieħor huwa minnu li l-kitbiet li jidhru biss fuq dil-pjattaforma tant koatika u fluwida għandhom ħabta jintesew malajr — 'il bogħod mill-ktieb 'il bogħod mill-ħsieb. Iżda mhux kollox mitluf: dan l-aħħar iż-żewġ awutri ddeċidew li jiġbru dawn il-kitbiet kollha fi ktieb — Jien - Noti - Jien (Stejjer u Ħsejjes) — li ser jitnieda minn Klabb Kotba Maltin matul l-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb l-Erbgħa 11 ta' Novembru fit-20.15.
Nagħmilha ċara: impossibbli ssir ġustizzja bis-sħiħ ma' ktieb bħal dan f'paġna letterarja. Forsi mhux lakemm tikklassifikah kif ġieb u laħaq wara li tkun qrajtu lanqas. Mhux qed ngħid dan għax jidhirli li dan huwa l-aqwa ktieb illi qatt ktibt dwaru f'din is-sensiela ta' reċensjonijiet. Madankollu għandi għax nemmen dan qabelxejn minħabba n-natura tal-ktieb innifsu: għad illi l-punt ewlieni tat-tluq kien sempliċement l-iżvilupp fil-gosti mużikali taż-żewġ awturi, kif dejjem bilfors jenħtieġ jiġri f'dawn ix-xorta ta' kitbiet, dan l-eżerċizzju bil-ftit il-ftit żvolġa fi "traġitt storiku-kulturali li jitlaq mill-personali u jinfed dimensjoni aktar pubblika". Għaldaqstant insa li jseħħlek iżżomm kont — aħseb u ara amment — ta' kull ħsieb, tifkira jew taħsisa li kapaċi tgħaddi għala minnek int u taqra dawn il-memorji. Jekk hemm xorta ta' kotba li tabilħaqq jagħtu raġun lit-twemmin ta' ċerti fenomenologi tal-qari bħal M.A.R. Habib, Martin Heidegger u Hans-Georg Gadamer — voldieri li “xogħol letterarju ma jidhirx fid-dinja mix-xejn bħala ġabra ta' tifsiriet lesti u mgeżwra bil-galbu f'pakkett; it-tifsira tiddependi mill-qagħda storika tal-interpretu" (Gadamer) — huma proprju kotba bħal dawn. F'dan il-każ, terġa' u tgħid, bosta drabi t-tifsira tiddependi ħafna wkoll mis-sitwazzjoni storika, kemm tal-mument u kemm tal-imgħoddi, taż-żewġ awturi.
Mill-ġdid, forsi mhix ħaġa li tiġbor fi ftit kliem ktieb illi jimraħ f'tant u tant bnadi, saħansitra — żgur m'hemmx xi ngħidu — fil-modi li bihom nirriformulaw jew nimponu parenteżi (f'sens fenomenoloġiku) fuq kif nifhmu u nerġgħu nġarrbu mill-ġdid l-imgħoddi tagħna. Għaldaqstant nippreferi nħalli l-ġudizzji mużikali u storiċi f'idejn il-qarrej. Madankollu ngħid biss, qabelxejn bil-mużika f'rasi, ġaladarba jaqbel niffoka l-iżjed fuq in-noti u l-ħsejjes iżjed milli fuq ir-rakkonti u l-istejjer, illi jiena u ż-żewġ awturi wkoll inzertajna nies "li għandhom ħafna affarijiet komuni bejniethom u fl-istess waqt ħafna differenzi". Għaldaqstant lil Mifsud ngħidlu, pirkażu, li bħalu — kontra r-rieda ta' familti li mill-midja tan-Nazzjonalisti kellha xorti jekk issegwi (u temmen) ir-rapport tat-temp — ħadt l-edukazzjoni mużikali tiegħi bis-saħħa tal-programmi ta' Noel Mallia. Bħalu wkoll sa minn età żgħira kont iffissat f'Jim Morrison u d-The Doors u fil-Led Zeppelin, u bħalu wkoll minn hemm imxejt b'mod kważi reliġjuż għall-baned progressivi tas-snin sebgħin, anke dawk Taljani. Bħalu nħobb ukoll lill-minimalisti sagri. Żgur ma naqsamx miegħu, imbagħad, il-fehmiet tiegħu rigward il-ġeneru tad-diski tat-tisbit — ġeneru li, b'mod speċjali fil-form old school tiegħu, baqa' magħġun mal-identità tiegħi sal-ġurnata tal-lum. Minkejja dan, bħalu wkoll ftit li xejn niggosta d-Death Metal iżda xorta waħda nħobb ħafna l-ġeneru Doom. U mhux bħalu, la ġejna f'dan, illi ma nħobbx nara mużiċisiti "jaħarqu l-kitarri tal-elettriku wara li jfarrkuhom, jifqgħu d-drum kits, u x’naf jien". Anzi, bi ħwejjeġ bħal dawn nieħu gost ħafna.
Milli jidher lanqas Toni Sant ma jħobb jara "t-tkissir tal-kitarra u t-tnabar jisplodu". Paċenzja, iżda almenu xorta waħda, bħali, miġbud ħafna lejn il-mużika ta' The Who. F'dar-rigward kurjuż ħafna nsir naf x'jaħseb dwar Quadrophenia (1973). Laqtitni qatigħ l-analiżi tiegħu dwar il-karriera t'Elvis Presley u jekk xi darba jkun iridni "ndoqqlu waħda t'Elvis", kif jgħid it-titlu ta' silta minnhom, jista' jibqa' ċert minn issa li nsemmagħlu l-kanzunetta My Boy — diska li kważi kull ġimgħa għadni ndoqqha f'jukebox partikulari ġo ħanut f'raħal żogħriti. Ma' Sant naqbel ukoll ħafna rigward Bowie li aktarx għadu l-artist solista favorit tiegħi. Madankollu ma nistax ngħid bħalu li qatt ma ddiżappuntani: ibda biex għad irrid nisma' cover album agħar minn Pin Ups (1973). Bħalu wkoll inħobb il-Pink Floyd (u "l-glorjuża Interstellar Overdrive"!), u bħalu mhux inqas għandi ammirazzjoni kbira ħafna lejn il-materjal li smajna t l-ewwel formazzjoni (Mk I) tad-Deep Purple. Xi darba, madankollu, nixtieq lil Sant jispjegali daqsxejn l-għaliex ma jħobbx ir-Rainbow, almenu l-materjal tal-bidu. Nieqaf hawn għax inkella ma niqafx...
Lura għal Sacks u l-ktieb tiegħu, jien u naqra u nisma' dawn l-istejjer u l-ħsejjes ta' Mifsud u ta' Sant — filwaqt li nixtarr fuq fuq ir-reazzjonijiet tiegħi għal kull artist jew memorja — ma nistax ma naqbilx ma' stqarrija partikulari ta' dan in-newrologu: “Kull att ta' perċezzjoni huwa, sa ċertu punt, att ta' kreazzjoni u kull att ta' memorja huwa, sa ċertu punt, att ta' immaġinazzjoni". Dan jorbot tajjeb ħafna wkoll mal-argumenti ta' Gadamer u l-bqija, voldieri r-rwol tal-qarrej fil-fehim u fit-tifsira ta' test letterarju. Fid-daħla għall-ktieb iż-żewġ awturi jgħidulna li dan huwa "ktieb li ma nkitibx". Hu x'inhu, jalla l-inizjattiva Jien - Noti - Jien (Stejjer u Ħsejjes) tnebbaħ kittieba oħrajn — forsi wkoll alla-ħares-qatt anke lili — biex jitilqu jimirħu fi traġitti xi ftit simili... bin-noti f'rashom bil-pinna f'idhom.
Bi żvista, dan l-artiklu deher fl-aħħar ħarġa stampata tal-gazzetta ILLUM bit-titlu tal-intervista tal-Ħadd ta’ qabel. Niskużaw ruħna mal-qarrejja