Letteratura | Il-Versi Sataniċi u Charlie Hebdo; Mistoqsijiet possibbli lil Salman Rushdie
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal din il-ġimgħa, Kevin Saliba jagħti ħarsa lejn id-diskussjoni li ser tittella' l-Erbgħa l-11 ta' Novembru mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bejn il-kittieb Brittaniku Indjan Salman Rushdie u l-kittieb Alfred Sant. Saliba jfakkar f'diversi episodji koroh illi żvolġew tul is-snin matul il-kontroversja rigward ir-rumanz Il-Versi Sataniċi, b'referenza wkoll għall-attakki terroristiċi li twettqu fi Franza ftit jiem ilu, aktarx b'rabta mġedda mar-rivista Charlie Hebdo. Jikkummenta wkoll li fid-dawl ta' dawn l-omiċidji reċenti l-parteċipazzjoni ta' Rushdie fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ma setgħetx issir fi żmien aħjar minn dan. Ifakkar ukoll li l-pubbliku jista' jibgħat il-mistoqsijiet tiegħu lil Rushdie f'sessjoni virtwali ta' mistoqsija-u-tweġiba li ser issir l-għada fit-12 ta' Novembru. B'rabta ma' din l-attività Saliba jittanta jissuġġerixxi xi mistoqsijiet possibbli...
Matul dawn l-aħħar xhur fil-komunità letterarja tagħna bosta tħassbu li kaġun tal-pandemija COVID-19 mhux ser ikollna ebda Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Minn banda bir-raġun. Ġaladarba maż-żmien bdew jitħassru wieħed wara l-ieħor bosta avvenimenti ewlenin mill-kalendarju kulturali, għandu mnejn ma kellniex għalfejn nassumu li ma kinitx ser tmiss l-istess xorti lil dan il-festival annwali. Iżda bis-saħħa tal-ħidma tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb dan mhux talli mhux ser jiġri talli bħas-snin li għaddew il-Festival reġa' seħħlu jiġbed lejh personalitajiet distinti mix-xena letterarja internazzjonali, fosthom il-kittieb Brittaniku Indjan Salman Rushdie li ser jidħol f'konverżazzjoni mal-ex-Prim Ministru Dr. Alfred Sant.
Minħabba l-istatura ta' Rushdie bħala kittieb, sa mill-bidu nett deherli li n-natura virtwali tal-edizzjoni ta' din is-sena ftit li xejn għandha tnaqqas mill-importanza ta' dan l-avveniment. Għandi nifhem illi dan issa sar jgħodd iżjed u iżjed meta nqisu l-ġrajjiet xejn sbieħ illi segwejna f'dawn l-aħħar jiem fix-xena internazzjonali, b'mod partikulari l-omiċidji makabri t'erba' persuni mwettqa minn żewġ fanatiċi Islamiċi f'żewġ episodji separati fi Franza, ilkoll aktarx b'konnessjoni mġedda mal-kwistjoni Charlie Hebdo. Festival u mhux, min isegwi x-xena letterarja dinjija kważi lanqas jista' ma jiftakarx, imqar għal waqt wieħed, fil-konfronti drammatiċi li kellu Rushdie ma' ċerti fazzjonijiet tad-dinja Islamika, l-iżjed tard fis-snin tmenin wara l-pubblikazzjoni tar-rumanz realista maġiku Il-Versi Sataniċi (The Satanic Verses, 1988).
Dik il-ħabta kelli biss tmien snin u minn dan kollu niftakar ftit li xejn: inħarqu eluf ta' kopji tar-rumanz, qamu rvellijiet kbar f'bosta toroq li swew il-ħajja ta' ħafna nies, inkisru bosta relazzjonijiet diplomatiċi, bosta pajjiżi ordnaw projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-ktieb, id-dar tal-pubblikazzjoni tar-rumanz Penguin India sfat mhedda bl-ikrah filwaqt illi ġew ibbumbardjati bosta ħwienet tal-kotba, saħansitra ħarġet fatwa kontra Rushdie nnifsu mill-Mexxej Suprem tal-Iran Ruhollah Khomeini. Il-kittieb spiċċa wkoll bersall ewlieni tal-organizzazzjoni militanti Salafista al-Qaeda. Minkejja li daqs sitt snin wara sar tentattiv din il-fatwa titneħħa mill-President mriformist Muhammad Khatami, għadha mhix ċara sabarra jekk din għadhiex tabilħaqq fis-seħħ. Li nafu fi-żgur huwa li għad hemm għadd ta' organizzazzjonijiet Islamiċi li għadhom iġedduha, l-iżjed fl-Iran. Rushdie u martu kellhom bilfors jgħixu tul ħafna żmien taħt sigurtà stretta immens. Nafu wkoll illi Rushdie baqa' jirċievi tfakkira dwar dan kollu kull sena f'Jum San Valentinu b'messaġġ ċar u tond: l-Iran għadu ma nesiex. Intant inqatel it-traduttur Ġappuniż Hitoshi Igarashi mentri żewġ tradutturi oħra ndarbu iżda ħelsuha ħafif. Ġraw mal-mitt ħaġa oħra.
Mhux ta' b'xejn illi l-kittieb Hanif Kureishi fil-ġurnal The Guardianddeskriva l-kontroversja Rushdie bħala "wieħed mill-iżjed avvenimenti sinifikanti fl-istorja letterarja ta' wara l-gwerra; fakkritna li l-kliem jistgħu jkunu dinamite u li fi nħawi oħra fid-dinja, b'mod partikulari fid-dinja Musulmana, il-kittieba li jitħaddtu b'mod liberu jistgħu jisfgħu f'periklu kbir". Bl-attenzjoni tagħna lkoll mixħuta fuq il-pandemija, id-dinja kienet bħal għoddha nsiet l-attakki vjolenti mwettqa fuq il-kittieba u l-istampa b'mod ġenerali mill-estremisti Islamiċi. Żgur li l-aħħar ħsieb ta' bosta minna, inklużi dawk li jsegwu d-dinja letterarja, kien ir-rumanz Il-Versi Sataniċi jew l-affari Charlie Hebdo. Ħafna forsi kienu ilhom jaħsbu, ferm qabel faqqgħet din il-pandemija, li l-episodju Charlie Hebdo għadda u mar u ormaj miet fuq ommu bħall-bqija.
Ikolli ngħid li l-parteċipazzjoni ta' Rushdie fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ma setgħetx ġiet f'mument aħjar minn dan. Ma jistax jonqos — wara l-bċejjeċ jinkitbu li ħasduna dan l-aħħar — li d-dinja letterarja ma terġax tiftakar f'Rushdie. Ma jistax jonqos lanqas li llum iżjed minn qatt qabel Rushdie jerġa' jġedded l-appoġġ totali tiegħu lejn ir-rivista satirika Charlie Hebdo. Għamel dan diversi drabi ħames snin ilu, l-iżjed matul battibekk jaħraq m'għadd ta' kittieba li ddistanzjaw ruħhom minn premju mogħti lir-rivista Franċiża mill-assoċjazzjoni internazzjonali tal-kittieba PEN International b'rikonoxximent għall-ħidma tagħha favur il-libertà tal-kelma.
Għandi nifhem li matul id-diskussjoni — immoderata minn Prof. Clare Vassallo — li ser ikollu m'Alfred Sant l-Erbgħa l-11 ta' Novembru għandna nisimgħu ħafna dwar dan. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħa l-inzjattiva li jistieden lill-pubbliku ġenerali biex jibgħat il-mistoqsijiet tiegħu lil Rushdie waqt sessjoni diġitali ta’ mistoqsija-u-tweġiba li ser issir fit-12 ta’ Novembru fis-18.30. Biex jinżamm kemm jista’ jkun spirtu ta’ skambju l-għadd ta’ parteċipanti mhux ser jaqbeż l-40. Dawk interessati jirriżervaw posthom għandhom jibagħtu l-mistoqsija tagħhom lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb: iżjed ma tingħadd b'tajba l-mistoqsija iżjed jikber iċ-ċans li tiżgura postok. Intant kulħadd ser ikun jista’ jaċċessa x-xandira diretta ta' din l-attività fuq il-paġna tal-Facebook tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u fuq www.ktieb.org.mt.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex l-istudenti Universitarji jieħdu kemm jistgħu minn din l-okkażjoni ta’ darba li jitkellmu ma’ wieħed mill-aktar ħassieba u promoturi provokanti tal-libertà tal-kelma. Għalhekk il-Kunsill qiegħed jaħdem mad-Dipartiment tal-Ingliż tal-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Ingliż (DESA) biex jiżgura għoxrin post minn dawn l-erbgħin għall-istudenti Universitarji.
Għaddew bosta mistoqsijiet minn moħħi xħin waslitli l-aħbar rigward dawn iż-żewġ attivitajiet. Ngħid għalija minn dejjem kelli diversi kurżitajiet dwar Rushdie. Ibda biex ta' min nistaqsu fejn jikkonverġu u jiddiverġu l-veduti ta' Rushdie u t'Alfred Sant, l-iżjed ġaladarba d-diskussjoni mistennija tiffoka fuq il-kisibiet, l-influwenzi u t-tħassib kurrenti ta' dawn iż-żewġ kittieba. Forsi interessanti nistaqsu wkoll — fil-kuntest speċifiku tal-attiviżmu politiku u tal-libertà tal-kelma — x'inhuma l-fehmiet ta' Alfred Sant rigward il-kundanna ta' Rushdie kontra d-diriġenza tal-Fondazzjoni Valleta 18, b'rabta mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.
Għandi bosta oħrajn li jmorru lil hinn mill-kuntest lokali. Jidhirli li l-pożizzjonijiet li ħa Rushdie dwar ir-rumanz Il-Versi Sataniċi u r-reliġjon Islamika tul is-snin mhux dejjem kienu konsistenti għalkollox. Nemmen li jista' jingħad l-istess kwantu l-fehmiet tiegħu dwar ir-reliġjon b'mod ġenerali. F'dar-rigward jidhirli li ġieli għandu ħabta jkun ġeneriku u simplistiku żżejjed. Ngħid għalija kurjuż ukoll dwar jekk almenu jagħrafx illi s-sitt kittieba li oġġezzjonaw għall-għoti tal-premju msemmi lir-rivista Charlie Hebdo kellhomx ukoll xi punti valid. Jiena nemmen li iva.
Kurjuż ukoll dwar x'taħsbu u x'tixtiequ tistaqsu intom. Niltaqgħu...