Hekk Ħabbtet Qalb Maltija - Tislima lil Oliver Friggieri
Oliver Friggieri mil-lenti ta' eks student tiegħu stess ...
Fit-triloġija Hekk tħabbat il-qalb Maltija, Oliver Friggieri jagħtina l-interpretazzjoni tiegħu tal-identità Maltija u tagħna bħala bnedmin. Il-viżjoni li ħaddan – ta’ identità donnha fissa, ta’ Malta (donnha) Kristjana (biss) – hi problematika, iżda l-mod kif għex din il-viżjoni jikfes ħafna mid-diskussjoni – Oliver Friggieri għex ir-ritmu tal-qalb Maltija sal-aħħar taħbita.
Għalliem
Friggieri ma kienx jgħodd lilu nnifsu bħala lettur jew professur, imma bħala għalliem – xogħol li ngħixu ta’ kuljum u li joffri bosta sfidi, fosthom din: Kif taqbad tispjegalhom lill-istudenti l-kobor t’Oliver Friggieri? Kull meta nibda poeżija ġdida, nibda billi nagħti lill-istudenti ftit tagħrif dwar l-awtur tagħha. U meta dak il-kittieb jinzerta jkun Friggieri, kont ninsisti li “mingħajru, ftit li xejn konna nkunu nafu dwar il-letteratura u dwar l-awturi tagħna.” Ir-reazzjoni tagħhom, drajtha: “Iss, Ser, mela ħabba fih li jkollna ħafna x’nistudjaw!” Nitbissem; minkejja r-risposti ripettitivi u l-esklamazzjonijiet eżasperanti tagħhom, nibqa’ niggusthom, u nfehemhom li kieku mhux għal Friggieri, kien ikollna aktar – mhux inqas – xogħol, billi hu ħa ħsieb ġabrilna ħafna noti u trufijiet oħra f’kotba aċċessibbli.
F’dan is-sens, Friggieri għażżinna. Ma ngħidx dan b’disrispett imma b’ammirazzjoni u bi gratitudi, għax antiċipa l-ħtiġijiet letterarji tagħna bħala ħaddiema (għalliema, kritiċi, kittieba) u bħala nazzjon żagħżugħ. Ir-riċerka tiegħu kompliet issawwar lil Dun Karm f’poeta nazzjonali, u miegħu ddefinixxa moviment sħiħ, dak Romantiku; moviment li kien essenzjali biex miegħu kompla jkejjel ċaqliqiet oħra fil-letteratura tagħna bħar-realiżmu u l-Moderniżmu, li kien kontributur kbir tiegħu b’kitbiet kemm kreattivi kif ukoll kritiċi. Ir-riċerka ta’ Friggieri ma ddiskriminatx skont il-klassi jew il-politika, imma skont il-kwalità; ir-riċerka tiegħu dwar Juann Mamo, li ngħata l-ġenb għal bosta snin, hi xhieda biżżejjed ta’ dan.
Mhux faċli tgħid “kelmtejn” dwar Friggieri lil studenti ta’ 10, 11-il sena u spiss nibża’ li nkun banali u riduttiv meta nitkellem fuqu; imbagħad, niftakar xi mħabba kellu għall-istudenti u nserraħ moħħi li l-akbar ġieħ li nistgħu nagħtuh hu li ngħaddu dak li għaddielna lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna.
Bieb (u ktieb) miftuħ
Probabbli, l-imħabba li kellu għall-istudenti ma tistax tiġi mfissra aħjar jekk mhux bix-xbieha tal-bieb tal-uffiċċju li qatt ma ngħalaq f’wiċċ ħadd. L-istudenti tal-Arti, speċjalment dawk tal-Malti, jistgħu jixhdu għal dan: Mhux l-ewwel darba li għaddejna minn quddiem biebu u nilmħuh jaqra fil-kwiet, jisma’ u jitħaddet ma’ studenti u kollegi oħra, jew igerrex ’il xi qattusa li hija wkoll għarfet li bieb miftuħ huwa għelm bniedem ġentili …
Ħabiba tal-qalb qaltli li Friggieri kien qisu “nannu,” u issa ma nistax naħseb f’kelmiet fi lsienna li jaqbdu aħjar il-karattru ta’ Friggieri. Li kien ġentili diġà għednieh, bħalma għedna li kien jagħti widen lil kulħadd. Bħal xjuħ oħra, kien ukoll għaref, u bħall-għorrief, kien jaf li m’għandna xejn minn din id-dinja: Ma kienx jaħsibha darbtejn biex iqassam kotba u CDs bil-poeżiji tiegħu, u ġieli llmaħtu jaqsam mill-Fakultà tal-Arti sal-binja ta’ Gateway b’kaxxa mimlija xi jqassam waqt lekċer. Il-marda li ħakmitu kienet ilha tkiddu, u mhux l-ewwel darba li kellu jieqaf nofs triq, iżda l-ġenerożità u l-altruiżmu tiegħu kienu b’saħħithom biżżejjed biex iżommuh għaddej, u lejn l-uffiċċju kien jirritorna biss b’kaxxa vojta.
L-aħħar taħbita
Kif taqbad tikkonkludi kitba qasira dwar ħajja twila u mimlija? Probabbli b’anedottu, fl-istil ta’ Friggieri stess. L-aħħar li kkorrispondejt miegħu kien b’ittre; tlabtu l-permess biex inġibu poeżija tiegħu f’antoloġija li għad trid toħroġ. Weġibni minnufih, u b’iva, u offra li ngħaddi s’għandu biex niġbor kopja ta’ Il-Poeżiji Miġbura biex nagħżlu minnha. Bejn għax diġà kelli kopja, u bejn minħabba l-COVID-19, irrifjutajt, u wegħedtu li ngħaddi s’għandu la noħorġu l-antoloġija …
… dik it-taħbita fuq biebu, issa mhi se tasal qatt. Ħafna minna se jibqgħu bix-xewqa li ħadmu m’Oliver, jew li ħadmu miegħu aktar u aħjar; ħafna pjanijiet se jkollhom jibqgħu fuq l-ixkaffa jew isibu xkafef oħra, u bosta kotba se jibqgħu mhux miġbura jew mingħajr firma. L-aqwa ġieħ li nistgħu nagħtuh huwa li nkomplu naħdmu bl-istess spirtu tiegħu, kemm fir-reqqa akkademika u – forsi aktar minn hekk – fl-umiltà u l-altruiżmu.