Letteratura | DARB’OĦRA, OLIVER
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Kevin Saliba jagħti tislima xierqa, din id-darba wkoll bl-ilsien Malti, lill-mibki Professur Oliver Friggieri li ħalliena l-ġimgħa li għaddiet. Permezz ta’ bosta referenzi għal versi u aforiżmi mix-xogħlijiet tiegħu – fosthom poeżiji, rumanzi, stejjer qosra u diskorsi ewlenin – Saliba jibqa’ jindirizza lil Friggieri filwaqt illi jiftakar u jfakkar il-modi kif għex u fehem l-esperjenzi personali tiegħu mal-Prof. Friggieri. Fost it-testi msemmija jispikkaw, fost ħafna oħrajn, il-poeżiji Nisraq Imqar Minuti, Eh Forsi u Biljett ta’ Suwiċida kif ukoll l-istejjer qosra Dan il-Lejl taċ-Ċomb u Darba Oħra, Ruben. Intant Saliba jittanta jdaħħal fil-kredu lil kulħadd: minn Jean-Paul Sartre sa Albert Camus, minn Lev Shestov sa Jacques Derrida, minn Dom Mintoff sa Eddie Fenech Adami, minn Pier Paolo Pasolini sa Alfred Sant. Minn banda, kultant, bħal jixxennaq għal miġja oħra fostna minn Friggieri, iżda mbagħad dlonk jerġa’ jdurlu, tant illi jtemm dan l-eloġju mqanqal tiegħu billi jagħtih parir biex għalissa jibqa’ fejn hu. Biex ma jiġix...
Nisraq imqar ġimgħat minn sena, Oliver. Anzi, x’jien ngħid? Nisraq imqar minuti... minn waqtiet li waqgħuli fl-art u ħlejthom. Nisraq imqar ftit sekondi f’dan il-lejl taċ-ċomb. Imqar erba’ sekondi, biex nerġa’ naqbadha miegħek fuq kif ġejna u fejn se mmorru, minn aħna u fejn qegħdin, għaliex u kif u meta, dil-ħolma tal-ħajjin. Forsi darb’oħra, Oliver...
Kemm nixtieq nerġa’ lura, mank sitt xhur, iżd’issa għalxej’... Fir-rumanz La Nauseè, li tgħidx kemm xtaqt ngħaddilek kopja tiegħu ladarba kont inkun raddejtu kollu fl-ilsien Malti – għandu mnejn qabelxejn għalik – Jean-Paul Sartre kiteb illi “jkun hemm mumenti meta jkollna l-impressjoni li nistgħu nagħmlu li rridu, imorru ’l quddiem jew inkella lura, li dan ma jkollu importanza ta’ xejn; u ġieli mbagħad jidhrilna li l-kobba tkun issikkat ruħha, u f’dawn il-każi ma tkunx kwistjoni li tieħu falza stikka għax ma tkunx tista’ terġa’ tibda”. Minn daqshekk veru. Kos, x’ħabta għandna minn daqqiet nitmejlu bina nfusa, hux Oliver? Kien qalilna waħda tajba Sartre fl-istess rumanz: “nammira x’ħabta għandna nuru ħaġa b’oħra billi ninqdew bir-raġuni”.
Għax tgħid, kienu sewwasew Jean-Paul Sartre, flimkien mal-ħabib-rivali tiegħu Albert Camus, illi kien fi ħsibijieti proprju xħin l-editur ta’ din il-gazzetta għarrafni, hekk kiesaħ u biered, bl-aħbar tat-tluq tiegħek. Ċempiltu biex navżah illi kont għadni kif bgħattlu t-traskrizzjoni tad-djalogu li kien għadu kif kelli mal-Prof. Anthony Aquilina rigward dawk il-botti-u-risposti eżistenzjalisti li kellhom dat-tnejn tul is-snin ħamsin. F’dawk il-famużi żminijiet tar-rivista Les Temps Modernes, taf int. Fid-djalogui konna stħarriġna wkoll Il-Mit ta’ Sisifu ta’ Camus, l-iżjed billi ddiskutejna jekk lil dan il-proxxmu traġiku tassew għandniex nistħajluh kuntent. Dak il-ħin dlonk irħejt il-ġebla minn idi u għarraft lil Aquilina minnufih. “Tlifna akkademiku ta’ vera u raġel fuq l-irġiel”, wieġeb hu dikment. Inkitbu ħafna xorti dwarek imbagħad f’dawn l-aħħar jiem, Oliver. Malajr insejnihom, imqar għal ftit, lil Sartre u lil Camus u lil Bataille mbagħad. Fl-aħbarijiet, fuq il-midji soċjali – inklużi t-terrazzini tal-barijiet u l-kjuwijiet tal-merċa – issemmew ħafna preġji u merti minn tiegħek: l-għerf, l-istamina, il-prolifiċità, l-indispensabbiltà, l-imħabba, il-ġentilezza, l-umiltà u l-bqija. Ħafna ħwejjeġ tas-soltu, insomma. Imma x’inhu s-siwi, kif niftakrek tistaqsini int, illi nibqgħu dejjem ntennu l-istess ħwejjeġ? Iżda f’ġieħ is-sewwa, biex ngħidu kollox, kultant ma tlumhomx lin-nies. Mhux kuħadd bħalek: difaċċ il-mewt kultant mhux la kemm issib diskors ġdid xi tgħid. U lanqas kieku: għix ħajtek u ħallik mill-folla. Ma tridx tieħu għalihom ċerti Maltin, l-iżjed jekk tqis illi ftit sigħat wara li tajnik dika l-aħħar tislima inzerta mitilna wkoll il-Maradona. Il-folla ma tifhimx, Oliver.
Hu x’inhu, mal-aħbar mort ħarbixtlek ta’ malajr erba’ kelmiet fil-ġurnal MaltaToday, ma jmurx, Alla-ħares-qatt, taħsel taħseb illi – forsi ormaj bħal bosta oħrajn – saħansitra anke int sfajt ukoll f’tiegħi n-nisi minn l-aħħar li ktibna ’l xulxin u tkellimna fuq it-telefon. Sintedi, ħadd ma qal kollox dwarek. Hekk jew hekk, ħadd qatt ma jista’, ħadd qatt ma seta’, abbli lanqas int. Mnejn taqbad tibda? Kif imbagħad jaqbel tissokta? B’xiex fl-aħħar jixraq tispiċċa? Terġa’ u tgħid, biex nikteb dwarek neħtieġ ħafna karti, ħafna linka, ħafna żmien. Neħtieġ ktieb sħiħ. Intant l-editur diġà bagħat jgħidli biex ma ntawwalx. Għaldaqshekk ma nippretendix – tul dal-ftit ħin illi għandi nishar miegħek hawnhekk – li ser iseħħli ngħid kollox dwarek jien. Jekk niġu f’dan dal-ħin għandi xorti nasal nagħżel struttura xierqa, minn fost dawk illi kont tgħallimni proprju int, ħalli fiha ndeffes il-gżuż vrus u ħsus illi għaddew żiffa għala minni f’dawn l-aħħar jiem. Forsi darb’oħra, Oliver. Difaċċ il-mewt, anke jekk forsi ssib xi tgħid fil-waqt ix-xieraq, mhux la kemm issib kif tgħidu. Ipprova ifhem illi dawn tiegħi mhuma xejn għajr ponn għabra mill-imgħoddi, imsaffi fuq fuq mill-mument, imxewlaħ ta’ ħorrox borrox għal għonq il-baħħ, mixħut addoċċ f’din id-dalma illi qed taqa’ fuqi, iss’issa bħalissa, matul dawn l-uqat illi qed inġibek f’moħħi...
Forsi darb’oħra, Oliver, jekk tiġi, jekk tiġi, jekk tiġi...
Anke did-darba ma setax jonqos Oliver, madankollu – bħal kull meta nikteb fuq l-għajbien ta’ xi ħadd għall-qalbi – li mal-aħbar ta’ mewtek dlonk erġajt fittixt xi ftit wens fid-diskorsi viżtużi ta’ Jacques Derrida. Chaque fois unique, la fin du monde: kull darba, kull darb’ oħra, li jmut xi ħadd qribna tmut xi ħaġa ġo fina, anzi fis-sew tmut dinja sħiħa, dik id-dinja li kienet teżisti – qabelxejn ġewwa fina – meta dik il-persuna kienet għadha fostna. Kull mewt ittemm xi ħaġa f’dinjietna u għaldaqstant itemmha – ittemmha għax terġa’ tibdilha mill-ġdid. Tqum l-għada filgħodu u ssibek f’dinja oħra, issa ġdida, b’dik ix-xi ħaġa dejjem nieqsa. Bil-mewt tiegħek, dika d-dinja li għosfrot minn ġo fina kienet, f’kull mument, minn banda, tagħna lkoll. U għax tgħid, fl-istess waqt, mill-banda l-oħra, għadna mhix ċara jekk qatt tabilħaqq fis-sew kinitx. Nafu biss illi “l-gżira kien jisimha Malta”, jew għall-inqas hekk inkiteb illi kien intqal lil Pawlu ta’ Tarsu… jew ta’ Malta, x’tippreferi?
Darb’oħra għidli. Issa ħallina minn dan. Daqs ġimgħa ilu miegħek reġa’ miet pajjiż sħiħ, Oliver. Nixtieq nisraq imqar minuti minn dak il-pajjiż, minn dika d-dinja – almenu minn dik illi kienet saret tiegħi mindu fiha dħalt int. Nixtieq nisraqhom, irrid nisraqhom biex nerġa’ ngħixhom, biex nerġa’ nixtarrhom, biex minn hawn isfel nirringrazzjak u forsi nibda nifhem. L-għalliema tal-Malti kienu qaluli ħafna fuqek qabel iltqajt miegħek – saħansitra mill-bankijiet tas-Sekondarja waqt il-lezzjonijiet dwar Stejjer Qabel Jidlam – aktarx għax qabli stess kienu diġà ttendew bihom dal-vizzji kemxejn sbejħa li fettilli mort qbadt: il-filosofija, ir-reliġjon, il-kritika, il-letteratura, il-kelma – l-iżjed dik Maltija. Dawk l-istess għadiet fejjieda li mbagħad komplejt tħallimni bihom int. X’ċuċ hu t-tipjip li skont int “kollu inkwiet”? Fi żmien il-kulleġġ, voldieri daqs ħamsa u għoxrin sena ilum, iltqajna darba biss: dakinhar illi ġejt tkellem lilna l-poeti, jew aħjar lilna l-poetastri, tal-Klabb Letterarju tal-Junior College. Għedtilna dwar Dun Karm u d-dejn illi lkoll – anke l-poeti tal-Moviment Qawmien Letterarju mela aħseb u ara aħna – għad għandna u jibqa’ jkollna miegħu. Kellimtna dwar Vassalli, anzi l-proġett Vassalli. Il-Bibbja Maltija ta’ Pietru Pawl Saydon. Id-dizzjunarji ta’ Ġużè Aquilina u l-imkielem ta’ Erin Serracino Inglot. Il-Gaġġa u Il-Ħolma Maltija ta’ Frans Sammut. L-Iblah ta’ Ġużè Orlando. Laqqajtna wkoll ma’ ċertu Leli ta’ Ħaż-Żgħir ta’ Ġużè Ellul Mercer. Mhux l-inqas m’Ulied in-Nanna Venut ta’ Juann Mamo. U mill-ġdid bħall-għalliema ta’ qablek man-Nirien ta’ Karmenu Vassallo. Il-Kantiku tad-Demm t’Achille Mizzi. Id-De Profundis ta’ Doreen Micallef. Fuq kollox u fil-qosor: mal-jien u lil minnu. Tajtna wkoll il-kritika letterarja. Azzardjat tgħallimna wkoll, jew għall-inqas ippruvajt, nagħrfu l-kwalitajiet tajbin u inqas tajbin ta’ Mintoff u ta’ Fenech Adami – mhix ċajt dik il-ħabta. Jiddispjaċini ngħidlek li ħafna minna lanqas s’hawn ma waslu. Lanqas s’hawn. Forsi darb’oħra, Oliver...
Insomma, Vum-Barla-Zungarè eċċetera eċċetera. Dak iż-żmien għedtilna wkoll dwar il-kriżi globali tal-marġinalizzazzjoni tal-ħassieba, kwantu dik illi l-filosofu Gianni Vattimo m’ilux sejħilha “r-rottomazzjoni tal-intellettwali”. B’sogħba ħabbartilna wkoll, fl-istess nifs, it-trijonf tal-għarfien tal-esperti fuq l-għerf tal-akkademiku. Daqs sentejn wara, fil-klassi tal-Università, erġajt fakkartni fil-ħidma intellettwali, kulturali u nazzjonali, fil-biċċa l-kbira minsija, ta’ dawn missirijietna. Intant komplejt tfissirli l-vittorja tal-immaġni fuq il-kelma tal-kittieb, ir-rebħa tal-opinjoni vulgari fuq il-fehma tal-ħassieb, il-vinċta tat-teknika fuq ruħ il-bnedmin. Kien isewwidli qalbi dad-diskors, għad illi żgur ma fhimtux biżżejjed qabel ma ltqajt bis-serjetà, ftit tas-snin wara, max-xogħlijiet ta’ Martin Heidegger. Fhimtu ferm iżjed, imbagħad, meta tajjeb jew ħażin splodew l-pluraliżmi fix-xandir u mbagħad wara, m’hemmx xi ngħidu, il-pjattaformi tal-midja soċjali. Kapaċi issa tgħidli li kummiedja din li setgħet qatt ma nħadmet. Kummiedja xejn. U kienu inqas kummiedja l-ewwel truf illi, flimkien ma’ xi għalliema oħra, uħud minnhom tamparek jew kienu studjaw taħtek, kont tarraftli – bil-punt u l-virgla u b’dawka l-ġesti uniċi anzi mitiċi tiegħek – kwantu l-kumplessitajiet filosofiċi, psikoloġiċi u soċjali tal-kundizzjoni umana. U baqa’ s-skiet madwari...
Dik il-ħabta f’dar-rigward – daqqa minn hawn u daqqa minn hemm – kont diġà xi daqsxejn mibdi, iżda aktarx kien minn hemm illi nibtet fija wkoll in-namra mal-ħassieba eżistenzjalisti. Apparagun fl-Università la studjajt ħafna l-ilsien Malti u wisq inqas ħafna filosofiji: fis-snin tal-kulleġġ intant kont diġà bħal tlift għaqli wara l-politika, wara dawk l-istatwi buffi li tellajna biex huma lagħbu bina w aħna bihom. Allura għażilt suġġetti oħra għax, ħeqq, ridt insirlek ġurnalist mal-ġurnali It-Torċa u l-orizzont, jew ma’ tas-Super One, u mbagħad forsi xi attachè fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Eh forsi… Forsi darb’oħra, Oliver. Kont noħlom ukoll illi forsi kont ser inkun ukoll diplomatiku, primafruntiera, ma’ dawk illi għad kellhom jinnegozzjaw il-ftehim tal-Partnership. Fuq Malta u l-UE ma tantx konna naqblu. Aktarx qatt m’għad naqblu. Il-ħażin li qbilna wkoll li qbilniex għaliex, akkont, minn banda konna naqblu. Tridx naqtgħu kollox fil-qasir u niġu dritt għall-punt? Ejja ngħidu li – lil hinn mid-diskors dwar l-għaqda nazzjonali, lil hinn minn Karin u Raymond u l-albums tagħhom, lil hinn minn misraħ il-Parlament – f’għajnejk forsi jiena kont Soċjalist li m’hemmx li nikber u forsi f’għajnejja inti kont Nazzjonalist li m’hemmx li tifhem. Eh forsi... Għandu mnejn qed nhewden Profs. Tfixkilt it-triq u jkolli nerġa’ nibda…
Iss’int l-istaġun il-ġdid! Quanta inutile buona educazione!, bħalma darba esklama Pier Paolo Pasolini. Intat, minkejja dan kollu, xorta kont insibni – minħbba fik ukoll dik il-ħabta – inqalleb moħħi u l-ħwienet tal-kotba u l-libreriji bit-testi ta’ Sartre, Camus, Nietzsche, Shestov, Dostoevsky, Kierkegaard, Marcel, Kafka, Pirandello. Illum il-ġurnata, meta niddjalogu bil-fomm u bil-ħsieb ma’ filosofi oħrajn, uħud minnhom ta’ żmienna, irrid jew ma rridx kultant ħsiebi għadu jmur fik. Min jaf x’kont taħseb, Oliver? Għaldaqstant għamilt mezz illi nsemmik, fl-artiklu mgħaġġel tiegħi, ma’ Giorgio Agamben, Massimo Cacciari, Bernard-Henri Lévy u Richard Kearne dawn fil-MaltaToday. U mhux l-inqas m’oħrajn, xi ftit jew wisq bħalek, illi armajn – daqstant ieħor ukoll bħalek – dal-aħħar ħallewna warajhom b’kobba aktarx ferm iżjed imħabbla milli qatt sibniha, ferm iżjed mgħaqqda milli qatt ħsibniha. Costanzo Preve, Zygmunt Bauman, Bryan Magee, Hubert Dreyfus, George Steiner, Emanuele Saverino. Kont insejt, bilħaqq, lil Roger Scruton. Għidilhom la tarahom. Xtaqt ħafna niddiskuti lil dawn in-nies kollha miegħek. Dan-nies bħal donnhom dnubiet li ma jorqdux. Ladarba tagħtihom nikta widen u naqra wiċċ darba mis-subgħa jieħu l-id, jibqgħu mħaxkna miegħek, kif taf tajjeb. Huma wkoll l-akbar mass meeting. Imma che me ne faccio della mia buona educazione? Kellu raġun Pasolini: xi s-sagramew ser nagħmel biha issa dil-edukazzjoni tajba kollha, għid? Għalhekk ukoll nixtieq nisraq imqar minuti, Oliver. Għalhekk ukoll. Forsi darb’oħra, Oliver...
Kont tifel seklu ilu. Gerrbu s-snin. Iggradwajt f’xiex xtaqt, għamilt li ridt, ħdimt fejn u ma’ min ridt. Qtajti xewqti, ħsibt. Minn hemm ’l hemm ma bqajniex niltaqgħu. Int l-Università, jien naqsam ħini u rasi bejn il-Marsa u l-Ħamrun. Ma ntawwalx: imbagħad sifirt. Smajt minn Raymond tar-rumanz L-Ewwel Weraq tal-Bajtar t’Alfred Sant. Bħal Raymond tani qisu bħal mejt dakinhar, imbagħad għadda kollox. Intant af li komplejt niftaqad ix-xogħol tiegħek – bqajt nidħol fis-silenzji tiegħek – u fil-ftit li ktibt m’hemmx virgla waħda li tafx kewntha lilek, li mhix ġejja xi ftit ukoll minnek, li ma tfakkarx f’uħud mill-kawżi tiegħek – ibda b’dika li ktibt fuqha lil Ġużè Aquilina f’ittra li bgħattlu minn Milan f’April 1977. Għaddew ukoll mal-għaxar snin. Ġejt lura. Tani mejt ieħor xħin wasalt. Qatt ma stejqirt minn dak il-jum, Oliver. Ngħidlek għalfejn, ma ndumx. La qed insemmu l-korrispondenzi ma nistgħux ninsew il-battibekki, l-artikli u x’naf jien. Qatt ma ssgħobbija mill-artiklu, pjuttost pixxikalda, rigward in-negozzjoniżmu tiegħek fil-kwistjoni taċ-ċensura fuq il-letteratura. Għaltaxejn nibqgħu nfettqu: biex nerġa’ nfisser ruħi mill-ġdid neħtieġ ftit sigħat milli ġejjin u dan l-ispazju kollu. Forsi darb’oħra, Oliver. Ngħidlek biss li bosta mill-ilmenti tiegħi kellhom ħafna mill-oġġezzjonijiet – uħud minnhom fil-fehma tiegħi validissimi – illi pirkażu kien ressaqlek, la diġà semmejnieh, seħibna Alfred Sant f’Jannar tal-1980. Naf illi ħassbitek dak iż-żmien il-kwistjoni tal-artiklu L-Intellettwali u d-Dmugħ Sterilizzat, minkejja r-rispett tiegħek lejn Sant. Kun af illi lil Sant bqajt ngħożżu daqsek u iżjed, tant illi anke baqa’ jħasseb, sal-lum, għad illi bħalissa donnu ħafna baqgħu mingħalihom, jaħasra, illi fl-aħħar għadda kollox u barra bid-daqq. Anke din kummiedja, nispera.
Oliver, għaddew biss is-snin. Mill-bqija m’għadda xejn, la l-gwaj tal-bieraħtlula u lanqas tal-bieraħ. Aħna tfal li m’hemmx li nikbru. Ilkoll skantati ngħoddu l-ħin. Fis-saġġ tiegħu Il-Ħwejjeġ Kollha Possibbli Shestov kiteb hekk: “wara traġedja, il-farsa. Il-filosofija terġa’ tikseb is-setgħat tagħha u l-art terġa’ lura taħt saqajna”. Ħożżha fl-ilma Prof. U issa li l-irwiefen reġgħu stenbħu... il-petali qed jaqgħu fuq il-mejda u rmied is-sigarett ħaraqli idi, u inti m’hemmx li tiġi. Kont qiegħed bil-biex, kif kienu jgħidu darek, ħalli ngħidlek “żarraddli das-siparju. Żarradli das-siparju ta’ silenzju”. La jibnazza ejja lura, kif kont wegħidtna. Iżda aħjar xejn. Għadni, iva, mela le, irrid nisraq imqar minuti, imqar sekondi... jekk tiġi, jekk tiġi, jekk tiġi. Imm’ar’insa kollox. Kollox. Insa wkoll, jekk trid, dal-elfejn kelma tiegħu. Taħlix fix-xejn id-dmugħ t’għajnejk illejla. Toqgħodx tinqala’ terġa’ tiġi tistienes hawnhekka hawn isfel magħna. Tħabbatx iżżejjed fuq qalb diġà ngħalqek għax tweġġa’ idek. Nitolbok la tidħolx fl-ilma-qiegħed ta’ din is-soċjetà. Bħal dak li qallu mhux biżżejjed, kif spjegalna Sartre f’L-Essri u x-Xejn, li “ħaġa ċerta li ma nistgħux naħarbu minn diqatna għax anke aħna stess id-diqa”. Forsi darb’oħra, Oliver. Forsi darb’oħra. Għal riħ bla xita kulma għedt lill-istudenti dwar “il-falsità ta’ pajjiżna” u “dwar il-qerda mgħaġġla ta’ kulma hu Malti”, fit-taħdita li tajt daqs għoxrin sena ilu matul iċ-ċerimonja ta’ jum il-gradwazzjoni. Tiġix ’l hawn. Tersaqx ’l hawn għaliex, bħalma għedtilhom int dakinhar, għadna nitlewmu fuq jekk aħniex Għarab jew inkella Ewropej u intant insejna għalkollox illi aħna Mediterranji. Agħar minn hekk, għad hawn “minn kull xorta ta’ qżież”. Mhux wisq il-qżież illi tant kien ikidd lil Dun Karm, iżda xorta waħda qżież. Għad “hawn ħafna nies mirfusa fuq din ir-roqgħa art”. Għad hawn nies “li waqgħu fit-triq u li jintrifsu l-ħin kollu”. “Il-verità u l-etikett għadhom sikwit għedewwa ta’ xulxin”. Għadna ambjent ormaj mibjugħ, meqrud, mgħarraq – “wirt naturali li ma jerġa’ jiġi qatt”. “Għad għadna pajjiż miġnun li qed jeqred lilu nnifsu”. Għadna qisna “bażar li ssiblu minn kollox”. Intant Malta ċkejkna baqgħet dejjem tiċkien mentri kulma jmur xorta baqgħu jikbru, sintendi, “ix-xewqa tal-ftuħ, tal-ħarba, imqar bid-droga”. Kibru wkoll qatigħ “in-nervożiżmu u l-klawstrofobija”. Għadna qegħdin ninfexxu f’xulxin. Għadna “niżvugaw fil-vjolenza”.
Le, li kont minnek għalissa nqis qiesi, inkejjel b’xibri, ma niġi lura xejn. Ħallik mhux biss mill-folla Maltija iżda wkoll mill-Kelma ta’ Malta. Immela ħallik ukoll mil-loġika, mill-estetika, mill-etika, mit-teoloġija, mill-metafiżika, mill-fenomenoloġija, mill-epistemoloġija, mill-bqija. U ħallik mill-eżistenzjalisti, minn dawka ż-żnażan ivenvnu fil-moħħ. Ħallik ukoll mill-Idea tal-Letteratura. Mid-Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji u l-Istudji Kritiċi Miġbura. Ħallik mill-kuxjenza nazzjonali. Fuq kollox, ħallik mill-qaħbeċ pulitka, ribell ġentili. M’hemmx ritorni eterni. M’hemmx amor fati. Mhux biżżejjed kiltu darba t-taraġ illi jieħdok lejn l-patibolu? Allura addiju kollox. Abbassu kulħadd. Għalija diġà biżżejjed illi mal-fanal, hemm barra – fis-sikta u fid-dalma – għad hemm ħarstek, tixgħel. Fis-suq tal-aħħar siegħa, taf int, tallab jaf jifraħ b’kollox...
L-aħħar li tkellimna għedtli li kont qed tibki. Kont qed tibki għax għoġbitek ħafna t-traduzzjoni Taljana tiegħi tal-poeżija Eh Forsi. Imma issa anke jien qed nibki tafx., ili. Kos, ġa beda jroxx id-dlam u l-editur għadu kif qalli li sar il-ħin. In-nifs maqtugħ. Sraqtlek ħafna versi, kliem b’lura għadna daqs kemm il-kelma ktibt int... u inti m’hemmx li tiġi. Dan missni bsartu. Tgħidli qalbi anke din tiegħi kummiedja. Iżda ħabat tajjeb tafx, Oliver. Kiltu lsieni ngħid nixtieq nisraq imqar minuti, veru minn daqshekk. Iżda le, mhux għalissa, mhux dal-ħin, mhux illum. Nerħulhom itektku l-minuti. Dawk jafu x’għandhom jagħmlu, mhux bħalna. Ibqa’ hemm fejn int. Ħu dal-Biljett ta’ Suwiċida. Ħu dal-Pilloli tal-Irqad. Titħarrikx qabel xi darba, fl-annumaj, għad iseħħila nħalltu ismek ma’ demmna biex jiġġedded maż-żmien. Sadattant, se nsakkar kullimkien u nżarma kollox... biex nidħol fis-silenzji tiegħek, biex nifrex il-lejl fuqek, biex tifhem biss ir-ruħ...
Il-bqija, forsi darb’oħra, Prof. Le, mhux issa. Forsi darb’oħra, Oliver, jekk tiġi, jekk tiġi, jekk tiġi...