Letteratura | L-intellettwali pubbliċi u d-dmugħ sterilizzat 2020 Problemi tal-lum (1)
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Kevin Saliba jerġa’ jirrifletti dwar il-ħidma, din id-darba politika, tal-mibki Professur Oliver Friggieri. Saliba jieħu spunt minn artiklu miktub minn Alfred Sant ferm kmieni fit-tmeninijiet – li kien diġà aċċenna għalih fl-artiklu preċedenti – sabiex jistħarreġ l-istatus u r-rwol tal-intellettwali pubbliku fi żmienna. L-artiklu ta’ Sant – voldieri L-Intellettwali u d-Dmugħ Sterilizzat – kien filfatt tweġiba għal ċertu modus operandi li skont Oliver Friggieri, almenu dik il-ħabta, kellu jsegwi l-intellettwali Malti fis-soċjetà. Huwa jisħaq li d-dibattitu li kien qam bejn Friggieri u Sant kmieni fit-tmeninijiet għadu relevanti ħafna għal żminijietna... għandu mnejn illum iżjed minn qatt qabel...
Daqs ħmistax ilu ppubblikajt f’dan il-ġurnal tribut personali – forsi nistgħu nsejħulu eloġju – lill-Professur Oliver Friggieri li ħalliena x-xahar li għadda. Il-bosta reazzjonijiet illi qanqal dan il-kontribut ikkonċentraw bil-kbir fuq ir-riflessjonijiet tiegħi rigward il-ħidma letterarja tal-Professur. Difatti diversi persuni li qasmu miegħi l-ħsibijiet tagħhom f’dawn l-aħħar ħmistax qaluli, ġieli b’ċerta sogħba, illi bis-saħħa tat-tribut tiegħi skoprew bosta xogħlijiet ta’ Friggieri li ftit li xejn kienu midħla tagħhom. Uħud minnhom lanqas biss kienu jafu bihom. Minn banda dan kien rispons prevedibbli, l-iżjed tqis illi dan kien ġej, għall-inqas fil-biċċa l-kbira, mingħand persuni li b’xi mod jew ieħor huma midħla tax-xena letterarja tagħna. M’hemmx dubju li dan għandu jingħadd b’xi ħaġa pożittiva. Jekk xejn, dan l-eżerċizzju kapaċi jżid l-għarfien u l-apprezzament tax-xogħlijiet letterarji (inkluża l-kritika) tal-awtur.
Mill-banda l-oħra nnotajt, ikolli ngħid b’ċertu dispjaċir, illi bosta minn dawn il-qarrejja bħal insew aspetti oħra tal-karriera prolifika ta’ Friggieri, fosthom ir-rwol ta’ Friggieri bħala kummentatur politiku u intellettwali pubbliku. Filfatt il-kummenti li dehru fuq il-mezzi tal-midja soċjali rigward dan ir-rwol partikulari donnu saru biss b’referenza għal kitbiet letterarji b’temi espliċitament politiċi, ngħidu aħna r-rumanz Fil-Parlament Ma Jikbrux Fjuri u l-poeżiji F’Misraħ il-Parlament u Karen u Raymond. M’iniex qiegħed ngħid illi l-materjal li deher dwar Friggieri f’dawn l-aħħar jiem – kif ukoll ir-rispons li tawni ċerti qarrejja – warrab kważi għalkollox ir-rwol ta’ Friggieri bħala filosofu Malti. Xejn affattu. Iżda jekk tabilħaqq irridu nevalwaw dan l-aspett partikulari ta’ Friggieri – jew inkella ta’ kwalunkwe ħassieb ieħor b’xeħta akkademika – żgur ifid li ssir ċerta distinzjoni bejn il-filosofu (b’mod ġenerali) u l-intellettwali pubbliku (b’mod partikulari).
Waħda mill-qarrejja li kellmitni l-ġimgħa li għaddiet kellha ħafna xi tgħid dwar dan kollu, l-iżjed b’referenza għall-kwistjoni – imsemmija minni fit-tribut tiegħi – li kienet inqalgħet bejn Oliver Friggieri u Alfred Sant kmieni fis-snin tmenin. Qabelxejn f’dar-rigward tajjeb illi nixħet kemxejn dawl fuq din il-kwistjoni antika billi nagħti daqsxejn tagħrif storiku siewi rigward il-kuntest u ċ-ċirkustanzi li taw lok għal dan il-battibekk. F’Novembru tal-1979 Friggieri kien ippubblika artiklu fir-rivista Problemi ta’ Llumrigward x’għandu sewwasew ikun ir-rwol tal-intellettwali pubbliku fis-soċjetà. Dan il-kontribut, bl-isem Kontra l-Aljenazzjoni Politika: Dmir Ewlieni ta’ l-Intellettwali Malti,Friggieri ppreżenta ċertu xempju partikulari ta’ kif għandu jkun u jġib ruħu l-intellettwali Malti fis-soċjetà. Mhix ċara sabarra jekk Friggieri kienx tassew jaħseb illi dan il-mudell Malti mressaq minnu għandu jgħodd ukoll daqsinsew għall-intellettwali kollha, Maltin u mhumiex. Madankollu għall-fini ta’ din l-analiżi (sfortunatmanet) qasira qiegħed nassumi – aktarx hawnhekk m’iniex qed nissogra wisq – illi Friggieri kien jifhimha proprju hekk. Dan l-artiklu ftit li xejn kien niżel tajjeb m’Alfred Sant li dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ deputat ċermen tal-Malta Development Corporation. Sant interpreta l-mudell ta’ Friggieri bħala sejħa għall-passività. Fi kliemu stess, “mit-tifsira li jagħti, wieħed jibqa’ bl-impressjoni li għan ewlieni tal-intellettwali hu dak li jinqata’ għal kollox mir-realtà ta’ ħajjitna kif ngħixuha tabilħaqq, biex ikun jista’ jippontifika fil-vag dwar il-verità fl-astratt”. Sant wera oppożizzjoni soda kontra din l-interpretazzjoni: f’artiklu li kiteb fl-istess rivista ftit jiem wara akkuża lil Friggieri li kien qiegħed “jiffalsifika l-problemi”. Wissa li “l-intellettwali ma jistax jinfatam mill-kundizzjonijiet materjali u soċjali ta’ madwaru” u li niżbaljaw bil-kbir jekk “inqisu lill-intellettwali bħala membru ta’ xi professjoni għaliha”. Xejn ma jiswa li “ningħalqu f’salmi mnikkta għall-ġenna mitlufa”, kompla jgħid. Iżjed minn hekk, “l-intellettwali li jridu jingħalqu f’ċenakli għalihom waħidhom jispiċċaw bħal Friggieri – igħaddu ħinhom jibku dmugħ sterilizzat”. Saħansitra kien akkuża lill-Professur, b’ċerta eleganza sottili iżda punġenti, li kien qed jaqa’ “f’mistiċiżmu rewmatiku”.
Dan in-nuqqas ta’ qbil bejn dawn it-tnejn ma kienx waqafx hemmhekk. Iżjed tard din id-diskussjoni nfetħet għall-pubbliku u ġibdet lejha għadd ta’ politiċi Maltin oħrajn miż-żewġ naħat, fosthom Lino Spiteri, Pawlu Carachi, Ugo Mifsud Bonnici u Louis Galea. Iżda dan imur lil hinn mill-fini tal-kontribut tiegħi għal din il-ġimgħa. Dawk li jinteressahom isiru jafu iżjed jistgħu jaqraw dwar dawn il-ġrajjiet fil-ġabra ta’ artikli L-Impenn għall-Bidla (1986) t’Alfred Sant u fl-awtobijografija ta’ Oliver Friggieri Fjuri li ma Jinxfux (2008). Biss, anke biex issir ftit ġustizzja ma’ Friggieri, kwantu din il-kwistjoni tajjeb li nislet din l-istqarrija mill-awtobijografija tiegħu: “il-pożizzjoni tal-kittieb għandha tkun politika, iżda mhux partiġjana, jiġifieri skond idea li ma tistax tkun ħielsa u emanċipata għal kollox. Insomma, il-letteratura u l-politika mhumiex aħwa, u lanqas ħbieb, u dak kollox. Huma konoxxenti”.
B’xorti ħażina m’għandix spazju biex inkompli nfannad f’din il-kwistjoni billi noffri kritika tal-argumenti ewlenin imressqa minn Sant u Friggieri. Ngħid biss illi l-punti mressqa miż-żewġ naħat ilkoll fihom ħafna x’tomgħod. Alfred Sant ftit tax-xhur wara kien beda jwettaq dawn il-fehmiet permezz tal-impenn tiegħu fl-istrutturi tal-Malta Labour Party, Oliver Friggieri wettaq tiegħu xejn inqas billi baqa’ Oliver Friggieri – akkont, almenu fis-suġġettività tiegħi, tmiem ferm sodisfaċenti, kemm għalihom it-tnejn u kemm għal pajjiżna.
Nistqarr li dan l-artiklu t’Alfred Sant kien laqatni qatigħ meta ġie f’idi l-ewwel darba lejn nofs is-snin disgħin. Niġu f’dan, il-ġabra L-Impenn għall-Bidla fl-assjem tagħha kienet aktarx l-ewwel esponiment tiegħi għal xogħol ta’ intellettwali pubbliku Malti. Ftit wara r-riċerki tiegħi laqqgħuni m’oħrajn, sintendi, iżda l-interess kontinwu tiegħi f’dan il-kunċett pjuttost elużiv – voldieri dak tal-intellettwali pubbliku – kien beda jirranka proprju minn hemm. Il-qarrejja li ddiskutejt magħha dwar dan m’ilux – aktarx għax rigward dan il-punt partikulari, xi ftit jew wisq bħali – inzertat imnebbħa mid-dmugħ sterilizzat ta’ Friggieri – saħqet miegħi li l-ewwel nett jenħtieġ issir distinzjoni ċara bejn il-filosofu u l-intellettwali pubbliku.
Dan il-punt partikulari qajjem bejnietna bosta u bosta mistoqsijiet illi ili mmaħħaħ fuqhom żmien. Ngħidu aħna, jagħmel sens illi npoġġu lill-filosofu u lill-intellettwali pubbliku fl-istess keffa? Nistgħu tassew niġġudikaw lil dawn it-tnejn bl-istess riga? Biex tkun intellettwali pubbliku bilfors trid tkun filosofu? U jekk tkun filosofu – ifisser xi jfisser dan it-titlu – bilfors imbagħad għandu jkun mistenni minnek illi taqdi r-rwol ta’ intellettwali pubbliku? Fi kliem ieħor, il-filosofu għandu responsabbiltà morali li jaqdi l-funzjoni ta’ intellettwali pubbliku? Il-kittieba letterarji bħar-rumanziera u l-poeti huma wkoll intellettwali pubbliċi? Għandhom xi obbligu li jieħdu sehem fil-politika wkoll? Il-letturi fl-università – l-iżjed dawk fid-dixxiplini umanistiċi – huma, tabilħaqq, ipso facto, intellettwali pubbliċi? U xi ngħidu għal-letturi li jaħdmu f’istituzzjonijiet edukattivi privati, u li għaldaqstant, bil-kontra ta’ dawn tal-aħħar, ma jitħallsux minn fondi pubbliċi? Nistgħu nsejħulhom intellettwali pubbliċi?
U tgħid x’lok għad fadal għall-filosofi u għall-intellettwali pubbliċi f’dinja li ormaj kulma jmur qiegħda ssir dejjem iżjed imsawra, anzi maħkuma – x’waħda din! – mill-ispirtu pront tal-aġġeġġi teknoloġiċi, mill-għarfien tekniku tal-esperti, mit-timbri uffiċjali tal-burokrati, miz-znieter ultra-demokratiċi tal-midja soċjali, mix-xinxilli tal-immaġni iżjed milli mis-sustanza tal-kelma, mis-sentiment iżjed milli mill-ħsieb, mix-xandara dilettanti b’mod speċjali l-hekk imsejħa influencers? “I type therefore I am”, niftakru jilmenta miegħi snin ilu Friggieri – il-Karteżjaniżmu aġġornat għas-seklu wieħed u għoxrin. Immela fis-sew, qabelxejn, fis-sew min huma l-intellettwali pubbliċi ta’ żmienna? Ladarba llum kulħadd jista’ jgħid li jrid xħin irid u kif irid, allura issa mhux kulħadd sar, de facto, intellettwali pubbliku? Biżżejjed ikolli eluf jew miljuni ta’ segwaċi fuq Facebook, Instagram jew Twitter biex tingħadd b’intellettwali pubbliku? Minn hawn qabel ninsa ser naħtaf l-okkażjoni biex insellem lix-xarabankiera. U kos, nistgħu ngħoddu lil ċerta Natalia Garibotto jew, għal ġieħna, lil xi Ilona Staller mal-intellettwali pubbliċi? Ma ninsewx li saħansitra kellha diska jisimha Political Woman. Tinstema’ tad-daħk, iżda forsi mhix. Għandu mnejn ħasra jekk mhix għax kultant... aħjar nidħku ftit...
Lura għas-serjetà, ħaġa ċara li ħafna minn dawn id-dilemmi qajla setgħu jqumu fil-kwistjoni li nqalgħet daqs erbgħin sena ilu bejn Sant u Friggieri. Id-dinja ta’ dik il-ħabta, tajjeb jew ħażin, kienet snin-dawl ’il bogħod minn dik tagħna, mhux l-inqas fil-modi kif isiru l-iskambji tal-ideat fl-arena pubbliċi, anke fil-politika. Madankollu l-kwistjonijiet li kienu qamu bejn dawn it-tnejn għadhom relevanti ħafna għal żmienna, tant li dawk tal-lum mhumiex għajr, almenu sa ċertu punt, konsegwenza loġika tagħhom u ta’ diversi fenomeni kontemporanji oħrajn, bħal pirkażu l-miġja tal-pjattaformi tal-midja soċjali u l-kollass tas-sistemi edukattivi.
Għaldaqstant ma jistax jonqos illi l-mistiċiżmu rewmatiku u d-dmugħ sterilizzat tal-intellettwali għadu magħna u żgur mhux ser iħallina. Mhix ċajta tkun ħassieb tal-ġemgħa bħalissa. Tad-daħk żgur mhix, għax l-istatus u r-rwoli tal-intellettwali pubbliċi baqgħu – anzi issa saru iżjed minn qatt qabel – problemi tal-lum.