Letteratura | L-intellettwali pubbliċi u l-ambjent ikkonkritizzat - Problemi tal-lum (2)

Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jtemm is-sensiela ta’ riflessjonijiet tiegħu dwar Oliver Friggieri u l-ħidma tiegħu bħala intellettwali pubbliku. Qabelxejn Saliba jiddiskuti l-ilment tal-kittieba u attivista lokali Lara Calleja għall-każ reċenti tat-talba tar-riżenja tal-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Jemmen illi l-ilmenti tagħha rigward is-skiet ta’ ċerti kittieba dwar ħwejjeġ fundamentali jorbot tajjeb ħafna mal-kwistjoni Friggieri-Sant li ddiskuta nhar il-Ħadd li għadda. Biex jistħarreġ dan ipoġġi fl-isfond il-kitbiet u t-taħditiet relevanti ta’ Jean-Paul Sartre u Edward Said, filwaqt li joffri l-kritiki tiegħu dwar it-teoriji preskrittivi ta’ dawn iż-żewġ intellettwali pubbliċi. Saliba ma jaqbilx illi l-filosofija u l-letteratura għandhom bilfors ikunu espliċitament preskrittvi jew politikament didattiċi. Ma jemminx lanqas illi dawn għandhom bilfors iservu l-interessi ta’ xi ideoloġija partikulari. Mhux tal-fehma lanqas illi l-intellettwali għandhom xi dmir kardinali li jipprovdu s-soluzzjonijiet. Anzi, jagħlaq billi jirrimarka, bħal Slavoj Žižek, illi fil-konfużjonijiet tal-problemi tal-lum jenħtieġ nerġgħu nibdew naħsbu mill-ġdid..

Edward Said
Edward Said

Għandu mnejn il-każ reċenti ta’ Mark Camilleri, għall-inqas għall-finijiet tal-kontribut tiegħi għall-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa, ma setax ħabat fi żmien aħjar. Naturalment, qiegħed nirreferi għat-talba tar-riżenja immedjata tiegħu minn Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb mitluba mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Frank Fabri wara skambju daqsxejn jaħraq ma’ waħda mill-avukati ta’ Yorgen Fenech. Iżjed milli minħabba l-episodju tal-inċident perse l-każ ġibed l-attenzjoni tiegħi kaġun ta’ ċerti reazzjonijiet illi fis qajjem mill-pubbliku – b’mod partikulari, iżda mhux biss – fost għadd t’attivisti tas-soċjetà ċivili li huma segwaċi jew midħla tax-xena letterarja tagħna.

Mid-dehra ma kontx l-uniku osservatur tal-każ illi sab ħwejjeġ notevoli x’jinnota fir-rispons tal-kummentaturi. Difatti nhar il-Ħamis li għadda Immanuel Mifsud ippubblikata bloggata (kif konna nsejħula fl-iżmna tal-ġenesi tal-bloggosfera Maltija) fil-blogg personali tiegħu rigward ir-reazzjoni partikulari tal-Avukata Anna Mallia. Ngħid għalija laqtuni l-iżjed, mill-ftit reazzjonijiet illi qrajt, il-kummenti tal-attivista xellugija u awtriċi ta’ ġabra ta’ stejjer politiċi Kissirtu Kullimkien Lara Calleja, b’mod speċifiku l-ilment tagħha dwar kittieba illi kwantu l-problemi tal-lum kieku qatt tisma’ ħosshom. Mhux għax bħalissa m’għandix kotba, suġġetti oħrajn jew awturi dwar xiex nikteb, anzi f’dan l-aħħar ġimgħat – anke wkoll minħabba l-mewt tal-Professur Oliver Friggieri – il-lista ta’ dawn inġemgħet qatigħ. Fost dawn hemm ukoll, sintendi, il-letteratura impenjata ta’ Calleja. Madankollu l-ilmenti tal-awtriċi inzertaw jorbtu tajjeb ħafna mal-aħħar kontribut tiegħi li filfatt bih – sewwasew illum – kelli nkompli, anzi għalissa ntemm, ir-riflessjonijiet tiegħi dwar ir-rwol illi qeda Friggieri fil-kapaċità tiegħu ta’ intellettwali pubbliku. 

B’referenza għat-tema ewlenija tal-kontribut tal-Ħadd li għadda – voldieri l-kwistjoni li kienet inqalgħet mal-erbgħin sena ilu bejn Oliver Friggieri u Alfred Sant kwantu x-xempji ideali possibbli tal-kittieba u tal-intellettwali – għandi nifhem li Lara Calleja tinsab xi ftit jew wisq fi qbil ġenerali ma’ Sant. Dan għax fil-kummenti tagħha dwar it-talba għar-riżenja ta’ Mark Camilleri staqsiet – xi ftit bħalma kien għamel Sant tul il-battibekk antik imsemmi – jekk tassew hix ħaġa f’lokha li ċerti kittieba ma jirrimarkaw qatt xejn rigward ħwejjeġ b’importanzi fundamentali għas-soċjetà. Varjant pjuttost aristofanu ta’ dil-mistoqsija ta’ Calleja huwa l-ilment komuni – u dan ma jsirx biss fiċ-ċrieki tax-xellug – li ħafna mill-kittieba li jieħdu sehem fid-diskors pubbliku iżjed bħal donnu moħħhom fil-kitba li jiktbu milli fit-twettiq konkret tagħha fil-pjazez u fit-toroq. Fil-każ ta’ Sant il-bużillis ta’ ċerti intellettwali kien id-dmugħ sterilizzat; f’dak ta’ Calleja għandi nifhem li spiss ikun, pirkażu, l-ambjent ikkonkritizzat. Kissirtu kullimkien, qaltilhom. Ekku l-problemi tal-lum...

Ħabat ukoll li mhux l-ewwel darba li tqajmet din il-kwistjoni matul din is-sensiela ta’ kontributi letterarji. Kmieni din is-sena minn banda din kienet wieħed mis-suġġetti ewlenin tar-reċensjoni tal-ġabra ta’ Stejjer L-Aqwa Żmien t’Immanuel Mifsud. Wayne Flask qajjimha dan is-sajf f’intervista rigward ir-rumanz politiku tiegħu Kapitali. Niġu f’dan kienet implikata f’intervista m’Alex Vella Gera dwar ir-rumanz tiegħu, politiku xejn inqas, Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi. Qajjimtha jiena wkoll matul intervista mal-poeta Omar Seguna kwantu l-ġabra tiegħu Xehir Fis-Skiet. F’din tal-aħħar iżjed milli fl-oħrajn, żammejt f’moħħi bħala punt ta’ referenza ewlieni – bħal kważi dejjem f’dar-rigward – is-serje ta’ saġġi ta’ Jean-Paul Sartre Qu’est-ce que la littérature? (X’Inhi l-Letteratura?, 1947). Xi kemxejn bħal Sant u aktarx ħafna bħal Calleja, f’dawn il-kitbiet filoletterarji fost ideat oħra Sartre jiċħad in-nozzjoni tan-newtralità politika tal-kittieba u tal-ħassieba. Iż-żamma ta’ dan l-isfond ġejja l-iżjed mill-fatt illi dawn it-testi jittrattaw dal-kwistjonijiet b’għadd ta’ mistoqsijiet kardinali: X’inhi l-kitba? Għaliex niktbu? Għal min niktbu? Fid-dawl tat-tweġibiet – li ngħid għalija wħud minnhom sikwit insibhom problematiċi – li jagħti jkompli mbagħad billi janalizza l-qagħda li skontu kienu jinsabu fiha l-kittieba fiċ-ċirkustanzi politiċi tal-1947. Għaldaqstant l-għażla kważi awtomatika ta’ din l-isfond iżjed ġejja mill-interess tiegħi fix-xogħlijiet ta’ Sartre b’mod ġenerali – kif ukoll mill-pertinenza ta’ Qu’est-ce que la littérature?  f’dan ir-rigward b’mod partikulari – milli minn xi qbil wiesa’ mal-viżjoni letterarja li jippreżenta f’dawn l-iskritti. Niskanta kultant kemm isib xi ngorr fl-istess persuni li tant nammira. Din l-aħħar sentenza, weħidha, kapaċi jixirqilha paġna għaliha, xi mkien ieħor...

Fost ħwejjeġ oħra fil-ġabra Qu’est-ce que la littérature? Sartre isostni li l-kittieba jiktbu, jew għandhom jiktbu, għall-qarrej universali u li “l-esiġenza tal-kittieba hija li jindirizzaw lil bnedmin kollha”. Imbagħad, iżjed minn hekk – sintendi it-tip t’eżistenzjaliżmu mfassal minnu, loġikament jekk xejn, hekk bilfors kien jesiġi – l-għanijiet tassew aħħarija tal-letteratura, kif ukoll tal-filosofija, huma qabelxejn it-tiswir u l-ħarsien tal-libertà tal-bnedmin. Forsi b’rabta eqreb u mal-kwistjoni Sant-Friggieri msemmija l-ġimgħa l-oħra, l-intellettwali Palestinjan-Amerikan Edward Said kien ressaq veduti simili, b’tonijiet politiċi iżjed sodi, matul it-Taħdita Reith tiegħu Rappreżentazzjonijiet tal-Intellettwali li kien xandar fuq il-BCC kmieni fis-snin disgħin. L-intellettwali skont Said għandu jkollu l-għan li jkattar il-libertà u l-għarfien. Għalhekk irid jintasab barra s-soċjetà u l-istituzzjonijiet tagħha ħalli jkun jista’ jiddistabilizza l-ordni soċjali u d-dommi politiċi tal-ortodossija tal-mument. Madankollu, xorta waħda, mill-banda l-oħra huwa parti mis-soċjetà u għalhekk jenħtieġ, irid jew ma jridx, jgħaddi l-messaġġi tiegħu lill-ikbar għadd ta’ nies possibbli. Mela allura jinsab barra s-soċjetà iżda daqsinsew xorta ġewwa fiha. F’dar-rigward Said forsi mar tikka lil hinn minn kif kien jaħsibha Sartre fis-snin erbgħin u ħamsin, jekk xejn għax introduċa, jew almenu kkjarifika bis-sħiħ, l-idea taż-żamma tal-bilanċ bejn id-dimensjonijiet privati u pubbliċi tal-intellettwali. Naf biċ-ċert illi talin bħal dawn għandhom ħabta, jekk mhux ukoll is-saħta, jgħixu f’tensjoni kważi kontinwa bejn id-dinja tagħhom u dik ta’ Ċesri. Said konxju minn dan. Abbli konxju wkoll li minn daqqiet jaf ikun hemm lok ukoll – lil hinn mill-kunflitti inevitabbli ta’ interess – għal inkroċju bejn dawn iż-żewġ dinjiet. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, bħal Sartre qablu, kien tal-kredu li l-għanijiet tal-individwu jenħtieġ ikunu relevanti għas-soċjetà u għandhom ukoll – iktar iva milli le – jipprevalu fuq l-interessi tal-individwu. Hu x’inhu, nafu li lejn tmiem ħajtu Sartre kien għaraf is-siwi tal-konvinzjonijiet ta’ Said, tant illi fl-1979 kien stiednu jieħu sehem f’konferenza dwar il-Lvant Nofsani wara l-waqfien mill-ġlied bejn l-Eġittu u l-Iżrael. Iltaqgħu fl-appartament ta’ Michel Foucault. Said tkellem dwar dawn il-laqgħat u l-konferenza b’sogħba u b’diżappunt. Said donnu ftit li xejn setgħa jaċċetta n-nuqqas ta’ luċidità u ħeġġa min-naħa ta’ Sartre għall-kawża Palestinjana – forsi ħaqq xejn sensittiv meta nqisu l-istat fiżiku u mentali ormaj kien safa’ fih. Sartre, kważi trux, għami, magħdur u maribond, ma tantx kien f’qagħda tajba wisq biex ikompli jiddiskuti man-nies, iżjed u iżjed dwar kwistjoni politika daqstant delikata u kumplessa. Dejqitu wkoll Simone de Beavoir. Faħħar lil Foucault bħala ħassieb iżda fl-istess mentri, ma setax jonqos, ikkundanna s-skiet tiegħu viżavì l-Lvant Nofsani għajr fir-rigward tar-Rivoluzzjoni Iranjana. Il-fatt illi Foucault kien diġà xellifha ma’ Gilles Deleuze kaġun tal-kunflitt Iżrael-Palestina ftit li xejn ikkonvinċa lil Said.

Meta nqis il-fehmiet skambjati tul il-kwistjoni Sant-Friggieri li ttrattajt il-ġimgħa għaddiet insibha bi tqila nbassar biċ-ċert x’kienu jaħsbu dawn it-tnejn kwantu dawn il-prinċipji didattiċi għall-aħħar imqaddma minn Sartre u Said. Ma nafx ngħid biċ-ċert lanqas lil fejn, jew sal-liem punt, ixxaqleb Calleja. Rigward kwistjonijiet simili oħrajn, ngħidu aħna t-tilwima Sartre-Camus – illi m’ilux iddiskutejthom f’din il-paġna mat-traduttur Anthony Aquilina – nista’ faċilment nistħajjel lil Friggieri u ’l Sant jappoġġjaw lil dan tal-aħħar. Iżda x’dwar x’ħasbu jew setgħu forsi ħasbu dawn it-tnejn dwar ir-radikalimżmu preskrittiv ta’ Sartre jew Said ma nissograx inpoġġi rasi taħt mannara. Lil hinn mid-diverġenzi li minn daqqiet bejnu l-qagħdiet ta’ dat-tnejn nidentifika, anke f’dar-rigward speċifiku, terren komuni wiesa’ qatigħ bejn daż-żewġ intellettwali Maltin. Ibda biex it-tnejn jemmnu li l-letteratura – fil-każ ta’ Friggieri, bil-kontra ta’ Sartre, din tista’ tħaddan ukoll il-poeżija – tista’ tkun strument politiku b’aġenda ċivika u b’impenn prattiku favur it-titjib tal-kundizzjoni umana. It-tnejn bil-mod tagħhom ħasbu ħafna fl-astratt: Friggieri sikwit qartas qaddisu fl-eżistenzjaliżmu Kattoliku; Sant offrielna l-interpretazzjoni tiegħu tal-politiki xellugin fil-ġabra ta’ kitbiet Is-Soċjaliżmu fi Żmienna. It-tnejn jistgħu jissejħu figuri nazzjonali, saħansitra kelliema kolti u assertivi favur ir-rikonċiljazzjoni tan-nazzjon. Mill-banda l-oħra, imbagħad, matul il-karriera letterarja prolifika tagħhom it-tnejn ma qagħdux lura lanqas milli jinsġu bosta narrattivi b’raison d’être differenti. Ħaġa ċara li anke Sartre – minkejja l-preskrizzjonijiet normattivi li tant irrakmandalna tard fl-għerbinijiet – fl-aħħar mill-aħħar filfatt kien ukoll ħassieb u kittieb tal-meżżuvija – xi ftit jew wisq bħal Sant u Friggieri. Allaħares ma kienx hekk. 

Forsi iebsa tieħu pożizzjonijiet iżjed didattiċi u pedagoġiċi minn dawk ta’ Sartre u Said. Hu x’inhu, qabelxejn hawnhekk terġa’ tfeġġ il-mistoqsija tedjanti dwar jekk il-ħolqien tal-letteratura kif ukoll il-ġenerazzjoni tal-ideat jimplikawx, ipso facto, mhux biss l-obbligu tal-kummentarji soċjali iżda wkoll addirittura d-dmir tal-attiviżmu politiku. Tixref ukoll dik dwar jekk il-kitba, tkun xi tkun, għandhiex bilfors isservi l-interessi speċifiċi ta’ xi ideoloġija partikulari. Dawk illi jwieġbu iva, fosthom l-apoloġisti ta’ Sartre wara kollox, jenħtieġ jiċċaraw jekk tassew jemmnux  illi xi ħadd jista’ “jindirizza lil bnedmin kollha” fuq livell politiku b’teżijiet onto-fenomenoloġiċi ultra-kumplessi bħal L-Essri u x-Xejn (L’Être et le Néant, 1943) u Kritika tar-Raġuni Dijalettika (Critique de la raison dialectique, 1960), jixħtu kemm jixħtu dawl fejjiedi fuq it-tifsiriet possibbli tal-eżistenza tagħna nfisha. F’dar-rigward tajjeb inżommu f’moħħna li l-karriera ta’ Sartre, anzi ta’ bosta kittieb u filosofi, spiss għandha ħabta tkun mżegħda b’ħafna kontradizzjonijiet, ġieli wkoll saħansitra bejn il-ħsibijiet li jniżżlu fuq il-karta u l-modi li bihom iwettqu fis-seħħ il-libertà tagħhom. Dan kien stqarru huwa stess meta vvaluta xogħlijiet ta’ ħassieba oħrajn, fosthom Jean-Jacques Rousseau, Karl Marx u Martin Heidegger. Persważ li dan jista’ jingħad ukoll dwar Sartre innifsu.

Jean-Paul Sartre
Jean-Paul Sartre

Bħalma forsi kieku kien jagħmel Said, il-mibki filosofu Ingliż Bryan Magee kien staqsa lill-filosofu Post-Marksist Herbert Marcuse – f’waħda mid-diskussjonijiet tas-sensiela televiżiva tiegħu Men of Ideas – kif l-udjenzi tiegħu, jiġifieri l-mases tal-klassi tal-ħaddiema, jistgħu qatt jipproċessaw b’modi effettivi fil-livelli politiċi u soċjali t-teżijiet kripattivi miktuba proprju għalihom mill-ħassieba tal-Iskola ta’ Frankfurt.  Għandu mnejn it-tweġiba pronta li tah Marcuse qajla tista’ tikkonvinċi lil min – aktarx xi ftit bħal Lara Calleja – jemmnu ħafna f’teoriji preskrittivi bħal dawk ta’ Sartre u Said. Faċli mbagħad hawnhekk għalija nimmaġina ’l Alfred Sant jissimpatizza kemxejn ma’ Marcuse; fl-istess waqt daqsinsew insibha bi tqila naħseb illi Oliver Friggieri fi żmienna ma kienx isib assolutament xejn tajjeb xi jgħid kwantu l-qagħda tal-bniedem unidimensjonali fis-seklu wieħed u għoxrin skont il-ħassieb Ġermaniż-Amerikan. 

Jidhirli li l-ideat imressqa minn Sartre u Said ġejjin minn fehim dejjaq ħafna tal-funzjonijiet tad-dixxiplini umanistiċi, fosthom il-letteratura u l-filosofija. Ibda biex ħaġa ċara li x-xjenza politika f’sens wiesa’ hija biss fergħa waħda tal-filosofija. Mhix daqstant ċara mbagħad jekk hix l-iżjed waħda fundamentali u importanti fost kollha. F’għajnejn xi ħadd bħali fergħat oħra – ngħid aħna l-fenomenloġija, l-ontoloġija, it-teoloġija – minn daqqiet jidhru oqsma ferm aktar sejjiesa. Hu x’inhu, nistgħu ngħidu wkoll illi l-filosofija ma setgħet qatt titwieled u tisseddaq mingħajr ħassieba b’tendenzi Sokratiċi: diskursivi, esklużivi, spekulattivi. Għal riħ bla xita li nittantaw nipprovdu tweġibiet kemm-il darba, qabelxejn, nonqsu milli niċċaraw kemm jista’ jkun it-tifsiriet tal-mistoqsijiet infushom. 

Huwa proprju dak ir-rwol ewwieli tal-ħassieba, saħansitra ta’ dawk b’tendenzi utopiċi. Minnu li kemm Platun u kemm Artistotile kitbu testi fundamentali rigward il-filosofija politika, iżda minnu daqstant ieħor li dawn qabelxejn kienu testi filosofiċi iżjed milli ħaġa oħra. Terġa’, ir-repubblika ta’ Platun tfasslet apposta sabiex timmassimizza l-possibiltajiet edukattivi tat-trawwim tal-filosofi mentri l-kitbiet politiċi t’Aristotile donnhom iżjed jisħqu appuntu fuq il-primat tat-taħriġ fil-virtù milli fuq xi soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi t’Ateni ta’ żmienu. Għax tgħid, id-diżavventuri li ġarrab Platun fil-qrati ta’ Sirakuża ftit li xejn jawguraw tajjeb għal dawk li jaspiraw li jsarrfu t-tfassil tat-teorija – inkluża dik politika – fit-twettiq tal-azzjoni ċivika.

Din l-esiġenza li nħarsu ’l ġewwa iżjed milli ’l barra, miġjuba lilna hawnhekk fil-Punent mill-Griegi tal-Qedem, damet ħafna ma tilfet il-ħakma fuq l-impenji intellettwali tal-filosofi tal-Punent. Il-kunċett tal-intellettwali pubbliku, ossija l-intellectuel engagé, jgħodd ferm inqas snin milli bosta jaħsbu. Bosta storiċi tal-filosofija wrewna li kien biss mill-iżmna moderni ’l quddiem illi bdew joktru bis-sod, iżjed minn qatt qabel, filosofi u kittieba espliċitament politiċi la Thomas Hobbes, John Locke u Jean-Jacques Rousseau. Imbagħad, bħal donnu mħebbrin bil-lest mill-parir tal-Hegeljan żagħżugħ xellugi Ludwig Feuerbach – voldieri li għad li l-filosofi interpretaw id-dinja (allura anke l-problemi ta-lum) b’bosta modi l-punt jibqa’ li nibdluha – komplew jinbtu bosta movimenti oħrajn li b’ambizzjonijiet soċjopolitiċi. Il-Marksiżmu. It-teorija kritika. L-eżistenzjaliżmu. L-istrutturaliżmu mbagħad l-poststrutturaliżmu. Il-feminiżmu. L-ekoloġiżmu, il-bqija. Forsi xi ftit tard, waslu wkoll il-postmodernisti. Dik għadha problema, sal-lum. Hemm ukoll ix-xaqliba tal-lemin...

L-iskulari ta’ Sartre, Hegel jew Heidegger – huma wkoll ħassieba politiċi iżda fi gradi u b’modi differenti – għadhom jisħqu sal-lum, kważi bir-raġun kollu, li t-tħaddim ta’ diskors intelliġibbli jkun bħal suwiċidju għall-filosofija, id-daqqa tal-mewt. Arthur Schopenhauer qabel dawn kollha sa diġà kien wasal jgħid li ftit li xejn kellu interess fil-ħwejjeġ ta’ did-dinja, fil-problemi tal-lum: ried jistħarreġ dilemmi dejjiema. Erħilha li mbagħad Karl Popper qalilna illi f’dinja tant u tant imqallba bħal tagħna trid tkun altru megalomanijaku biex toqgħod tfettaq fuq tentufiet astratti bħal jekk fis-sew id-dinja tidhirx lilna kif is-soltu narawha jew saħansitra jekk teżistix tabilħaqq. Said żgur kien jaqbel ma’ dan il-ġudizzju. Aktarx Calleja wkoll.

Hemmhekk fejn ma naqblux. Safrattant, l-aħjar parir komuni illi nista’ noffri f’dar-rigward lil Friggieri u iżjed u iżjed lil Sant – u forsi wkoll lil kittieba bħal Calleja li spiss jixħtu moħħhom fuq l-ambjent ikkonkritizzat – huwa l-kunsill pervers illi jagħti Slavoj Žižek b’dika d-daħka n-nofs daħka tipika. Jum minnhom dan il-filosofu Marksist Sloven fettillu, anzi azzarda, jaqleb it-teżi ta’ Feuerbach ta’ taħt fuq: il-filosofi interpretaw id-dinja b’bosta modi, iżda – kemm-il darba rridu mqar nifhmu l-problemi tal-lum –  jenħtieġ nerġgħu, illum qabel għada, nibdew naħsbu... mill-ġdid...

Kien dakinhar li rebaħni...

 

More in Arti