Letteratura | Mitt ruħ, mitt storja; Nies li jistgħu jkunu vera

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb din il-ġimgħa Kevin Saliba jiftaħ djalogu ma’ Ġorġ Mallia dwar il-ġabra ta’ mikrostejjer tiegħu Mitt Ruħ (Nies li jistgħu jkunu vera). Id-diskussjoni tiftaħ b’valutazzjoni tal-merti u l-perikli possibbli ta’ dan il-ġeneru. Id-diskors imbagħad jiffoka l-iżjed fuq it-teknika letterarja tad-dénouement, il-fini tal-ħolqien tat-traġedja miktuba skont Friedrich Nietzsche u Alda Merini u fuq ċertu studju ferm interessanti li sar m’ilux mill-gazzetta The Guardian flimkien mal-Festival Internazzjonali tal-Ktieb t’Edinburgu u għadd ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Durham.

Il-Professur Ġorġ Mallia
Il-Professur Ġorġ Mallia

KS: Ftit tax-xhur ilu f’din il-gazzetta ktibt reċensjoni rigward il-ġabra ta’ mikrostejjer Fuq Widnejn Toroxtal-kittieba Rita Saliba. Sintendi ma setax jonqos li kelli nsemmi lilek ġaladarba kont proprju int – għall-inqas safejn naf jien – illi introduċejt dan il-ġeneru ta’ proża fil-letteratura tagħna, b’mod partikulari bl-inizjattiva Għidli Mitejn. Fid-daħla għall-aħħar ktieb tiegħek Mitt Ruħ (Nies li jistgħu jkunu vera) – mitt storja li ma jaqbżux it-tul ta’ paġna waħda – irrimarkajt illi l-promozzjoni tiegħek ta’ din ix-xorta ta’ flash-fiction hija wkoll bħal risposta kontra l-fatt illi ħafna nies donnu jipprendu t-tul ta’ ktieb sħiħ. Nistgħu ngħidu li dan it-tentattiv tiegħek kien suċċess. Mill-banda l-oħra, issib min jgħidlek illi strateġija bħal din kapaċi wkoll tirrinforza din l-istess biża’, ġaladarba tista’ tiskuraġġixxi l-qari tal-kotba sħaħ: il-qarreja jistgħu faċilment jidraw dan il-format konċiż b’tali mod illi, imbagħad, żgur qatt ma jitħajru japprezzaw il-kitba fit-tul. Mill-banda l-oħra mbagħad f’dar-rigward jistgħu jsiru wkoll xi kontro-argumenti: dejjem aħjar illi n-nies jaqraw il-mikrostejjer milli ebda storja. Barra minn hekk, għandu mnejn dan il-ġeneru maż-żmien jixrpuna wkoll f’xi qarrejja x-xewqa ta’ qari ta’ proża itwal. Kif tivvaluta daż-żewġ perspettivi? 

ĠM: Il-punti t-tnejn validi. Ma neħodhiex bi kbira li wħud jiġu affettwati minn wieħed jew inkella mill-ieħor. Nammetti li Għidli Mitejn kont bdejtha sforz riċerka nazzjonali dwar il-qari f’pajjiżna li kien ikkummissjona l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u li, fost ħwejjeġ oħra, ħareġ minnha li dawk li ma jaqrawx jibżgħu mit-tul fil-kitba. Voldieri l-ixprun tal-kitba tiegħi u forsi r-rwol mexxej tiegħi fil-qasam tal-mikrostorja f’pajjiżna kien prammatiku. Ma kienx jimporta wisq kieku dawk li qatt ma jaqraw almenu jaqraw biss mikrostejjer: kien ikun aktar minn xejn. Imma iva, f’dawk aktar inklinati lejn il-qari jistgħu jqanqlu kemm l-għażż, fuq naħa, kif ukoll il-ħerqa għal xi ħaġa aktar, fuq l-oħra. Ma naf b’ebda riċerka empirika li saret fuq dan, għalkemm interessanti, forsi, li xi darba ssir. Imma l-mikrostorja hi aktar min biċċa kitba prammatikament maħsuba biex tnissel ix-xenqa għall-qari. Hija wkoll forma letterarja li, meta tesploraha, issib li l-makkinarju tagħha jinsilef għall-instantanjetà tal-ħolqien ta’ xenarji u karattri abbrevjati li, sadanittant, jintimaw ħafna u ħafna aktar. U hija f’din l-intimazzjoni li forsi tqanqal il-kurżità f’min ibill griżmejh biha. Għax hemm ħafna mill-para-rhyme ta’ xi Owen fiha din... dak l-istrument li jidher u jinħass komplut, imma li jibqa’ jwebblek illi hemm xi ħaġa nieqsa. Fil-każ ta’ Owen, dan in-nuqqas jinħass fil-widna. Fil-każ tal-mikrostorja tinħass l-inkonklussività tal-istorja, li iżda hija paradossalment konkluża. Fix-xewqa li tistaqsi, “U mbagħad?”

 

KS: Lejn tmiem id-daħla għal dan il-ktieb tirreferi għat-teknika letterarja tad-dénouement. Qiegħed nagħżel illi niffoka qatigħ fuq id-daħla għax jidhirli li Mitt Ruħ huwa wieħed minn dawk il-ftit kotba lokali b’introduzzjoni tassew sinifikanti. Ftit xhur ilu kont għamilt dan b’referenza għad-daħla tal-ġabra ta’ stejjer qosra Inkontri ta’ Kuljum ta’ John Portelli. Hemm kotba oħra b’daħliet illi għal xi raġuni ngħoddhom b’notevoli. Dal-ħin qiegħed tiġi f’moħħi, ngħidu aħna, id-daħla tal-ġabra Il-Ktieb tas-Sibt Filgħaxijat’Immanuel Mifsud. Lura għad-dénouement, voldieri r-riżoluzzjoni aħħarija ta’ narrattiva li tiżvolġi sewsew wara l-climax (jew l-anti-climax): fid-daħla tiegħek irrimarkajt – b’ispirazzjoni mill-arti tal-komikstrip – illi bosta drabi tinqeda b’din it-teknika biex “tiddetermina l-kompletezza tal-karattru” jonkella biex “tagħlaq l-istorja biex tindika l-karattru x’inhu”. F’dan il-proċess kreattiv tiegħek is-soltu x’jiġi l-ewwel? L-introduzzjoni? Il-bqija tal-istorja? L-għeluq? Qiegħed nistaqsik dan qabelxejn b’kurżità għax fil-każ tiegħi spiss – irrid jew ma rridx – nispiċċa nibda kollox mill-kuda, voldieri mit-tmiem. Għadni niftakar ċar qisu lbieraħ – fit-tielet klassi tal-primarja, waqt xi speċi ta’ lezzjoni tal-kitba kreattiva – nibda nikteb storja mit-tmiem fl-aħħar erba’ linja tal-paġna; il-bqija ma stajtx inġibu f’moħħi. Niftakar l-għalliema tgħajjat fil-klassi: “Imma kif dejjem bilfors kollox bil-kontra trid tagħmel int!?” U int Ġorġ?

 

ĠM: Fil-każ ta’ Mitt Ruħ il-proċess kien xi ftit differenti milli soltu nħaddem fil-kitba tieġħi, partikularment dik għat-tfal, fejn nippjana l-idea kważi kollha, imma mbagħad nibnieha minn ġewwa jiena u għaddej bil-kitba. L-għan ewlieni ta’ din il-ġabra kien illi nintroduċi mitt karattru lill-qarrejja tiegħi. Imma kull wieħed minn dawk il-karattri hu distintiv minħabba l-ġrajja tiegħu. Hi appuntu dik il-ġrajja li jien nirrakkonta biex noħroġ kemm niflaħ elementi fil-karattri. Hemm għadd ta’ kritiċi li jqisu li l-mikrostorja mhix tajba biex tiżvolġi karattru fil-fond, għax qasira wisq. F’dal-ktieb ridt nuri li dan mhux minnu. Fil-biċċa l-kbira, kull waħda minn dawn l-istejjer ġewni f’moħħi fi sħaba ta’ ħsibijiet – normalment iduru madwar it-tema li xtaqt niżvolġi. Ngħidu aħna, l-akoħoliżmu, l-istupru, ir-razziżmu. Imbagħad minn hemm jinbet kważi komplut f’moħħi l-profil tal-mara alkoħolika, tal-mentalità tal-istupratur u tar-reazzjoni formattiva tal-vittma tiegħu, il-karattru tal-mara razzista li lesta ssarraf il-mibegħda ksenofobika tagħha anke fi qtil. U huwa proprju f’dan il-ħin li nibda nikteb. Ħafna drabi ikolli biss ħjiel tal-format li se tieħu l-istorja nfisha, tal-istil, u anke tat-tmiem innifsu, għalkemm ikolli idea ta’ fejn irrid immur bil-karattru... appuntu fid-dénouement li jikkonsolidah. Kull storja nkitbet f’sitting wieħed, f’mhux aktar minn bejn kwarta u nofs siegħa, għax il-ħin jittieħed fil-ħsieb tal-bidu. Dak kien il-proċess tiegħi tal-kitba f’Mitt Ruħ. Voldieri, la mill-bidu u lanqas mit-tmiem... imma minn foga ta’ ideat jagħqdu madwar it-tnissil ta’ tema f’karattru.

KS: Matul l-aħħar skambju qasir li kellna għedtli li Mitt Ruħ huwa l-iktar ktieb tiegħek li tgħożż. Tarraftli wkoll illi fil-biċċa l-kbira ktibtu waqt splużjoni kreattiva – ħassejtek bħal “funtana”. Anke fid-daħla bħal tagħti dan il-ħjiel. Għandi nifhem, għaldaqstant, li dan il-proġett letterarju kompla sewsew fejn ħalliet l-aħħar ġabra bilingwi ta’ poeżiji tiegħek My Love Had Eyes of Blue and Dreams. Kif żgur tiftakar konna tkellimna dwarha fit-tul fl-intervistaBħall-għama li jħobb l-iswed. Qiegħed ngħid dan l-iżjed għax fid-daħla tistqarr illi dawn l-istejjer inkitbu “fi żmien ta’ dwejjaq kbar [...] minħabba fi ġrajjiet li seħħew fil-ħajja privata tiegħi. [...] Il-kitba hija balzmu għalija. [...] Twarrabli l-għamad ta’ dlam li spiss jinżel bħal star ikrah fuq ħsusi”. U għax tgħid hemm bosta narrattivi suwed f’din il-ġabra. Il-kittieba Taljana Alda Merini darba osservat illi l-“isbaħ teatru li nistgħu naraw huwa proprju d-destin tagħna”. B’rabta ma’ dan iżda b’mod iżjed espliċitu – fix-xogħol bikri tiegħu Die Geburt der Tragödie (It-Twelid tat-Traġedja, 1872) – Friedrich Nietzsche kien spekula, pjuttost kontra t-teoriji drammatiċi dominanti ta’ żmien l-Illuminiżmu, illi l-Griegi tal-Qedem ħolqu t-traġedja sabiex minkejja kollox jaffermaw l-eżistenza tagħhom ħalli b’hekk, imbagħad, iseħħilhom jittraxxendu n-niħiliżmu u l-pessimiżmu. Din l-interpretazzjoni ta’ Nietzsche donnu għandha xi ftit mill-impulsi kreattivi li jsejsu l-proċessi kreattivi tiegħek. Fl-intervista li konna għamilna s-sena li għaddiet kont irrimarkajtlek illi jaf ikun hemm ukoll ċerti perikli f’dan, fosthom, pirkażu, li dawk li jittantaw iwettqu katarsi bħal din jispiċċaw, minflok, jirrinfurzaw id-dimonji tagħhom iżjed milli jiskonġrahom. F’dar-rigward, inbidel xi ħaġa fik minn dak iż-żmien ’il hawn?

ĠM: Iva, kif ammettejt fid-daħla, din il-ġabra, flimkien mal-wirja ta’ pitturi Rhapsody in Pain u l-ktieb ta’ versi My Love Had Eyes of Blue and Dreams u anke proġetti oħra li għad irrid nippubblika, kienet frott id-dlam ġo fija mqanqal mit-telfa ħesrem ta’ dik il-persuna li fuqha kont bnejt ħajti. Imma nikkontendi li l-ħolqien ma kienx katartiku fis-sens attwali tal-kelma. Ma kienx mod kif innaddaf lili nnifsi mill-ħsus li mbagħad esternalizzajthom fil-ħlejqiet tiegħi. Kien il-proċess ta’ kitba kreattiva (jew pittura, jew kitba poetika) innifsu li kien ta’ żvarjun, jekk trid, li nessa għal mument id-diqa. U, iva... u hawn qed nantiċipa l-mistoqsija li jmiss tiegħek... uħud mill-karattri huma jien, u dak li kont għaddej minnu. Imma fil-biċċa l-kbira, Mitt Ruħ hu karatterizzat minn diversifikazzjoni qawwija. Kull karattru hu distint. Tassew, huma l-emozzjonijiet predominanti f’kull wieħed u waħda minnhom li jiddefinixxu ġrajjiethom, f’ċiklu vizzjuż fejn il-ħsus jitimgħu lill-ġrajja u l-ġrajja, min-naħa tagħha, tiġġenera jew iġġedded dawk il-ħsus u ħsibijiet. Il-pern tal-ktieb qiegħed fil-wisgħa u fil-medda tad-diversità tal-karattri mistħarrġa. L-“iskunġrar tad-dimonji” ma seħħx għax id-dimonji baqgħu hemm. Imma ħassejt ċertu serħan waqt il-mument kreattiv. U, min-naħa l-oħra nammetti li fejn l-emozzjonijiet huma qawwija ħafna u ħarġu minni – aktar milli mill-empatija tiegħi – ġedditt id-“dimonji” fil-forma ta’ ħolqien artistiku li ngasta bħal f’alabastru dawk l-emozzjonijiet.

Il-qoxra tal-ktieb
Il-qoxra tal-ktieb

KS: L-ewwel semmejt lil kittieba u poetessa Alda Merini. (Il-21 ta’ Marzu li ġej jaħbat id-disgħin anniversarju mit-twelid tagħha). Dan l-aħħar erġajt qrajt xi xogħlijiet tagħha, l-iżjed L’altra verità. Diario di una diversa(Il-Verità l-Oħra. Djarju ta’ Mara Xort’oħra, ). Hemm vers partikulari li jispikka bil-kbir f’dax-xogħol: “Non avrei potuto scrivere in quel momento nulla che riguardasse i fiori perché io stessa ero diventata un fiore, io stessa avevo un gambo e una linfa” – “F’daka l-waqt ma stajtx nikteb xejn dwar il-fjuri għax jiena stess kont sirt fjura, jiena stess kelli bont u qbadt nipproduċi l-linfa”. Wieħed mill-modi kif nistgħu ninterpretaw din l-istqarrija huwa li f’ċerti mumenti bħal insiru proprju l-oġġett illi nkunu qegħdin nikkuntemplaw. Merini kitbet dan il-vers b’tifkira ta’ meta tħalliet toħroġ għal ftit fil-ġnien tal-manikomju fejn kienet maqfula. Sintendi, il-każ tiegħek differenti iżda madankollu ser nieħu spunt minn dis-sentenza partikulari: hemm xi jgħidli li f’bosta minn dawn il-karattri li ħloqt bħal tara xi ftit lilek innifsek, tant illi inti u toħloqhom ħassejtek illi sirt huma stess. Sa liema punt tħoss li tħassret il-linja bejn is-suġġett u l-oġġett matul il-kitba ta’ dawn l-istejjer?

ĠM: Nidentifika ħafna ma’ dak li qed tgħid hawn. Jien dħalt fir-ruħ u fil-qalb tħabbat ta’ kull wieħed u waħda mill-karattri f’dawn il-mikrostejjer. Kienu aktar minn ħajjin għalija. Iddettawli l-istil li ridt naddotta biex nirrakkonta l-istejjer tagħhom. Qaluli x’ħassew u x’ħasbu. Iddefinew lilhom infushom lili f’intimità assoluta. Bażikament, kitbu lilhom infushom. Jien empatiku. Kważi dejjem inħoss lil dawk illi nkun qed ninteraġixxi magħhom. Inħoss li jħossu huma. Kultant anke nantiċipa dak li jkunu se jaħsbu jew jgħidu. Minn dejjem hekk kont, imma l-istudju fil-fond tiegħi tal-kommunikazzjoni personali, tax-xejriet tal-aġir tal-bnedmin huma u jikkomunikaw ma’ bnedmin oħra, kompla saħħaħ din il-karatteristika tiegħi bil-qawwi. Taħsibx li din xi karatteristika feliċi. Meta l-ħsus ikunu sbieħ, mela nkun f’estasi... imma meta jkunu koroh, inħoss it-terrur jgħammadli qalbi. Kollox hu amplifikat, qisu ħsiebi lenti kbira li tixrob u tkabbar. Uħud mill-karattri f’Mitt Ruħhuma manifestazzjonijiet diversi tiegħi stess. Imma l-kotra m’humiex. U lanqas huma, ħlief għajr ftit minnhom, nies li naf jien. Huma amalgam ta’ ħsus u ħsibijiet li “qbadt” mill-ħajja ta’ kuljum. Iva, spiss huma mitmugħin emozzjonijiet qawwija li jien stess inkun ġarrabt, anke jekk il-manifestazzjonijiet ta’ dawk l-emozzjonijiet ikunu diversi minn dawk li nkun għaddejt minnhom jien stess. Kull wieħed u waħda mill-mitt ruħ li hemm fil-ktieb huma rakkmu kkumplikat ta’ elementi li, iżda, jagħmilhom ħajjin. Ta’ vera. Is-sottotitlu tal-ktieb huwa Mikrostejjer dwar nies li jistgħu jkunu vera”. Imma għalija kollha kemm huma kienu vera, u, mir-reazzjoni li qed ikolli minn dawk il-ħafna li diġà qraw il-ktieb, saru vera wkoll għall-qarrejja tiegħi.

KS: Id-daħla tal-ktieb tintemm billi tgħid “se nieqaf hawnhekk u nħalli kull wieħed u waħda mill-mitt ruħ [...] jitkellmu huma”. Is-sena l-oħra l-gazzetta The Guardian irrapportat rigward studju ferm interessanti li sar fost 181 kittieb mill-ġurnal flimkien m’għadd ta’ riċerkaturi mill-Università ta’ Durham flimkien mal-Festival Internazzjonali tal-Ktieb t’Edinburgu. Skont dan l-istudju, 63% tar-rispondenti qalu li litteralment jisimgħu lill-karattri tagħhom jitħaddtu huma u jiktbu filwaqt illi 61% minnhom qalu li l-karattri tagħhom kellhom il-ħila jaġixxu b’modi indipendenti. Studju simili ieħor illi sar fost għadd ta’ kittieba mill-ġurnal Consciousness and Cognition sab li 56% tal-kittieba parteċipanti rrapportaw esperjenzi viżivi jew sensorji mal-karattri tagħhom mentri 20% minnhom irrappurtaw li jħossu lill-karattri jokkupaw l-istess spazju fiżiku tagħhom. Mal-15% minnhom saħansitra żvelaw ukoll li kapaċi jidħlu fi djalogi mal-karattri li joħolqu. F’Mitt Ruħ ħloqt mitt karattru fittizju. Anzi, iktar minn mija ladarba wħud minnhom jinteraġixxu ma’ karattri oħrajn. Tal-inqas mitt karattru kważi f’salt mhix ċajta! Qatt ħassejt xi wħud minnhom b’modi strambi bħal dawn? 

ĠM: Filfatt weġibt parti sew minn din il-mistoqsija f’dik ta’ qabel. U kif għedt inti aktar kmieni, jien qed nistqarr li dan huwa ktieb għall-qalbi ħafna. Immur oltre minn hekk u ngħid li dan forsi l-aħjar ħaġa li qatt ipproduċejt. Kif għedt fid-daħla, għalkemm l-arti tiegħi timmanifesta ruħha f’ħafna friegħi... il-pittura, id-disinn, il-kartun, l-illustrazzjoni, il-poeżija... naħseb li hija l-kitba tal-proża l-fergħa ewlenija tal-manifestazzjoni għalkollox neċessarja ta’ dak li nħoss u naħseb. U dak kollu, f’dan il-ktieb, kien ipproġettat f’dawn il-mitt karattru li saru, iva, jien, waqt li kont qed niktibhom. L-istejjer kitbu lilhom infushom. Qabel għedtlek bil-proċess ta’ ħolqien li addottajt, imma ġaladarba l-idea kienet issir solida, jien kont insir biss l-istrument tat-twassil tal-ħlejqa ħajja li tiżviluppa sħiħa fuq il-karta. Kull rakkont hu twil ftit aktar minn mitejn kelma, imma dan l-ammont hu biżżejjed biex juri l-mewt ġewwiena ta’ Evelyn li ma tiflaħx tqum mis-sodda minħabba fid-dipressjoni; ta’ Damian li qatta’ l-aħħar żmien ta’ ħajtu jippjana s-suwiċidju tiegħu; ta’ Marija li tiddefinixxi l-imħabba vera minħabba f’li kien hemm bejnha u bejn il-poeta żewġha, li issa miet imma li sa ftit xhur qabel kien qed jiktbilha l-poeżiji tal-imħabba; u tan-nuqqas ta’ mħabba fil-qalb silġa ta’ Miranda, li tuża sbuħitha bħala lixka; u ta’ Lucy, li tikleb l-orġażmu bħala validazzjoni ta’ sbuħitha; u l-bqija tal-mija (u aktar). Dawn mhux ħżuż fuq karta imma ħlejqiet li mhux biss jistgħu jkunu vera, imma huma. Tal-anqas kienu għalija li għext ħajjithom magħhom jien u nipprova niddeskrivi dak li għaddew minnu.

More in Arti