Films | Christopher Plummer - 1929 - 2021
Ħarsa qasira lejn il-karriera mill-aqwa ta' Plummer, li miet iktar kmieni dan ix-xahar ...
Nhar il-Ħamis 5 ta’ Frar 2021 tard filgħaxija, tħabbret il-mewt tal-attur eċċezzjonali u ta’ stoffa, il-Kanadiż Christopher Plummer fl-eta’ sabiħa ta’ 91 sena. Imwieled Arthur Christopher Orme Plummer f’Toronto nhar it-13 ta’ Diċembru 1929, hu kien attur mill-aqwa tal-palk, kif ukoll tat-TV u tal-films fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Sa mill-bidu tas-snin ħamsin sab ruħu fuq il-palk Kanadiż u fl-1954 fuq Broadway. Kellu wkoll suċċess kbir fil-produzzjoni Brittanika ta’ madwar tliet sigħat tax-xogħol rinomat ta’ Shakespeare, Hamlet.
Bil-bixra tiegħu ta’ persuna aristokratika; twil u b’wiċċ serju, ddomina fuq l-oħrajn f’diversi films bħala bniedem li ma tiċċajtax miegħu, kemm f’partijiet ta’ wieħed ta’ dixxiplina stretta, anki fi rwoli ta’ wieħed sever u ġieli wkoll kattiv. Ċertament li laqat l-għajn mal-pubbliku dinji ċinematografiku (u żgur hawn Malta) kważi fil-bidu tal-karriera tiegħu f’partijiet sostanzjali fil-popolarissimu, The Sound Of Music (1965). Fil-parti tal-veru armel Baruni, l-Kaptan Georg von Trapp, li ma riedx iservi taħt ir-reġim Nażista u li kien jittratta lis-seba' uliedu b’manjiera ta’ dixxiplina militari, mill-bidunett ma japprova xejn it-tattiċi ħelwin u ċajtiera tal-governattriċi Maria (Julie Andrews). Andrews tilgħab il-parti ta' soru postulanti li ma kellhiex il-vokazzjoni, li bdiet tieħu ħsieb it-tfal tiegħu u li sa fl-aħħar tirbaħ l-approvazzjoni tal-Kaptan, li saħansitra jispiċċa mhux biss jammiraha imma wkoll jiżżewwiġha. Grazzi għal din il-produzzjoni Plummer immedjatament sar stilla u mfittex mill-udjenzi.
Films oħrajn fejn il-personalita’ tiegħu spikkat kienu: The Fall Of The Roman Empire (1964), fil-parti ta’ Commodus, it-tifel korrott tal-Imperatur Ruman; The Night Of The Generals, fejn interpreta lil Field Marshall Rommel; Oedipus The King (1967), fil-parti tat-titlu; The Royal Hunt Of The Sun (1969) bħala l-Imperatur Atahualpa l-mexxej tat-tribu Inca tal-Peru; f’Waterloo kien id-Duka ta’ Wellington; ħadem bħala l-awtur Rudyard Kipling f’The Man Who Would Be King (1975) u f’Murder By Decree (1978) qaxxar il-parti tal-famuż investigatur fittizju Sherlock Holmes. Fil-produzzjoni eċċellenti għat-TV The Scarlet And The Black kien il-Kurunell Herbert Kappler, in-Nażist stazzjonat fil-Vatikan, b’għajnejn stretti fuq il-Monsinjur Hugh O’Flaherty (Gregory Peck) biex jipprova jaqbdu f’xi reat kontra n-Nażisti, iżda wara sar ikkonverta għall-Kattoliċiżmu.
Huwa lagħab il-parti ta' Mike Wallace f’The Insider (1999), f’National Treasure kien John Adam Gates, b’nannuh kien Benjamin Franklin Gates. Kellu l-irwol tal-filosofu Grieg Aristotle f’Alexander (2004), tal-Kaptan Newport f’The New World (2005), ftit wara l-iskoperta tal-Kontinent Amerikan, fil-parti ta’ Scrooge f’The Man Who Invented Christmas (2017) u fl-istess sena bħala l-biljunarju J.Paul Getty li ma riedx iħallas ir-rahan għall-ħtif tan-neputi f’All The Money In The World.
Films oħrajn li ddomina fihom, kienu: Inside Daisy Clover (1966), Nobody Runs Forever (1968), Conduct Unbecoming (1975), il-film Kanadiż The Silent Partner (1978), thriller vjolenti fejn jipprova jisraq bank liebes ta’ Father Christmas, Somewhere In Time (1980), Eyewitness (U.K. The Janitor) (1981), Malcolm X (1992), Wolf (1994), Dolores Claiborne (1995), 12 Monkeys (1995), A Beautiful Mind (2001), Ararat (2002), Nicholas Nickleby (2002), Inside Man (2006), Knives Out (2019) u f’diversi films animati fejn instema’ biss leħnu.
Fuq il-palk, Christopher Plummer hu meqjuż bħala kważi l-aħjar attur Shakesperjan, wara l-aħwa Barrymore, fl-Amerika ta’ Fuq. Dan l-attur kien innominat tliet darbiet għal Oscar, f’The Last Station, f’All The Money In The World u f’The Beginners (2010) li fih irnexxielu jirbaħ.
Meta ħa l-istatwetta tal-Oscar f’idejh esklama hekk: “Fejn kont kemm ili nfittxek? Int kważi l-istess eta’ tiegħi!”
Hu qatt ma ċaħad lil pajjiżu u dejjem baqa’ jżomm passaport Kanadiż. Plummer iżżewweġ tliet darbiet u mill-ewwel mara tiegħu, l-attriċi Tammy Grimes, kellu lil Amanda li hi wkoll attriċi.
Huwa rebaħ diversi unuri, fosthom uħud mogħtija lilu mir-Reġina Eliżabetta u kien sikwit isostni li jiddejjaq meta jistaqsuh dwar ir-reċtar.