Letteratura | Għaliex nittraduċu? It-tradizzjoni tat-traduzzjoni f’Malta skont Charles Briffa
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jaqsam ħsibijietu u ġieli wkoll tifkirietu rigward il-Professur Charles Briffa, b’mod speċjali dwar l-istudju traduttoloġiku reċenti tiegħu Aspetti tat-Traduzzjoni Maltija. Bil-memorji tal-ewwel tentattiv tiegħu li jrodd fl-ilsien Malti r-rumanz La Nausèe ta’ Jean-Paul Sartre fl-isfond – kif ukoll tal-ewwel sena tal-iskola sekondarja – qabelxejn jiddiskuti ċerta intervista li kienet saritlu daqs ħmistax-il sena ilu mill-istudent tat-traduzzjoni Fabio D’Amato. Saliba jirrakmanda dan ix-xogħol ta’ Briffa lil dawk kollha midħla tat-traduzzjoni f’pajjiżna filwaqt illi, intant – bejn il-linji – jibqa’ jmaħħaħ fuq dil-mistoqsija partikulari: “qabelxejn, għalxiex nittraduċu?”
Daqs tnax-il sena ilu l-ħabib tiegħi Fabio D’Amato kien bgħatli b’email għadd ta’ mistoqsijiet rigward it-traduzzjoni. L-intervista, jekk nistgħu nsejħulha hekk, kienet kompitu mitlub mid-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija, u l-Interpretar tal-Università ta’ Malta. Din l-intervista ġiet f’idi b’ċikka m’ilux jien u nqaleb u norganizza bosta dokumenti – fil-biċċa l-kbira xogħlijiet tradotti minni – li ilhom snin maħżuna fil-kompjuter: uħud jitkarrbu għal reviżjoni, oħrajn għat-tlestija, oħrajn imbagħad għal xi għamla ta’ pubblikazzjoni. Kull biċċa kitba memorja – tifkira li sikwit, għall-inqas għal min jiktibha, maż-żmien tiġma’ fiha tifsir ferm iżjed wiesa’ mit-test innifsu. B’rabta mad-diskors ta’ ħmistax ilu, anke attività bħal dan għalija hija – tajjeb jew ħażin, irrid jew ma rridx – ritwal fl-ipproċessar tal-memorji u xorta t’eżerċizzju fil-fehim tal-identità.
Dak iż-żmien kont naħdem ta’ traduttur mal-Unità Maltija tat-Traduzzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Lussemburgu. Intant, kont diġà bdejt nistudja għal rasi t-traduttoloġija filwaqt li nittanta nittraduċi testi letterarji Franċiżi u oħrajn mit-tradizzjoni filosofika kontinentali. Sintendi dan esiġa immersjoni sħiħa fl-istudju tal-filosofija għax ħaġa minn ewl id-dinja li xejn ma jfid li tittraduċi testi li qajla tifhem xi jridu jgħidu. Ma naqsux ukoll l-istudji intensivi fil-lessikografija – l-iżjed iżda mhux biss permezz tal-ftaqid kontinwu fid-dizzjunarji ta’ Ġużè Aquilina u t’Erin Serracino Inglott – ġaladarba jien u għaddej b’dan kollu sirt naf illi filfatt kont naf ftit li xejn. Dan imbagħad wassalni wkoll biex nerġa’ nibda nibda nistudja l-Franiċż – kważi mill-bidu bħaċ-ċuċ – sabiex inwessa’ kemm jista’ jkun il-fehim tiegħi rigward dak illi kont dħalt għalih bla ma naf sewwasew għaliex. Kienu l-iktar snin edukattivi u produttivi li qatt kelli. Fi ftit snin ittraduċjet u ktibt eluf ta’ paġni. Qrajt kulma ma stajt insib fuq mitt elf ħaġa, inklużi fuq ħwejjeġ illi, almenu primavista, ftit li xejn kellhom x’jaqsmu mal-intenzjonijiet oriġinali li seta’ kelli. Ħajja stramba din: kultant ikollok xorta ssib irkaptu ta’ minn fejn bdejt, aħseb u ara ta’ fejn għad tispiċċa. Mur sibt tarf, l-iżjed issa f’dal-ħinijiet tas-Sibt filgħodu, t’avventura li fis-sew twieldet mir-rumanz La Nausèe ta’ Jean-Paul Sartre (In-Nawżja, 1938) u sabet ruħha, biss ftit snin wara, f’xi test bħal Il-Ktieb Tibetan tal-Mejtin. Hu x’inhu, qajla nista’ nistħajjel – l-iżjed issa wara tant snin ta’ staġnar relattiv – li forsi għada pitgħada ser jiġi perjodu li għad jisbqu.
Madankollu din l-intervista prattikament kwalunkwe ta’ D’Amato – oħroġ il-għaġeb – f’dal-aħħar jiem minn daqqiet saħansitra donnu spikkat fuq bosta xogħlijiet li kien seħħli nipproduċi dik il-ħabta. U dan minkejja li t-testi inkwistjoni, akkont, f’għajnejja għandhom ferm iżjed valur. B’mod ġenerali l-mistoqsijiet kienu jirrigwardaw bosta aspetti prattiċi tat-traduzzjoni: x’inhi l-akbar diffikultà li jħabbtu wiċċhom magħha t-tradutturi Maltin?; xi żvantaġġi għandhom it-tradutturi Maltin apparagun ma’ tradutturi f’lingwi oħrajn?; xi strateġiji jħaddnu t-tradutturi Maltin biex joħolqu terminoloġija li għad m’hemmx ekwivalenti tagħha fil-Malti?; it-traduttur Maltin huma mħarrġin tajjeb fil-oqsma tagħhom?; x’opportunitajiet hemm għal dawk li jitħajru jidħlu fid-dinja tat-traduzzjoni?; x’inhuma l-kwalitajiet li għandu jkollhom it-tradutturi?; x’taħseb mill-kliem missellef minn lingwi oħra li qed jidħol fil-Malti?; taħseb li t-tradutturi għandhom responsabbiltà kbira?; kif inhi meqjusa l-lingwa Maltija min-nies ta’ pajjiżi oħra?; tgħid f’Malta għad tikber il-kultura tat-traduzzjoni letterarja? Kif nimmaġina li ormaj jaf ukoll tajjeb D’Amato, bosta minn dawn il-mistoqsijiet huma domandi tedjanti u ġeneriċi li ftit li xejn jixħtu dawl fuq il-kumplessitajiet ewlenin tal-istudji traduttoloġiċi. Din sieħeb li tmur tistaqsi lil xi kok tas-sengħa x’jagħmel jew ma jagħmilx biex il-minestra ma ssirlux soppa jew kuksu. Għandu mnejn jekk jinzerta jkun xi daqsxejn kiesaħ lanqas iwieġbek. Forsi ma tlumux. Il-bużillis hawnhekk hu li D’Amato nesa – jew forsi m’għedditlux minn moħħu – jistaqsini għalfejn nittraduċi. Abbli kien ħabat tajjeb: forsi dakinhar frankajna kawlata...
Iżda l-biċċa hi f’żgħoritna la D’Amato u lanqas jien ma konna konxji minn dan. Anzi, nistqarr illi dika l-ħabta qattajt ħafna żmien immaħħaħ fuq mistoqsijiet bħal tiegħu – u minn ferm qabel kien bagħathomli. Għax żgur ma jistax jonqos – biex f’ġieħ il-ġustizzja jingħad kollox – illi mistoqsijiet bħal dawn jiġbdu l-attenzjoni tal-prinċipjanti. Terġa’, dak iż-żmien, qajla kien hemm materjal bil-Malti li jittratta l-kurżitajiet bażiċi li kellu D’Amato, aħseb u ara mbagħad kwistjonijiet traduttoloġiċi teoretiċi u prattiċi ferm iżjed serji bħal dawk li ddiskutejt hawnhekk ftit xhur ilu f’intervista mat-traduttologa Claudine Borg rigward Jacques Derrida u Walter Benjamin. Ngħid għalija, dak iż-żmien jien u nitħarreġ spiss kont nirreferi għall-pubblikazzjoni ferm utli Théorie et pratique de la traduction littéraire français-maltais / It-Teorija u l-Prattika tat-Traduzzjoni Letterarja Franċiż-Malti (2008) mħejjija mit-traduttologi u l-lingwisti Toni Aquilina, Anne-Marie Bezzina u mill-istess Claudine Borg. Mill-bqija fil-biċċa l-kbira kont nikkonsulta materjal barrani filwaqt illi nsegwi – xi ftit bħall-Awtodidatta li naqraw dwaru f’In-Nawżja ta’ Sartre – il-pariri tant siewja tal-eks-kollega tiegħi Antoine Cassar. (Eqreb lejn żmienna, f’dan ir-rigward dan l-aħħar dehru wkoll f’ġurnali akkademiċi diversi studji relevanti bħal From Invisibility to Centre Stage: Translation as Metaphor for the Mediation of Knowledge u Bilingualism and Translation: Code-Switiching in Bilingual Fiction and the Translator’s Dilemma minn Prof. Clare Vassallo.)
Ktieb ieħor pjuttost reċenti li nħaseb apposta biex jagħmel tajjeb għal din il-lakuna huwa Aspetti tat-Traduzzjoni Maltija (2015) tal-Professur Charles Briffa. Ma jidhirx illi dan ix-xogħol inkiteb bħala teżi espliċitu rigward il-filosofija tat-traduzzjoni jew tal-lingwa jonkella sabiex jinqara bħala kumpann għal klassiċi traduttoloġiċi bħal Translation Studies (1980) ta’ Susan Bassnett, The Translation as Writer ta’ Susan Bassnett/Peter Bush (2006) jew After Babel (1975) ta’ George Steiner. Ma nemminx illi paraguni bħal dawn ikunu ġusti sabarra: ibda biex dan it-test qabelxejn jenħtieġ jinqara bħala kummentarju lokali dwar it-tradizzjoni tat-traduzzjoni f’pajjiżna. Difatti tul kważi sitt mitt paġna dan il-volum jagħti ħarsa lejn il-ġrajjiet storiċi li għaġnu t-traduzzjoni Maltija, il-xejriet kulturali tagħha, l-orjentazzjonijiet teoretiċi mħaddma mit-tradutturi Maltin u x-xeħtiet letterarji fil-Malti bħala lingwa-mira. Għaldaqstant dan ix-xogħol ta’ Briffa għandu appell ġenerali għall-istudenti, il-professjonisti, ir-riċerkaturi, l-awturi, ix-xandara u t-tradutturi Maltin. Madankollu Briffa ma jonqosx milli jirreferi għal għadd kwistjonijiet teoretiċi ewlenin – u dan anke tramite l-fomm ta’ bosta letterati Maltin – li spiss jiddominaw id-dibattitu akkademiku fiċ-ċrieki internazzjonali tal-istudji tat-traduzzjoni. Is-siltiet miġjuba hawnhekk, spiss verbatim, mill-kittieba Maltin – fosthom Ġużè Aquilina, Oliver Friggieri, Karmenu Vassallo, Pietru Pawl Saydon, Karm Sant, Victor Fenech, Toni Aquilina, Dwaru Fenech, Angela Fenech, Rebecca Cachia, Ġużè Bartolo, Wallace P. Gulia, Victor Xuereb, Alfred Palma, Paul Zahra u Michael Zammit – jipprovdu sfond ġenerali u punt tat-tluq tajjeb mnejn it-tradutturi u t-traduttologi Maltin jistgħu jibdew jidħlu fi djalogu usa’ u ifnad rigward din l-arti u sengħa impossibbli. Ifakkruna wkoll f’għadd ġmielu ta’ testi maqluba għall-Malti li b’xorti ħażina ormaj donnu sfaw taħt il-madmad tan-nisi.
Lura għall-memorji ta’ dari, lill-Professur Charles Briffa ltqajt miegħu l-ewwel darba – bħala daqsxejn t’enfant terrible tal-Form 1 ferm kmieni fis-snin disgħin – bħala Assisstent Surmast fil-Liċeo Verdala. Mhux l-ewwel darba li spiċċajt quddiemu l-uffiċċju – b’denbi kemxejn taħt il-blata – wara xi allegat involviment f’xi “pitrava” nobis, bħall-każ enigmatiku tal-mejda mħażża li għebet, iċ-ċertu kliem “xejn denju ta’ student tal-liċeo aħseb u ara ta’ tifel tal-Mużew” jew l-imxija fil-klassi ta’ “rivisti mhux xierqa” tipo Metal Hammer u Penthouse. Abbli nistgħu ngħidu li dak iż-żmien min-naħa tiegħu kellu xi ftit tar-raġun: “how can you have any pudding if you don’t eat yer meat?, kif ġieli smajna. Iżda min-naħa tiegħi llum – tant snin wara – żgur ma nistax ngħaddi l-istess ġudizzji kuntrarji rigward din il-pubblikazzjoni hekk xierqa u f’waqtha ta’ Briffa kwantu t-tradizzjoni tat-traduzzjoni f’Malta. (Bħala parenteżi, bix-xieraq ukoll nuri l-istess apprezzament għall-edizzjoni annotata minnu tar-rumanz storiku Ineż Farruġ t’Anton Manwel Caruana li lejn tmiem il-millenju pprovdietli lessiku siewi ħafna għat-traduzzjoni ta’ ċerti siltiet minn La Nausèe, b’mod partikulari r-referenzi intertestwali għar-rumanz Eugénie Grandet (1833) ta’ Honoré de Balzac u n-noti bijografiji fittizji tal-Markiż de Rollebon.)
Ħaġa ċara wkoll illi l-materjal li nsibu f’Aspetti tat-Traduzzjoni Maltija jwieġeb tajjeb bosta mill-mistoqsijiet li kien għamilli Fabio D’Amato dik il-ħabta. Il-mistoqsija li forsi Briffa ma jweġibx bis-sħiħ – u li m’għaraftx inweġibha jien lanqas fl-intervista – hija din: “qabelxejn, xi tkun dil-ħaġa – jekk nistgħu nsejħulha hekk – li twebbel lin-nies jittraduċu?” M’iniex ċert jekk nafx inwieġeb, lanqas illum, iżda forsi f’dan-nuqqas did-darba lanqas jien m’għandi wisq tort: kultant ngħid illi mistoqsija bħal din titwieġeb l-aħjar mhux bil-lingwistika u t-traduttoloġija iżda bil-psikoanaliżi... forsi wkoll bil-metafiżika...