Avviż: Ir-revoluzzjoni ser tixxandar bit-televiżjoni
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta' din il-ġimgħa Kevin Saliba jagħti ħarsa lejn l-edizzjoni virtwali tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus ta’ din is-sena. Imnebbaħ minn silta mużikali tas-snin sebgħin ta’ Gil Scott-Heron kif minn oħra tal-grupp The Last Poets jiddiskuti – filwaqt li jelenka diversi attivitajiet li ser jittellgħu f’dan il-festival – l-aspetti revoluzzjonarji ta’ dan l-avveniment annwali flimkien ma’ dawk tal-ħidma tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-industrija tal-ktieb Malti. Intant Saliba jisħaq ukoll illi minkejja r-restrizzjonijiet attwali din is-sena r-revoluzzjoni ser ssir xorta waħda: did-darba fuq it-televixins ta’ żmienna.
“The revolution will not be televized. The revolution will not fight germs that may cause bad breath” Ir-rivoluzzjoni mhix ser tixxandar bit-televiżjoni: hekk tgħid id-diska funk, kważi proto-rap, mis-snin sebgħin ta’ Gil Scott-Heron. It-titlu tagħha kien frażi komuni ħafna f’ħalq il-movimenti Black Power tas-snin sittin fl-Istati Uniti. F’daż-żminijiet imqallba tagħna, tajjeb jew ħażin, ġieli tintuża wkoll minn xi attivisti tal-movimenti Black Lives Matter u dal-aħħar ġieli smajtha wkoll minn għadd ta’ kummentaturi kontra r-restrizzjonijiet soċjali li f’dawn l-aħħar xhur laqtu b’mod negattiv ħafna kull setturi kulturali mad-dinja kollha.
Il-kelma rivoluzzjoni tista’ tfisser bosta ħwejjeġ, tant illi llum donnu saret tfisser minn kollox u fl-istess waqt ma saret tfisser xejn. Tfisser xi tfisser, almenu s’issa, jidher illi bosta kurrenti revoluzzjonarji – u mhux biss dawk politiċi – ġarrew l-attivitajiet tagħhom għal fuq il-pjattaformi ewlenin tal-midja soċjali. Mhux għax s’issa hemm wisq għażla. Għaldaqstant, kwalunkwe revoluzzjoni soċjali, politika jew kulturali tista’ ssir biss kemm-il darba din tiġi televizzata: mela the revolution will be televized. Id-diska ta’ Scott-Heron kienet imnebbħa – bħal xorta ta’ tweġiba – minn silta fil-biċċa l-kbira mitħaddta When the Revolution Comes tal-ensamble ta’ poeti u mużiċisti magħrufa bħala The Last Poets. Is-silta kienet tgħid hekk: “when the revolution comes some of us will probably catch it on TV”. Meta tasal ir-rivoluzzjoni xi wħud minna aktarx ser isegwuha fuq it-televixin – proprju bil-kontra tat-tbassir ta’ Scott-Heron. M’hemmx xi ngħidu li din il-frażi saret relevanti ħafna għal żmienna, anke għalina l-Maltin. Dan jgħodd l-iżjed għal dawk midħla tas-settur kulturali li fil-mument ħtiġilhom – dejjem jekk in-natura tas-setturi tagħhom tippermetti – jittrasformaw ix-xogħol tagħhom, revoluzzjonnarju jew mhux, f’avvenimenti virtwali.
Dan mhux xi kummentarju ieħor dwar l-iġsma iħirsa f’art il-weqfin. Lanqas tiġdida tal-ilmenti tiegħi dwar l-għeluq tat-teatri. Il-fehmiet dwar dan ġa għamilthom ċari s-sena l-oħra u anke din is-sena, kemm hawnhekk u kemm bnadi oħra. Għaldaqstant ma naħsibx li vallapena – għall-inqas għalissa – li nibqa’ ntenni l-istess ħwejjeġ għal riħ bla xita. Xejn ma jfid li nikkonċentraw il-ħin kollu fuq dak li jnikktna jew li nibqgħu ntambru biss fuq dak illi qiegħed jifridna, kemm intellettwalment u kemm fiżikament. Anzi, fir-rigward tas-setturi kulturali tagħna f’daċ-ċirkustanzi nasal ngħid illi forsi ħabat tajjeb illi qegħdin isiru ħafna sforzi sabiex l-attivitajiet letterarji tagħna – anke jekk ma jikkaġunaw ebda revoluzzjoni – filfatt almenu jiġu bħal televizzati fuq il-mezzi tal-midja soċjali. Dan ma ġarax kullimkien. Il-mewġiet enormi ta’ stediniet biex nieħdu sehem f’attivitajiet kulturali fuq l-internet – kultant ’qas biss issir irkaptu ma’ min jew ma’ xiex ser tlaħħaq – ma turix is-sitwazzjoni kollha tas-setturi kulturali mad-dinja. Ibda biex, bosta attivitajiet li minnhom infushom ma jistgħux jixxandru baqgħu l-art. Imbagħad, bosta għaqdiet kulturali – sforz l-istrinġenzi loġistiċi jew monetarji li kkawżat il-pandemija – saħansitra ma setgħux ikomplu jibbilanċjaw il-kotba u kellhom bilfors jitfu t-televixin u saħansitra jagħlqu l-bibien. Jidhirli li l-għajnuniet finanzjarji mogħtija lill-korpi kulturali u lill-professjonisti li jaħdmu fihom – meta almenu waslu – ħafna drabi waslu tard ħafna. Dan il-fatt waħdu diġà jiġġustifika biżżejjed il-kampanja – jekk nistgħu nsejħulha hekk – virtwali Art Is Work illi nħasbet apposta biex tiġbed l-attenzjoni rigward il-qagħda prekarja li safa’ fiha s-settur artistiku.
Mill-banda l-oħra b’xorti tajba korpi oħrajn – ukoll f’pajjiżna – seħħilhom ivinċu s-sitwazzjoni billi baqgħu għaddejjin bl-attivitajiet tagħhom, inklużi wkoll il-festivals. Fost dawn żgur ilkoll għandna naqblu li nistgħu nsemmu lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) li sa mill-bidu nett tal-pandemija wera impenn u reżiljenza liema bħalhom. Sewwasew f’Marzu tas-sena l-oħra – voldieri fl-eqqel fażi tal-ewwel mewġa – kellu jħassar f’daqqa waħda l-attivitajiet kollha tal-Festival fuq il-Kampus. Kienet tassew ħasra, iżjed u iżjed meta tqis illi fost il-mistednin distinti ewlenin kien ippjanat li jkollna magħna lill-kittieb u poeta Mark Doty u lit-traduttologa Susan Bassnett. Madankollu f’Novembru li għadda mbagħad il-KNK irnexxielu jtella’ online b’suċċess – dejjem fil-limiti taċ-ċirkustanzi – il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li fost mistiedna internazzjonali oħrajn laqa’ lil Salman Rushdie, f’okkażjoni minnhom f’diskussjoni ma’ Alfred Sant. U issa proprju dis-sena – f’din l-edizzjoni virtwali tal-2021 li ser tibda nhar l-Erbgħa – il-Kunsill għamel tajjeb għall-iżvintura ta’ sena ilu billi reġa’ stieden lil Mark Doty biex jieħu sehem f’sessjoni ma’ studenti Universitarji taħt it-treġija ta’ Mario Aquilina kif ukoll f’intervista ma’ James Corby. Din mhix ser tkun l-unika attrazzjoni. Loranne Vella – waħda mill-iżjed kittieba eċċitanti ta’ żmienna – ser tiddiskuti mal-pubblikatur Chris Gruppetta u l-awturi LON Chircop u Kirsten Spiteri l-libertà tal-kittieba u ċ-ċensura fi żmienna. Anthony Aquilina ser iniedi traduzzjoni oħra tax-xogħol ta’ Albert Camus, din id-darba d-dramm Kaligula b’akkumpanjament koerografiku ta’ Clive u Claire Piscopo minn Theatre Lab Malta. F’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Filosofija Jean Paul De Lucca ser jimmoderna diskussjoni bejn il-filosofu Malti Francois Zammit u l-filosofu Taljan Enrico Panai dwar l-applikazzjoni tal-filosofija fl-isfidi tal-lum: mill-kitba li tidher bħala att teknoloġiku sempliċi sal-kumplessitajiet tat-teknoloġiji emerġenti. Ir-riċerkatur Jonathan Farrugia, flimkien mar-restawratriċi tal-istatwa tar-Redentur tal-Isla Valentina Lupo (Atelier del Restauro), ser jiddiskuti l-ktieb tiegħu Ir-Redentur: History, Art, Cult– xogħol li ngħid għalija għandi ħafna xi nikteb u ngħid dwaru. Fuq tema kemxejn simili, Michael Spagnol, u Sephora Francalanza mill-Għaqda tal-Malti (Università) se jiddiskutu l-applikazzjoni tat-teknoloġiji diġitali filwaqt illi – iżjed importanti minn hekk – ser jippreżentaw il-portal ta’ riċerka malti.mt. Barra dan, fl-okkażjoni tad-90 sena mill-ewwel edizzjoni tar-rivista Leħen il-Malti se jinġiebu flimkien diversi kelliema li okkupaw xi kariga fil-bordijiet editorjali tal-imgħoddi, fosthom Joseph P. Borg u Ġorġ Mallia u Leanne Ellul. Interessanti ħafna, b’mod partikulari għalija, għandha tkun it-tnedija tax-xogħol awtobijografiku ta’ Alfred Sant Confessions of a European Maltese – The Middle Years 1975-1992 li tkompli fejn kien ħalla l-ewwel volum fl-2003. Dan il-volum ikopri b’mod partikulari l-amministrazzjoni ta’ Dom Mintoff u mbagħad dik ta’ Karmenu Mifsud Bonnici fost it-taqlib politiku tas-snin tmenin u l-bidla fil-gvern illi mbagħad żvolġiet bis-saħħa tal-moviment politiku ta’ Eddie Fenech Adami. Nittama li Sant isib ukoll il-ħin – iżjed u iżjed issa li mhux biħsiebu jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss – biex jagħtina volum ieħor ma ma jdumx illi jkopri ir-riformi mwettqa minnu fil-Malta Labour Party malli nħatar Kap tal-Oppożizzjoni, ir-rebħa elettorali storika ta’ Ottubru 1996, is-sentejn li dam Prim Ministru li ntemmu ħesrem bil-konfront ma’ Dom Mintoff, il-kampanja favur il-Partnership u r-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u l-bqija.
M’iniex qed ngħid illi dawn l-edizzjonijiet mxandra fuq it-televixins tal-lum jistgħu tabilħaqq jieħdu post l-edizzjonijiet fiżiċi li lkoll konna mdorrija bihom. Fil-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus ta’ sentejn ilu ħadt sehem f’attività rigward it-traduzzjoni tal-poeżija mat-traduttologa Clare Vassallo u l-poeta, kritiku letterarju u traduttur Rod Mengham fil-preżenza fiżika ta’ bosta studenti. Ebda mill-attivitajiet virtwali li segwejt s’issa ma wassluli l-istess esperjenza. Madankollu, iġsma iħirsa u mhux, ta’ min jammira l-impenn tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb illi f’dawn iċ-ċirkustanzi xejn flessibbli xorta baqa’ jaqdi r-rwol u l-missjoni tiegħu li jmexxi ’l quddiem il-ktieb Malti. Minkejja li fl-industrija tal-ktieb lokali għad fadal ħafna xi jsir, ma nkunux qegħdin nesaġeraw iżżejjed jekk ngħidu li f’dawn l-aħħar snin – l-iżjed matul dawn l-aħħar xhur tant skabrużi – il-KNK seħħlu jwettaq revoluzzjoni, l-iżjed meta nqisu l-qagħda li kienet fiha din l-industrija sa daqs żewġ deċennji ilu. Aktarx l-ikbar għadd rivoluzzjonarju f’dar-rigward – sew fis-saħħa u sew fil-mard –kien proprju dan.
Ir-rivoluzzjoni mhix ser tixxandar bit-televiżjoni, kien qalilna Gil Scott-Heron. Għandu mnejn dika l-ħabta seta’ kellu raġun. Mhux daqstant daż-żmien. “Meta tasal ir-rivoluzzjoni xi wħud minna aktarx ser jsegwuha fuq it-televixin”, kienu qalulna qablu The Last Poets. Hekk ser isir. Nisperaw li din ma jsegwihiex xi wħud minna biss u li – għax inkella mxija u mhux kollha mmutu – li l-parteċipanti ta’ din is-sena ma jkunux tassew l-aħħar poeti...