Letteratura | Il-poeta nazzjonali Malti miġjub fl-Ingliż; Proġett fejjiedi, sfida meħtieġa

Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Kevin Saliba jiftaħ djalogu mat-traduttriċi u mal-lettura tat-traduttoloġija Prof. Clare Vassallo rigward il-kittieb u l-ħassieb Taljan Umberto Eco, l-edukazzjoni terzjarja f’Malta, is-sitwazzjoni tat-tagħlim u tas-swieq tat-traduzzjoni f’pajjiżna u t-traduzzjonijiet letterarji tagħha, fosthom dawk tax-xogħlijiet letterarji ta’ Dun Karm Psaila u Trevor Zahra.

Għaddew kważi 25 sena mindu ltqajna fil-klassi waqt il-lezzjonijiet tiegħek fi żmien il-kulleġġ rigward Sons and Lovers ta’ D.H. Lawrence. Minn daka ż-żmien żvolġew donnu ħafna intoppi u żviluppi fil-qasam tal-edukazzjoni, mhux l-inqas f’dik terzjarja. Intant id-dinja nbidlet ta’ taħt fuq, anke fl-aċċess għall-informazzjoni. Dan kellu jħalli impatt pożittiv fuq l-edukazzjoni f’pajjżna, iżda bosta jikkummentaw illi madanakollu il-livell ġenerali m’għadux dak li kien ħamsa u għoxrin sena ilu, batta. Ngħid għalija, spiss ikolli din l-impressjoni, iżda fl-aħħar mill-aħħar m’iniex fid-dinja akkademika u għaldaqshekk m’iniex l-aħjar xhud tas-sitwazzjoni. Ilek tgħallem fil-livell terzjarju tal-inqas min-nofs id-disgħinijiet. Żgur taf aħjar minni. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Għalija l-idea ta’ edukazzjoni terzjarja hija li l-istudenti jkunu esposti għal informazzjoni, opinjonijiet, teoriji – sikwit kunfliġġenti – fuq dak illi diġà sar u fuq dak illi għad jista’ jsir, kemm fil-oqsma magħżula minnhom u kemm f’dawk lill hinn minnhom. Il-livell terzjarju fl-edukazzjoni jiddependi mill-interess, il-ħila, il-qari u d-dibattitu mill-istudenti stess. Mill-banda l-oħra lill-istudenti jenħtieġ ngħallmuhom kif għandhom ifittxu, kif jibnu argument, fejn jistgħu jsibu t-tagħrif meħtieġ biex imbagħad jiktbu minn perspettiva mibnija fuq is-sod, fuq riċerka ppubblikata f’ġurnali akkademiċi u fuq testi importanti fil-qasam tagħhom. Jekk student tassew jixtieq jidħol għall-edukazzjoni akkademika terzjarja għandu jkun lest jaqra, jaħseb, jiddiskuti u jikteb. Jekk le, aħjar jaqbad direzzjoni differenti.

Il-problema, kif naraha jien, hija li anke l-istudenti li jkollhom l-interess spiss imbagħad ikunu neqsin mill-għodda. F’dar-rigward nixtieq nenfasizza li l-iktar għodda importanti hija l-lingwa. Fil-każ speċifiku tagħna, żewġ lingwi: dik tagħna, il-Malti, u dik tad-dinja akkademika, tax-xogħol u tal-informazzjoni f’din l-epoka globalizzata, jiġifieri l-Ingliż. Mingħajr il-ħila li jaqraw attentament u li jiktbu tajjeb bl-Ingliż l-iktar ideat ikkumplikati u teoriji differenti jkun diffiċli immens li jilħqu l-għanijiet terzjarji tagħhom. Forsi dan fatt krudili, forsi wkoll mhux patrijottiku, imma dik hija d-dinja li fil-mument qegħdin ngħixu fiha. 

Jekk l-istudenti fi ċkunithom ma jitgħallmux tajjeb dawn iż-żewġ lingwi żgur ser isibu bosta diffikultajiet iżjed ’il quddiem f’ħajjithom. Nistaqsi: għaliex dawn l-istudenti jkollhom għaxar jew tnax-il sena skola warajhom meta jidħlu l-Università u madankollu xorta ma jkunux tgħallmu sew? Fejn hi l-problema fit-tagħlim tal-lingwi? Fl-attitudni? Fl-iskejjel? Ma nafx. Ngħid għalija naħdem bir-riżultat tal-formazzjoni li tkun diġà ngħatatilhom qabel mill-iskola. Għaldaqstant nista’ ngħid illi l-ikbar ostaklu li nsib fl-istudenti tiegħi huwa n-nuqqas t’abbiltà li jesprimu ruħhom tajjeb meta jiktbu teżi jew imqar teżina bl-Ingliż.

Għaddew is-snin minn żmien il-kulleġġ u qabel tlaqt minn Malta – sa lejn tmiem l-2004 – ftit li xejn kelli ħjiel ta’ x’kien sar jew ma sarx, min hu u min mhux, fil-qasam tat-traduzzjoni f’pajjiżna. Terġa’, ġaladarba ma kontx għażilt, anzi ’qas ħlomt, illi nsegwi xi kors tat-traduzzjoni, ftit li xejn kont midħla tad-Dipartiment tat-Traduzzjoni tal-Università ta’ Malta. Kien imbagħad lejn l-2006 li skoprejt – mill-pubblikazzjoni Malta’s Philosophy & Philosopherstal-istoriku tal-filosofija f’Malta Mark Montebello – illi sadattant kont ksibt, fost kwalifiki oħra, Dottorat mill-Università ta’ Bolonja taħt is-superviżjoni ta’ Umberto Eco. Lil dan il-letterat Taljan, qabel bdejt naqrah sewwa, fil-biċċa l-kbira skoprejtu tramite diversi kwistjonijiet illi kellu mal-intellettwali ta’ żmienu. Il-konfront m’Antonio Tabucchi, pereżempju. Il-kwistjoni tal-bojkott tal-Festival tal-Ktieb ta’ Ġerusalemm. Dan il-mod kif niddjaloga ma’ Eco baqa’ miegħi, anke wara l-qari, bis-saħħa tal-eloġji magħmula lilu mill-filosofu Gianni Vattimo, l-iżjed m’ilux wisq mal-aħbar ta’ mewtu. Bħal Eco, Vattimo kien student tal-filosofu Luigi Pareyson. Donnu hemm rabta bejn dawn il-ħassieba ta’ dik il-ġenerazzjoni, iżda lil Eco għadni sal-lum ma nafx fejn inpoġġih. Tul is-snin illi domt tgħix u tistudja f’dak l-ambjent, kif kont tqis il-preżenza t’Eco fi ħdan ix-xena akkademika Taljana? 

Il-Professur Umberto Eco kien wieħed mill-iktar intellettwali importanti tal-Italja. Kien ħassieb li ma kienx joqgħod lura milli jesprimi l-opinjonijiet tiegħu – anki dawk li kienu kontra l-kurrent – fi spazji pubbliċi bħat-televiżjoni u l-ġurnali. Filfatt kiteb tul bosta snin fl-aħħar paġna tar-rivista L’Espresso li toħroġ kull nhar ta’ Ġimgħa. Kien iwassal l-ideat tiegħu fuq diversi suġġetti intellettwalment esiġenti, iżda mbagħad dejjem b’xeħta popolari u b’nikta t’umoriżmu. Kien proprju dan id-don li kellu: il-ħila li jfisser argumenti storiċi, filosofiċi, letterarji, politiċi u morali b’lingwa ċara li tinfthiem minn firxa wiesgħa ta’ nies mingħajr ma jissimplifika żżejjed.

Prof. Clare Vassallo ma' Umberto Eco
Prof. Clare Vassallo ma' Umberto Eco

Jekk trid iddaħħlu ġo xi kaxxa filosofika tal-klassifikazzjoni tal-ħsieb naħseb li ma tmurx ’il bogħod wisq jekk issejjaħlu pragmatist. Il-modi kif kien juża b’ċerta ħila approċċ u lingwa ta’ sens komun fit-tfittxija tas-sens fl-atti ta’ komunikazzjoni – intenzjonati jew mhux – huma msejsa fuq ix-xogħol tal-pragmatist Amerikan Charles Sanders Pierce. Is-semjotika kontinentali ta’ Eco hija mibnija fuq is-sisien tal-ħsieb ta’ Pierce u fuq id-diskussjonijiet dwar is-sens fl-istorja tal-filosofija kollha kemm hi: Platun u Aristotile, Santu Wistin u Tumas Akwinu, Bacon, Locke, Leibniz, Spinoza, Kirche, Russel, Austin, kif ukoll xjenzati, matematiċi, lingwisti u speċjalisti tal-informatika artifiċjali.

Iżda mhux biss fil-filosofija imma anke fil-letteratura nsib li Eco asserixxa ruħu b’mod interessanti ħafna. Ippubblika l-ewwel rumanz tiegħu Il nome della Rosa (1980) meta kellu ftit iktar min ħamsin sena. Ġie tradott f’bosta lingwi u anki fit-traduzzjoni kiseb rekords kbar ta’ bejgħ. Dan ir-rumanz jittratta b’mod ċentrali l-istess tematika tal-ħsieb tiegħu: it-tfittxija tas-sens moħbi fil-lingwaġġ u fid-dinja naturali ta’ madwarna. Ċentrali f’dan ix-xogħol huwa l-karattru William of Baskerville bbażat fuq il-karattru famuż Sherlock Holmes t’Arthur Conan Doyle: il-moħħ tal-investigatur jaħdem sabiex jiskopri u jifhem l-indizji moħbija, sewwasew bħalma jagħmlu l-filosofi u s-semjotiċi fit-tfittxija tas-sens fid-dinja ta’ madwarna, fil-kulturi u fil-lingwi. 

Għallimt tul bosta snin fid-Dipartiment tal-Istudji tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija, u l-Interpretar tal-Università ta’ Malta. Intant żgur rajt tkabbir tal-industrija tat-traduzzjoni f’pajjiżna, kemm dik letterarja u kemm dik teknika. Bla d-dubju t-traduzzjoni ngħatat spinta f’dal-aħħar snin, l-iżjed wara li Malta saret membru sħiħa tal-Unjoni Ewropea. Biss, ħafna tradutturi għadhom jgħidu li fadal ħafna xi jsir sabiex it-traduzzjoni tingħata r-rikonxximent mistħoqq bħall-professjonijiet oħrajn. Dan mhux biss jgħodd għad-dinja tal-letteratura, iżda wkoll għal dik teknika. Għad hemm nuqqas t’għarfien dwar il-prestiġju tal-istudji u l-prattiki traduttoloġiċi, b’mod partikulari fis-suq tal-kotba. Is-suq tat-traduzzjoni teknika, l-iżjed f’pajjiżna, ma jippromettix wisq lanqas. X’nuqqasijiet tidentifika fis-swieq tat-traduzzjoni f’Malta? Donnu fil-biċċa l-kbira nett l-istudenti jippreferu jikkonċentraw fuq it-traduzzjoni teknika iżjed milli fuq dik teoretika jew letterarja, aktarx minħabba l-perkaċċi li joffru l-impjiegi lingwistiċi tal-UE. Min-naħa tiegħek bħala għalliema f’dan il-qasam x’aspettattivi tinnota fost l-istudenti tat-traduzzjoni?

Jiena ngħallem lill-istudenti kollha fil-kors tat-traduzzjoni, kemm għax l-aspett teoretiku ġie fdat f’idejja u kemm għax dawn il-krediti huma obbligatorji għalihom ilkoll. Nagħti żewġ korsijiet fit-teorija tat-traduzzjoni: Temi Storiċi u Rikurrenti u Teoriji Kontemporanji. Minbarra dawn it-tnejn ngħallem ukoll kors ieħor għall-grupp kollu rigward is-sens minn lenti pragmatika, semantika u semjotika.

Barra minn hekk ngħallem fl-istream tat-traduzzjoni letterarja. Nista’ ngħid illi fost dawn perċentwal żgħir biss jagħżlu l-letteratura. Fil-biċċa l-kbira l-istudenti għadhom jagħżlu t-traduzzjoni awdjoviżiva jew inkella teknika. Dan għax hemm iżjed opportunitajiet ta’ xogħol f’dawn l-oqsma milli fit-traduzzjoni letterarja. F’dar-rigward nixtieq ngħid illi l-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qegħdin ikunu strumentali ħafna fil-ħolqien ta’ traduzzjonijiet letterarji ta’ xogħlijiet Maltin. 

Madankollu, ħaġa li għadha nieqsa fil-ħwienet tal-kotba tagħna hija sezzjoni apparti għax-xogħlijiet Maltin maqluba f’lingwi oħra. Dawn il-kotba bħalissa qegħdin bħal jinħbew bejn il-kotba bil-Malti – preċiżament fejn il-barranin u dawk li ma jafux jaqraw bil-Malti s-soltu ma jmorrux ifittxu. Kieku l-ħwienet joħolqu sezzjoni viżibbli apposta għalihom aktarx dawn il-kotba importanti jinbiegħu iktar, anke meta xi darba għad jerġgħu jibdew jiġu fostna iżjed turisti kurjużi dwar il-kittieba u l-ideat tagħna l-Maltin.

Bħalissa qiegħda tittraduċi għall-Ingliż bosta poeżiji tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila. Jidhirli li lil Psaila ltqajt miegħu pjuttost tard fil-karriera tiegħek. U jekk inhu hekk, il-proġett tiegħek żgur serviek ta’ ċerta sfida u żgur ukoll illi ħalla ċertu impatt fuq il-mod kif tiddjaloga u taħseb fi Psaila bħala poetika romantikun ewlieni tal-ilsien Malti. Kif kont tħares lejh qabel bdejt il-proġett? Kif qiegħda tarah issa? Anke jien illi ħadt mingħand talin bħal dawn, fost oħrajn Oliver Friggieri, kultant inħoss illi f’ċerti aspetti tajjeb jew ħażin Psaila ma tantx xjaħ tajjeb tul iż-żminijiet. Nasal ngħid dan ukoll rigward il-ferm mibki Oliver Friggieri. Minn banda dawn ir-rimarki jorbtu wkoll mal-mistoqsija preċedenti rigward Umberto Eco. Kif tħossok taqleb għall-Ingliż – ma ninsewx illi t-traduzzjoni hija l-iżjed għamla intima ta’ qari – il-personalità sħiħa ta’ Psaila? Barra, għaliex taħseb illi vallapena taqleb poeta nazzjonali militanti – ikun min ikun, mhux bilfors Dun Karm tagħna – jinqaleb fi lsien ieħor? 

Naħseb li huwa ferm importanti li naqilbu x-xogħlijiet tagħna f’lingwi oħra. Ix-xogħlijiet tal-kittieba, il-poeti u d-drammaturgi tagħna huma r-riflessjoni ta’ dak illi aħna bħala nies – bħala nies uniċi, partikolari u interessanti. Aħna żgħar ħafna. Dak fatt. U l-kitbiet tagħna jistgħu jinqraw biss minn ftit eluf ta’ nies. Xorta waħda l-kittieba Maltin jagħmlu tajjeb li jiktbu bil-Malti iżjed milli bl-Ingliż jew b’xi lingwa oħra biex isibu iktar qarrejja għax jenħtieġ li l-polz tal-poplu jgħaddi tul l-arterji ħajjin tal-lingwa. Jekk il-kittieba u t-tradutturi jaħdmu flimkien dan ix-xogħol jista’ jiftaħ bħal tieqa għal dawk li ma jistgħux jaqraw bil-lingwa tagħna.

Dan jgħodd sew għall-kitbiet tal-imgħoddi u sew għal dawk tal-lum. F’dar-rigward Dun Karm Psaila jagħmel parti importanti u sinifikanti mill-istorja tal-kitba Maltija. Għaldaqstant dan huwa proġett fejjiedi u sfida meħtieġa. Bħalissa qiegħed jinqaleb f’ħames lingwi. Ngħid għalija, veru li ma kontx midħla tal-poeżija tiegħu qabel ma dħalt għall-isfida interessanti li nittraduċi x-xogħol tiegħu. Madankollu llum iktar ma naqrah iktar nammirah. Tassew qiegħda nieħu gost ħafna naqleb dawn l-erbgħin poeżija tiegħu għall-Ingliż. Madankollu nixtieq inżid illi kieku ma kellix l-inkuraġġiment tal-Professur Oliver Friggieri ma naħsibx li kont nidħol għaliha. Id-dispjaċir tiegħi, ovvjament, issa huwa li ma nistax inkompli niddiskuti dawn it-traduzzjonijiet miegħu bħalma kont qiegħda nagħmel fil-bidu.

Kmieni din is-sena għadek kif ippubblikajt il-ġabra ta’ stejjer qosra għall-Ingliż Vespers ta’ Trevor Zahra. Qabelxejn – din hija kurżità u mhux bilfors xi kritika lejn dan l-awtur Malti – għażilt proprju dan ix-xogħol ta’ Zahra? Ma nemminx illi naf lil Zahra biżżejjed. Kont naqrah ħafna – ġieli anke wkoll lil missieru – meta kont fl-iskola primarja u fil-bidu ta’ dik sekondarja. Min żmien għal żmien imbagħad xorta komplejt naqrah, iżda qatt b’xi interess tabilħaqq assidwu. Forsi għax bqajt nassoċjah ħafna mal-kotba għat-tfal, ma nafx. Li naf żgur huwa illi t-tentattivi erotiko-letterarji Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa u Minn Taħt iż-Żipp ftit li xejn kienu laqtuni. Ma niskantax: abbli dawn id-diżappunti rrinforzaw fija dika l-perċezzjoni. Konxju li din il-valutazzjoni tiegħi tista’ tkun żbaljata – X’taħseb illi huma l-aqwa merti letterarji ta’ Zahra bħala kittieb? 

Id-deċiżjoni li naqleb l-istejjer ta’ Trevor Zahra għall-Ingliż kienet parti minn pjan ikbar li kelli. Bħala prattika u stħarriġ fit-traduzzjoni letterarja – triq illi qbadt m’ilux – qtajtha li naħdem fuq kollezzjonijiet ta’ novelli minflok fuq rumanzi sħaħ. Diġà qlibt għall-Ingliż tliet novelli ta’ Pierre J. Mejlak minn Having Said Goodnight (Merlin Publishers, 2015), ġabra sħiħa ta’ Joe Friggieri Straight to the Point and Other Stories(Kite Publishers, 2019) u novella ta’ Walid Nabhan.

Vespers
Vespers

Il-ktieb Vespri ta’ Zahra fih sitta u tletin storja – sitta u tletin vuċi u sitwazzjoniet differenti. Dawn offrewli ħafna spazju fejn nimraħ u niskopri jekk filfatt kellix il-ħila nwettaq dan ix-xogħol. Zahra kien kuntent, u dak għeni ħafna. Il-ktieb Vespers għadu kif ħareġ din is-sena minn Merlin Publishers. Jista’ jinxtara online mingħand Merlin jew mill-ħwienet tal-kotba lokali.

More in Arti