Letteratura | Il-qagħda żvantaġġjata tal-letterati Maltin fl-UE; Stedina għall-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba 2021
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kevin Saliba jsegwi ilment illi ressaq m’ilux Alfred Sant lill-Kummissjoni Ewropea rigward ir-regoli attwali li jrieġu l-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura. Sant staqsa għaliex il-pubblikaturi politiċi qegħdin jiġu esklużi milli jikkompetu f’dan il-konkors, saħansitra meta ma hemm ebda regola uffiċjali li teżiġi skwalifika awtomatika għal xogħlijiet letterarji maħruġa minn dawn il-pubblikaturi. Saliba jikkummenta dwar diskussjoni bejn diversi awturi Malti, imqajma ftit jiem ilu fuq il-midja soċjali mill-kittieb John Portelli, rigward l-ilment imressaq minn Sant. Ikompli billi jfisser ukoll l-implikazzjonijiet projbitivi ta’ ċerti regoli relevanti oħrajn li tabilħaqq żgur jinsabu fis-seħħ filwaqt li jistieden lil-letterati tagħna biex iressqu ilmenti bħal dawn fil-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba tad-29 ta’ Mejju.
Din il-ġimgħa l-kittieb, fundatur tad-dar ta’ pubblikazzjoni Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) u Membru Parlamentari Laburista Alfred Sant ressaq Mistoqsija Parlamentari lill-Kummissjoni Ewropea (KE) rigward ir-regoli attwali li jrieġu l-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura (PUEL) tal-programm Creative Europe. Bid-domanda tiegħu Sant bħal insinwa li l-pubblikaturi politiċi m’humiex jingħaddu b’eleġibbli biex jieħdu sehem f’din l-opportunità tijennali. Żied jgħid illi safrattant ir-regoli ppubblikati fis-sit web tal-KE mkien ma jispeċifikaw illi xogħlijiet letterarji mitbugħa minn pubblikaturi politiċi huma esklużi milli jikkompetu f’dan il-konkors. Għaldaqstant talab lill-KE tressaq kopja sħiħa tar-regoli tal-PUEL sabiex tingħata kjarifika dwar il-kriterji speċifiċi li minkejja kollox jiskwalifikaw b’mod awtomatiku ’l dawn ix-xogħlijiet letterarji.
Ta’ min ifakkar illi din il-Mistoqsija Parlamentari ta’ Sant saret biss ftit jiem wara li l-Creative Europe Desk (Malta) ħabbar illi l-kittieba Maltin Joe Pace (Papa Aħmed) u Lara Calleja (Kissirtu Kullimkien) – it-tnejn ippubblikati minn Merlin Publishers – ġew innominati għall-PUEL. Ħabbar ukoll li r-rebbieħa ser jitħabbru f’avveniment diġitali fit-18 ta’ Mejju. Għandna nifhmu li Sant – il-fundatur tad-dar ta’ pubblikazzjoni SKS li issa ilha s-snin stabbilita – jista’ jkollu interess personali fil-lista l-qasira mħejjija m’ilux mill-ġurati ingaġġati mill-Akkademja tal-Malti għal dan il-konkors letterarju Ewropew. F’dan mhemm xejn ħażin, sintendi, iżda l-mistoqsija hawnhekk toħroġ weħidha: seta’ kien hemm xi xogħlijiet mitbugħa mill-SKS illi twarrbu abbażi ta’ dan il-kriterju? Nemmen li jkun xieraq, ġaladarba issa qam dan il-każ, li f’dar-rigward sew il-KE u sew l-Akkademja tal-Malti flimkien mal-ġurati magħżula minnha jaqsmu l-fehmiet tagħhom mal-pubbliku, b’mod partikulari mal-kittieba u mal-pubblikaturi interessati.
Il-premji letterarji, kemm lokali u kemm internazzjonali, spiss iqajmu l-kontroversji. Fula f’qargħa trid tkun biex premju jiġi u jgħaddi, ikun liema jkun, bla ma jsir ebda tgergir. Tul l-aħħar sena f’din il-paġna kkumentajt dwar dan diversi drabi, b’mod partikulari kwantu l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019. Bħalma ġieli rrimarkajt, mhux għax jien inzerta għandi xi stima kbira lejn konkorsi bħal dawn jew wisq rispett lejn awturi li jqisu ’l dat-tlielaq bħala l-ogħla (jekk mhux ukoll l-uniku) ċertifikat letterarju validu immaġinabbli. Pjuttost minn daqqiet nagħmel dan għax jidhirli li l-premji letterarji, tajjeb jew ħażin, xorta jibqgħu suġġett kurrenti ta’ interess partikulari għas-segwaċi tax-xena letterarja. Ibda biex il-battibekki li ġieli joħolqu dawn il-premji għandhom ħabta jixħtu dawl siewi ħafna fuq il-qagħda tal-industrija tal-ktieb u fuq id-diffikultajiet li l-awturi tagħna jaffaċċjaw biex jasserixxu ruħhom fix-xena. Barra dan, ikun tajjeb ukoll illi din il-paġna kultant toffri, minn żmien għal żmien, kummentarji dwar materji letterarji saljenti bħal dawn: għalxejn nikkritikaw ix-xogħlijiet letterarji kemm-il darba mbagħad ma nqisux bis-sħiħ il-kundizzjonijiet spiss xejn favorevoli li l-awturi jaħdmu fihom.
Il-Mistoqsija Parlamentari t’Alfred Sant qajmet diversi reazzjonijiet validi, b’mod speċjali fuq il-midja soċjali. Uħud minnhom saħansitra ġibdu l-attenzjoni dwar anomaliji oħrajn illi qegħdin ipoġġu lil ċerti kittieba Maltin fi żvantaġġi pjuttost inġusti. Fost dawn laqatni kumment mill-kittieb John Portelli li – kif mistenni sintendi – bħal Sant ftit li xejn jaqbel ma’ dan l-allegat kriterju projbittiv. Difatti fuq il-paġna tal-Facebook tiegħu Portelli stieden – ta’ min jgħid illi b’mod mill-iżjed ġenwin – lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, lill-bqija tal-għaqdiet tal-Malti u lill-pubblikaturi lokali kollha biex f’dan ir-rigward ma jonqsux milli jiddefendu lill-kittieba tagħna. Ġenwina kemm kienet ġenwina, l-istedina ta’ Portelli – bħalma rrimarka l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) Mark Camilleri fir-rispons tiegħu għal dan l-appell – għandu mnejn ma kinitx f’lokha għalkollox, l-iżjed għax fil-frattarija tal-mument injorat ċerti realtajiet purament tekniċi, bħal ngħidu aħna min hu responsabbli minn xiex fil-proċeduri amministrattivi tal-PUEL. Il-fatt illi l-KNK jamministra l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb (PNK) b’ebda mod ma jfisser illi din l-entità lokali għandha wkoll xi rwol deċiżiv fit-tfassil tar-regoli li jrieġu premjijiet oħrajn. Jekk niġu f’dan, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK – bħalma rrimarka tajjeb Camilleri – lanqas biss għandu influwenza fuq id-deċiżjonijiet aġġudikattivi tal-ġuriji tal-PNK, aħseb u ara, mela, kemm jista’ jimponi fehmtu bi dritt fuq deċiżjoni meħuda minn għaqdiet terzi, f’dan il-każ l-Akkademja tal-Malti. Wisq inqas imbagħad jista’ jisfida b’mod leġittimu – ġaladarba l-KNK s’issa għadu mhux f’qagħda li jiġi rrikonoxxut mill-Kunsill Ewropew tal-Kittieba (KEK) – il-kriterji mfassla mid-deċiżuri tal-konsorzju li jamministra l-PUEL. Għaldaqshekk Camilleri fisser illi fil-mument m’għandu ebda bażi legali biex jieħu xi passi rigward din ix-xorta ta’ ilmenti. Iktar importanti minn hekk, żied jgħid illi – l-iżjed meta nqisu li r-rwol prinċipali tal-Akkademja huwa li jmexxi ’l quddiem l-ilsien Malti iżjed milli jfettaq fuq il-locus standi tal-letterati mal-KEK – l-uniku mod kif il-KNK jista’ jikseb u jaġixxi fuq din il-bażi legali huwa billi dan jibda jitqies mill-KEK bħala r-rappreżentant ewlieni tal-kittieba tagħna fil-livelli kollha. Camilleri sostna li sabiex isir dan – kif diġà saħaq bosta drabi dan l-aħħar – it-treġija tal-KNK jenħtieġ tibda tinħatar bi proċess demokratiku mill-partijiet interessati kollha fl-industrija tal-ktieb u mhux iżjed mill-Gvern. Il-ħtieġa li ssir dina r-riforma elettorali donnu timplika, fost ħwejjeġ oħra, li l-KEK ma jirrikonoxxix entitajiet rappreżentattivi maħtura b’mod dirett mill-Gvern. Camilleri temm iħeġġeġ biex qabelxejn ilmenti bħal dawn isiru fil-fora x-xierqa, fosthom l-ewwel nett fil-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba tad-29 ta’ Mejju.
Mal-ħin segwew bosta kontributi interessanti minn għadd ta’ kittieba. Qabelxejn, ħaġa ċara li kulħadd fehem il-pożizzjoni ta’ Camilleri u li żgur ħadd m’akkuża lill-KNK illi naqas milli jiddefendi l-interessi tal-kittieba Maltin fuq il-livell Ewropew. Madankollu nemmen illi wħud minn dawn il-kontributi, b’mod partikulari ċerti mistoqsijiet f’waqthom illi saru, tassew stħaqqhom diskussjoni għalihom u tkun ħasra jekk ma jerġgħux isiru fil-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba. Uħud pirkażu staqsew jekk l-ilment ta’ Sant hux tabilħaqq minnu u jekk – ladarba r-regoli tal-PUEL huma aċċessibbli fuq is-sit web uffiċjali tal-Premju – ir-rimarki ta’ Sant humiex tassew iġġustifikati. Jibqa’ l-punt, madankollu, illi fis-sew primavista din ir-regola ma tidher imkien. Oħrajn bħali staqsew ukoll, bħalma rrimarkajt qabel, jekk filfatt din is-sena ngħatax il-ġenb lil xi awturi Maltin ippubblikati dan l-aħħar mill-SKS minkejja li jidher li ma hemm ebda regola li tistipula bl-iswed fuq l-abjad tali skwalifika.
Il-kittieb Karl Schembri, b’mod ferm iżjed pertinenti, intant xorta waħda staqsa jekk huwiex ġust illi l-kittieba jiġu skwalifikati minħabba n-natura tal-pubblikaturi rispettivi tagħhom. L-intervent ta’ Schembri mbagħad daħħal id-diskussjoni f’ambiti ferm iżjed konkreti, b’mod partikulari permezz ta’ din il-mistoqsija relevanti ħafna mill-kittieb Alex Vella Gera: “x’taħsbu dwar awtur li jiġi eskluż minħabba l-impjegatur tiegħu/tagħha?” Jidhirli li din il-mistoqsija – anzi, dan l-ilment konkret – akkont jirrigwarda kwistjoni ferm iżjed serja, l-iżjed meta nqisu li bosta mill-kittieba ewlenin tagħna jaħdmu ta’ tradutturi mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea. Nistqarr illi dan il-kriterju ma kontx naf bih. Li kont naf żgur hu li ftit snin ilu, sewsew fl-2014, dan il-premju intrebaħ minn kittieb lokali li kien impjegat ma’ istituzzjoni tal-UE, voldieri Pierre J. Mejlak bil-ġabra ta’ stejjer qosra tiegħu Dak li l-Lejl Iħallik Tgħid. Ħaġa ċara allura li kien biss dan l-aħħar illi dan sar ipprojbit, aktarx biex jiġi evitat kull kunflitt ta’ interess. Hu x’inhu, dan ifisser illi t-tradutturi Maltin li jaħdmu fl-UE – għal ġieħna wħud minnhom, fosthom Vella Gera stess, awturi ewlenin li fl-imgħoddi saħansitra rebħu wkoll il-PNK – issa ma baqgħux iżjed eliġibbli biex jikkompetu f’dan il-premju. Il-kittieba Loranne Vella – li fil-fehma tiegħi dis-sena setgħet faċilment sabet ruħha fost iż-żewġ finalisti tagħna bil-ktieb Mill-Bieb ’il Ġewwa – f’kontribut minn tagħha adirittura stqarret illi ġieli kkunsidrat tirriżenja mill-impjieg tagħha ta’ traduttriċi mal-istituzzjonijiet Ewropej ħalli ssir eliġibbli għal dan il-premju letterarju ewlieni tal-Unjoni Ewropea.
F’dawn il-kontributi mill-awturi tagħna, b’mod speċjali f’dak ta’ Loranne Vella, ma nistgħux ma nagħrfux kemm tassew tfisser u tgħallem il-kitba u l-pubbliċità internazzjonali għal-letterati tagħna. Minkejja li Alex Vella Gera osserva wkoll illi – ladarba l-ġurija tkun filfatt Maltija – dan il-premju mhuwiex unur purament kontinentali, kull kontributur fid-diskussjoni qabel bis-sod illi madankollu l-okkażjoni li xogħol il-kittieba Maltin jinqaleb f’ilsna Ewropej oħrajn bl-ispejjeż kollha koperti żgur ma tiġix kuljum. Għandi nifhem illi t-tħassib tal-parteċipanti jittratta sewwasew lil dan it-telf – forsi ftit li xejn iġġustifikat – ta’ din l-opportunità tant rari u tant meħtieġa. F’dar-rigward ma nistax ma naqbilx ma’ dan it-tħassib, iżjed u iżjed meta nqis illi Malta – minħabba ċ-ċirkustanzi ferm speċifiċi tagħha – abbli għandha l-akbar perċentwal Ewropew ta’ kittieba u tradutturi letterarji maġġuri li jaħdmu wkoll mal-istituzzjonijiet u mal-korpi tal-UE. M’hemmx dubju li apparagun din is-sitwazzjoni tpoġġina fi żvantaġġ sproprzjonat u kapaċi wkoll tnaqqas qatigħ il-livell ġenerali tax-xogħlijiet lokali mressqa għal dan il-premju Ewropew.
Mill-banda l-oħra napprezza wkoll, għall-inqas sa ċertu punt, il-fehma tal-awtur Mark Vella li rrimarka li forsi ma nistgħux inlumu lill-UE għaliex tadotta l-istandards regolari tagħha dwar xenarji possibbli ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali, b’xorti ħażina anke fil-qasam tal-letteratura. Biss, ngħid għalija daqstant ieħor ma nistax inlum lil ċerti kittieba tagħna – b’mod partikulari lil dawk ta’ din Malta ċkejkna – li f’sitwazzjonijiet bħal dawn spiss iħossu li qegħdin iħabbtu l-pinna għalxejn kontra ostakoli impossibbli. Ftit snin ilu kont sfajt f’qagħda assurda u f’xi aspetti kemxejn simili meta ressaqt applikazzjoni fi skema għat-tradutturi letterarji Ewropej imnedija mill-istess programm Creative Europe, għad illi dika d-darba l-anomalija fir-regoli kienet tinsab fl-istatus tal-lingwa-sors tat-test letterarju inkwistjoni. Minn dak l-inċident komplejt nifhem iktar u iktar – bħalma wara kollox kont diġà bdejt nittendi tul kemm domt impjegat mal-UE – kemm il-KE sikwit ftit li xejn tqis bis-sħiħ il-qagħda spiss partikularment anomala ta’ dawk illi f’xi kapaċità jew oħra jaħdmu bl-ilsien Malti fl-Ewropa.Lura għal Alfred Sant, sitwazzjonijiet bħal dawn ifakkruni f’waħda mir-riżervi ewlenin – ferm u ferm valida u attwali fil-fehma tiegħi – tal-eks mexxej Laburista kwantu l-adeżjoni sħiħa ta’ pajjiżna mal-UE: ma jagħmilx sens li l-UE dejjem taddotta – bħalma kważi dejjem għamlet għajr xi eċċezzjoni ’l hemm u ’l hawn – approċċ regolatorju wieħed għall-Istati Membri kollha, ikunu xi jkunu d-daqs u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tiegħu. Għaldaqshekk għandu mnejn ikun ferm iżjed ta’ fejda li Sant iressaq, sewwasew f’dan l-ispirtu kritiku, ilment lill-KE viżavì l-implikazzjonijiet projbitivi ta’ dan il-kriterju partikulari.
Hu x’inhu, nemmen bis-sħiħ illi diskussjonijiet bħal dawn – anke jekk stess għad jirriżulta li Alfred Sant did-darba forsi seta’ għaġġel wisq fil-konklużjoni tiegħu – kapaċi jagħmlu ġid kbir lill-ktieb Malti. Jekk xejn, iservu ta’ spunt li jagħti stampa ferm iżjed ċara tal-bosta diffikultajiet illi għadhom ixekklu l-isforzi tagħna l-kittieba u t-tradutturi fil-livell nazzjonali u xejn inqas lil hinn minnu. Għaldaqstant issa jenħtieġ illi dawn l-ilmenti jitpoġġew fuq nett tal-aġenda tal-Kungress Nazzjonali tal-Kittieba tad-29 ta’ Mejju li ġej.
Jenħtieġ ukoll, m’hemmx xi ngħidu, il-parteċipazzjoni sħiħa tagħkom.