Letteratura | Poplu tal-ħabba gozz; L-awtur Joe Pace dwarna l-Maltin
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din il-ġimgħa Kevin Saliba jitħaddet mal-finalist tal-Premju tal-Unjoni Ewropea (EUPL) Joe Pace. Qabelxejn jistaqsih jesprimi l-fehmiet tiegħu rigward il-kontroversji li nqalgħu dan l-aħħar matul il-proċess aġġudikattiv tat-tħejjija tax-xogħlijiet letterarji eliġibbli għal dan il-premju Ewropew. Id-diskussjoni mbagħad iddur fuq ċerti tendenzi ftit li xejn fejjieda tal-mentalitajiet dominanti tagħna l-Maltin, dwar jekk is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea tassew ġabitx dawk il-bidliet ferm meħtieġa u mistennija u dwar ir-rapport personali tiegħu mal-Knisja Kattolika tul is-snin. Tispikka fuq kollox il-frażi “poplu tal-ħabba gozz”.
KS: Qabelxejn nifraħlek talli ir-rumanz tiegħek Papa Aħmed wasal sal-lista l-qasira mħejjija għall-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura (EUPL). Kif taf din l-edizzjoni għamlet ferm iżjed ħoss minn dawk preċedenti, l-iżjed kaġun tal-kontroversji li nqalgħu rigward ir-rumanzi li tqiesu ineleġibbli għal dan il-konkors. Minn banda episodju bħal dan żgur kapaċi jiġġenera l-pubbliċità għall-kittieba inkwistjoni u għaldaqstant minkejja kollox jista’ wkoll, almenu sa ċertu punt, jingħadd b’sitwazzjoni pożittiva. Mill-banda l-oħra nifhem ukoll illi kontroversja bħal din tista’ tikkawża ċertu fastidju u ttellef mis-sodisfazzjon tal-finalisti u tar-rebbieħa. Biss, jidher illi l-biċċa l-kbira ta’ dawk illi kkummentaw kwantu l-esklużjoni ta’ ċerti rumanzi m’għamlux dan b’malafidi. Barra dan, nemmen illi bosta mir-riżervi mistqarra minn Alfred Sant u minn oħrajn dwar dan il-każ – kemm-il darba issa jingħataw widen – jistgħu jtejbu qatigħ l-livell tal-PUEL u saħansitra jżidulu l-prestiġju. Ġimgħa ilu staqsejt dan lir-rebbieħa Lara Calleja: x’inhuma l-veduti tiegħek dwar din il-kwistjoni? Taħseb li ċerti ilmenti li tqajmu kienu ġġustifikati?
JP: Nemmen li kull diskussjoni li ssir b’mod kostruttiv twassal għal titjib. Sa ċertu punt, ktieb miktub tajjeb ukoll jista’ jitqies bħala diskussjoni. Kont ninkwieta biss kieku wara dik id-diskussjoni kien hemm xi skop moħbi. Nemmen li f’din il-kontroversja ma kienx il-każ. Jekk niġu f’dan, jista’ jkun hemm ukoll skop moħbi wara ktieb. Għalhekk trid toqgħod attent: trid tifhem, tixtarr, tirriċerka u tistaqsi. Riċerka ma tfissirx ġirja ta’ malajr fuq Google u Facebook. Fil-każ speċifiku tal-PUEL ta’ din is-sena, naħseb li kien hemm xi ftit miżinformazzjoni u xi gazzetti saħansitra xerrdu ideat ħżiena. Kont nistenna li l-organizzaturi jiċċaraw mill-ewwel ir-regoli ta’ din l-edizzjoni kif ukoll l-istadju li kienet waslet fih. Xi ħadd anke ħareġ jgħid li l-premju kien diġà ngħata lil xi awtur u mbagħad itteħidlu, tant li mbagħad jien u Lara Calleja ġejna nidhru koroh jew tat-tieni klassi.
Dwar jekk kotba ta’ pubblikaturi assoċjati ma’ partiti politiċi għandhomx jiġu esklużi mill-premju, ngħid għalija nippreferi li jkunu inklużi wkoll u mbagħad l-udjenza titħalla tasal għall-konklużjonijiet tagħha dwar xi jgħidu dawk il-kotba. Ovvjament, dan kollu irridu narawh mil-lenti wiesgħa tal-Unjoni Ewropea (bil-partikularijiet ta’ kull pajjiż) u mhux biss mil-lenti tagħna l-Maltin. Hu x’inhu din hija biċċa xogħol kumplessa.
KS: F’kumment li tajt lill-gazzetta The Times of Malta s-sajf li għadda stqarrejt bla kantunieri li wieħed mill-mottivi ewlenin illi nebbħuk tikteb dan ir-rumanz kien l-osservazzjoni tiegħek li aħna l-Maltin donnu naħsbu li aħna l-akbar nazzjon illi qatt inħoloq. Tant hu hekk li anke bħala Kattoliċi – dejjem jekk filfatt għadna nistgħu nissejħu hekk – spiss saħansitra rriduha wkoll ta’ “Kattoliċi iżjed mill-Papa” nnifsu. Din il-perċezzjoni mhux biss imbagħad welldet fl-immaġinarju tiegħek il-karattru ta’ Papa Aħmed iżda wkoll – biex nerġa’ lura għat-tendenzi tagħna l-Maltin – narrattiva li tikkummenta rigward l-insularità tipika tagħna. Kemm taħseb illi din l-idea minfuħa tagħna bħala nies hija filfatt il-frott tal-insularità tagħna? Jista’ jagħti l-każ illi – bil-maqlub – hija pjuttost l-insularità tagħna li taħti l-iżjed għal din il-grandjożità xejn f’lokha tagħna? Jew forsi dat-tnejn ormaj issa saru jirrinforzaw lil xulxin?
JP: Jekk aħna nafu biss dal-erba’ mili li ngħixu fuqhom ser naħsbu li kollox huwa rappreżentat fihom. Moħħna, li hu mdorri jkejjel minn Marsaxlokk sal-Mellieħa, lanqas jibda jifhem x’inhu l-veru kobor u bogħod; xi tfisser li ssuq tul tlett sigħat u tibqa’ fl-istess pajjiż; li taqsam pont bejn żewġ pajjiżi u f’nofsu jkollok taqleb is-siegħa. Fil-passat konna neqsin mis-safar u allura ma kellniex idea tajba ta’ x’hemm fid-dinja. Is-sugu kien biss f’dak il-ftit li għandna f’pajjiżna u għalhekk konna niġġieldu għalih kull żewġ sekondi, għax dak biss kien hemm u kien u għadu ftit wisq biex jitma’ lil kulħadd. Mela aħtaf Ġuż!
Żid ma’ dan kollu in-nuqqas ta’ edukazzjoni (għax is-sistema ma tedukax iżda tgħaddi l-informazzjoni biss u għax kulħadd jaf kollox u m’għandux għalfejn jitgħallem) u tispiċċa b’poplu li mingħalih li hu l-pern tad-dinja – dinja li ’qas biss taf fejn hi Malta! U l-ftit li għallmuna dwar id-dinja kien jinkludi biss Buckingham Palace, Trafalgar Square u l-Eiffel Tower.
KS: Fost is-siltiet saljenti tar-rumanz tiegħek Papa Aħmed laqatni ferm il-ftuħ. In-narratur jinsab Ruma fi Pjazza San Pietru josserva l-eżitu finali tal-konklavi. F’ħin minnhom jistaqsi, bħal bejnu u bejn ruħu, jekk kienx possibbli li daqstant nies baqgħu jemmnu fil-Knisja Kattolika. Fil-kapitlu ta’ wara jgħidilna li mhux soltu jidħol ġo knisja. Għaldaqstant nifhmu li b’xi mod jew ieħor in-narratur tiegħek huwa apostata li ftit li xejn għandu kont tar-reliġjon. Sintendi mhix ħaġa li nassumu li l-leħen tal-karattri fittizji bilfors jirrappreżentaw bis-sħiħ il-fehmiet ta’ min joħloqhom. Iżjed u iżjed fil-każ tiegħek ġaladarba hemm xi jgħid illi b’xi mod jew ieħor għadek interessat qatigħ fi ħwejjeġ ekkleżjastiċi. Ibda biex f’intervista radjufonika ma’ Rachel Deguara għas-sensiela Taħt il-Qoxra rrimarkajt illi żort diversi lwiek marbuta mar-reliġjon Kattolika u li tul dawn l-aħħar snin segwejt mill-qrib ukoll il-ħidma pastorali ta’ diversi papiet, fosthom Ġwanni Pawlu II u l-Papa Franġisku. Niġu f’dan in-narrattiva tar-rumanz Papa Aħmed tittratta wkoll ir-rapport spiss xejn feliċi bejn it-tliet reliġjonijiet Abramiċi. Kif tiddeskrivi l-interess illi għandek fil-Knisja llum? Kif inbidlu tul is-snin ir-relazzjoni tiegħek mal-Knisja u mal-modi kif din tinterpreta l-Vanġeli u kif imbagħad tislet minnhom il-Katekiżmu tagħha?
JP: Semmejt kemm-il darba li jien kont midħla sewwa tal-Knisja. Bqajt abbati sakemm kelli madwar ħmistax-il sena u għal xi żmien kelli wkoll kariga żgħira fil-Kurja. Inħoss ukoll li dawk li jmaqdru lill-Knisja jinsew li sa ftit għexieren ta’ snin ilu ħadd ħliefha ma kien jaqbeż għall-batut. Mhux kollox kien jimxi sew u kien hemm abbużi. Imma kien isir xogħol ta’ fejda kbira minn nies li tista’ ssejħilhom qaddisin. Fl-esperjenza tiegħi ltqajt ma’ min kien jabbuża u ltqajt ukoll ma’ ħafna li kienu qaddisin.
Iċ-ċirkustanzi ta’ ħajti mbagħad mexxewni fi triqat fejn ma stajtx nibqa’ daqshekk midħla tal-Knisja. Ħassejtni ġġudikat minn min forsi jaħseb li l-bieb tal-Ġenna kien magħmul għalih biss. Ħasra, għax bħali hemm ħafna oħrajn li setgħu jkomplu dak ix-xogħol mibdi min-nies qaddisa li semmejt qabel. Kultant ikun hemm xi forma ta’ sinjal ta’ bidla imma nħoss li spiss ikun ftit wisq u tard wisq. Għalhekk imbagħad ma nibqax interessat.
Ma nistax nifhem lanqas kif f’isem l-istess Alla ta’ Abraham, Ġesù u Mawmettu għadna niżbranaw lil xulxin bi ħruxija annimaleska.
KS: Fl-istess intervista ma’ Deguara sħaqt illi bħal kull poplu ieħor aħna l-Maltin għandna dika x-xorta ta’ mexxejja politiċi li jixirqilna. Rimarka bħal din terġa’ teħodna lura għall-kummenti preċedenti kwantu ċerti mentalitajiet dominanti tagħna bħala poplu. Fl-istess nifs iddeskrivejt lill-Maltin bħala “poplu tal-ħabba gozz” u osservajt illi għaldaqstant m’għandniex għalfejn niskantaw wisq bin-nuqqasijiet gravi tal-mexxejja li naħtru. Għax tgħid ftit tas-snin ilu kien hemm bosta ċittadini li ħasbu li bis-sħubija sħiħa ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea l-influwenza tal-politiċi fuq il-poplu tagħna kien ser tbatti. Oħrajn bassru li għaldaqshekk kellhom jiżvolġu wkoll progressi liema bħalhom fil-kuxjenza kollettiva tagħna. Hekk kont taħseb int? Għandi nifhem illi bħali llum jidhirlek illi għall-inqas s’issa dan kollu fil-biċċa l-kbira għadu ma ġarax. Hu x’inhu, temmen illi għada pitgħada għad iddur il-folja? Kemm-il darba avveniment storiku bħal dak xorta waħda donnu ma bbastax, x’taħseb li jista’ jissuċċiedi biex forsi ma tafx kif ninfatmu minn dawk it-tendenzi xejn fejjieda li baqgħu magħna? Tgħid it-twettiq ta’ xi revoluzzjoni nobis minn ġewwa bħal dik illi ttanta jniedi l-Papa Aħmed?
JP: Inħobb ngħid li l-poplu mhux biss ikollu l-politiċi li jistħoqqlu imma anke t-tobba, l-għalliema, l-isportivi, l-atturi, il-ġenituri u l-awturi li jistħoqqlu. Jekk il-motto nazzjonali huwa “U iva mhux xorta!”, ma nistenniex imbagħad li nara poplu jistinka biex jilħaq xi riżultat superjuri. Kollox jgħaddi u ħadd qatt ma jinżamm responsabbli għal dak li jipproduċi jew jagħmel. M’hemm konsegwenza ta’ xejn għal ħadd. U jekk kollox jgħaddi, allura l-poplu huwa tal-ħabba gozz. Imbagħad nistennew dejjem il-mirakli: le, mhux nistinka jien imma noqgħod nistenna li jiġi xi salvatur (pirkażu l-Unjoni Ewropea) ħalli jirranġali kollox f’ħakka t’għajn. Basta nista’ ngħawweġ u nirranġa kif irrid biex nibqa’ nagħmel xogħol ta’ kafkaf. Imma nistaqsi jien: jekk li tagħmel xi ħaġa sew u li tagħmel xi ħaġa ħażin huma t-tnejn “xorta”, mela allura għaliex ma tagħmilhiex sew? Ngħid dan kolu filwaqt li niskuża ruħi ma’ dawk il-ftit eċċezzjonijiet li jagħmlu xogħol tassew superlattiv.
Ngħid għalija kont (u għadni) nemmen li l-Unjoni Ewropea kellha sservi biss ta’ brejk biex il-karozza ma tibqax nieżla rrankata għan-niżla. Ma stennejtx mirakli imma għall-inqas bis-sħubija issa hemm xi ħaġa li sservi ta’ kuxjenza għal min forsi jitħajjar ikompli jabbuża. Imma mbagħad biex titwettaq bidla, rivoluzzjoni, jekk trid, qabelxejn jenħtieġ ikollok preparazzjoni tajba. Trid tkun tgħallimt u qrajt u xtarrejt. Ma tridx toqgħod taħseb illi int iċ-ċentru tal-univers. UE u mhux, dan ftit għandna ħeġġa nagħmluh.
Iżda f’dar-rigward nistaqsi żewġ mistoqsijiet: dawk li fl-2003 għamlu kampanja sħiħa biex ma nidħlux fl-UE, kif issa għandhom il-wiċċ jippuppaw sidirhom quddiem xi proġett li sar bi flus li ma riduniex nieħdu? U kif il-poplu jerħiehom jippuppaw sidirhom qisu xejn mhu xejn?