Kotba | L-innoċenza: aktar sexy milli naħsbu li hi
Mark Vella jtemm il-qari ta’ Perfettament Imperfetta bit-tmaħħiħ dwar fil ta’ oskurità li dejjem għaddej minn dil-ġrajja li donnha tbigħ lilha nnifsiha bħala rumanz ieħor għaż-żgħażagħ, imma li bil-mod il-mod jikxef il-qawwa tat-tema sesswali u l-investigazzjoni tax-xewqaat u l-kilbiet tagħna
Love’s Baby Soft kienet fwieħa tas-sebgħinijiet li l-islogan tagħha kien “Because innocence is sexier than you think”. Fwieħa kummerċjali, xejn ta’ barra minn hawn, b’riħa li xxaqleb bejn il-lavandi tan-nisa u t-terra tat-trabi, u li f’termini ta’ marketing, kienet ipprezzata bix-xieraq biex tinxtara minn bniet żgħażagħ li qed jaspiraw li jkunu nisa anki mill-irwejjaħ li jarmi ġisimhom. Ir-riklam ċelebri, li llum ssibu fl-interent diskuss mil-lati kollha tal-politika kulturali, huwa t-tip ta’ pubbliċità li daż-żmien ’qas jirnexxilha toħroġ mill-istudio ta’ min ħoloqha: x’ċuċ hu l-aħħar riklami psewdo-seduċenti tal-Benna! U l-aktar f’dawn iż-żminijiet estremi li qed ngħixu fihom, fejn donnha tiġik nostalġija perikoluża ta’ era fejn ma konniex nieħdu għalina għal kull ħaġa ta’ xejn, anki jekk nafu li kienu żminijiet ta’ preġudizzji mfannda tant li kellna bżonn min iqajjimna minnhom. Imma donnu din it-triq ħadet mogħdija li ma nafux fejn se teħodna, kif naraw mill-kultura tal-isnowflakes sensittivi li trid toqgħod b’seba’ għajnejn biex ma tnaffarhomx, u l-cancel culture li tissogra teqred kull imgħoddi, kif donnu qed itihom it-Talibani dan l-aħħar, f’ġieħ il-politikament korrett jew l-ideoloġiku aktar maħsusa milli maħsuba, u żgur mhux b’mod approfondit.
Hawn mhuwiex lok għal trattati politiċi, u l-paragrafu ta’ qabel inżidlu ċ-ċaħda li qed jinkiteb biss għall-effett aħħari tal-artiklu. Imma Perfettament Imperfetta, li mhux se jaqla’ kjass bħal Li Tkisser Sewwi, żgur qatt mhu se jsib ruħu fis-sillabu, u nissogra ngħid li jaf isib il-bibien imsabbta f’wiċċu minn bosta libreriji tal-iskejjel. Jaf il-pubblikatur ukoll kellu dubju u problema kif se jippustjah, minkejja li għandna skoperta sorprendenti oħra mill-Merlin. Kirsten Spiteri, li s’issa kien beda jagħmel isem bħala kittieb tal-fantaxjenza bl-Ingliż, ibiddel għal kollox ir-rotta tal-kitba tiegħu, u jippreżentalna xogħol tal-apparenzi qarrieqa, kapaċi jagħmilha ta’ rumanz għaż-żgħażagħ mingħajr ma jinduna l-bouncer quddiem il-grada tal-moralità. Imma ma ddumx wisq ma tintebaħ bit-trijangolu ta’ mħabba, qatt magħqud, kważi inter-ġenerazzjonali, bi sfumatura, jekk mhux timbru msabbat bil-linka tqattar, Lolitesk.
Charlotte, tfajla qrib it-tmintax, li l-perfezzjoni tagħha tidher l-iktar mill-warrani grazzjuż tagħha, iġġennen lil Wade, tifel pubexxenti, u li s-Sur Ruggier, li ż-żmien sajru, imma li, kif ngħidu bejnietna, għadu jrid, bil-kilba tat-tfajjel għadu qed jiskopri d-dinja. Dawn iż-żewġ karattri jalternaw il-ħsibijiet tagħhom dwar din it-tfajla u kif eventwalment tibda tolqtilhom ħajjithom, f’kapitli datati miktuba daqqa minn wieħed u daqqa minn l-ieħor, li jagħtu lir-rumanz forma ta’ djarju minkejja li mhuwiex. Donnha din hi t-trovata tal-awtur li jinstema’ fuq il-paġna biss mit-tqassim temporali tal-ġrajja, u għall-bqija jħalli liż-żewġ karattri ewlenin jillustraw il-fissazzjoni tagħhom b’din it-tfajla-mara li, jekk ma ġġenninhomx lejn it-tmiem ta’ Humbert Humbert, xorta waħda għandha ġibda manjetika li ssammarhom għal fuqha.
L-awtur Spiteri, fil-fatt, ma jeżistix bħala xi forma ta’ narratur evidenti. U allura ma jindaħalx fid-dieher. Madankollu, il-qari ffukat ta’ dan ix-xogħol jikxef attitudni interessanti, forsi anki kuraġġuża, fil-mod kif il-karattri jingħataw il-libertà li jesprimu rwieħhom, l-istinti u l-ħsibijiet intimi u profondi tagħhom, mingħajr ma jħalli r-rumanz jaqa’ fl-iskabruż, il-vulgari jew il-banali. Għax dan, essenzjalment, storja ta’ sess. Minkejja t-tjubija innata ta’ kull persunaġġ, hemm dejjem fil oskur għaddej minn dan ir-rakkont, fejn kważi tista’ tinħasad, minkejja kull attitudni liberali li jista’ jkollok, fejn donnu xejn minn xejn, mit-teħid ta’ space cake ’l hawn u pirmla ’l hemm, sad-dettall dwar it-tnemmis u l-masturbazzjoni u l-faċilità tal-penetrazzjoni anali preludju għal orgażmi inkredibbli.
Spiteri mhuwiex pornografu, għalkemm kitbietu taf tqanqal sew fil-kuntest li ‘jtiha. Jippreżenta ġrajja ta’ passjoni umana kif inhi, mingħajr ebda piżijiet morali jew ħtieġa ta’ ġustifikazzjonijiet, ikunu xi jkunu, la biex iħarsu lill-awtur u lanqas biex iliġġmu lill-karattru. Il-mod kif il-persunaġġi jirrakkontaw dak li jgħaddu minnu, l-ewwelnett lilhom infushom, u hawnhekk naraw is-sens tal-organizzazzjoni djarjistika, huwa msoffi mil-limiti tal-ħtija u tad-dnub, għax dawk forsi jiżviluppaw wara, imma mhux sakemm tkun nibtet għal kollox ix-xewqa. U jaf din it-teknika tagħmel lill-ktieb mill-aktar awtentiku: realistiku mhux f’sens naturalistiku, imma ritratt riżonanti ta’ fażijiet differenti fil-ħajja tal-bniedem li, minkejja d-differenzi tagħhom, għandhom l-istess għatx klubi għat-twettiq fiżiku, l-imħabba, il-passjoni...il-mudullun tal-ftit żmien mogħti lilna fid-dinja.
Erġajt qrajt il-ktieb ta’ ħajti b’dan ir-rumanz, u forsi anki ħadt idea ta’ kif għad inkun ftit snin oħra. Jien ukoll, nagħtu każ, kont ippruvajt nuża l-mużika, bħal Wade imma bil-wisq akbar minnu, biex bil-kunċett tal-mixtape nersaq lejn mara li qatt ma setgħet kienet tiegħi, u nisirqilha bewsa biex immut bis-sodisfazzjoni li bistha. U tintebaħ li l-passjonijiet, fl-essenza tagħhom, ma jistgħu jitliġġmu minn xejn, anki jekk hemm tant x’jista’ jikkontrollahom. Sew Wade sew is-Sur Ruggier, fil-maturitajiet tant differenti tagħhom, Spiteri jagħtihomlna bħala ħielsa għal kollox, almenu fil-ħsieb l-aktar profond, u l-azzjonijiet tagħhom, lil hinn minn kull ġudizzju morali, joħorġu minn dan il-ħelsien stess. Hija kwalità tal-awtur li jitfa’ l-karattri tiegħu f’dinja fejn jaqdfu għal rashom: paradoss, għaliex hu qed jikkontrallahom mill-bidu sal-aħħar, imma s-suċċess ta’ dan il-ktieb jistrieħ f’din il-għażla tista’ tgħidilha ideoloġika fejn in-narrazzjoni titħalla timxi mill-momentum tagħha nnifsha.
Charlotte, ukoll, mhijiex Eva bit-tuffieħa. Qatt ma hemm mument, u jaf hawn id-differenza ewlenija milli x’jiġi f’moħħna bix-xebh ma’ Lolita, fejn din it-tfajla, imperfetta minkejja l-perfezzjoni tagħha, tiġi mpittra bħala l-għerq ta’ kull ħażen. Kull azzjoni tittieħed mill-karattri skont kif ikejlu r-responsabbiltà tagħhom u l-ġesti li jagħmlu, u fl-aħħar mill-aħħar, dik hi l-ħajja kif mgħejxa fil-mument fejn jitwettaq l-att. Wara kulħadd bravu, u mbagħad nistgħu noqogħdu mmaħħu jekk għażilniex sewwa dakinhar, u x’seta’ u ma setax kien. Charlotte hija wkoll magħġuna mis-soċjetà u d-dinja ta’ madwarha, kif ukoll prodott tal-passat personali tagħha: potenzjalment femme fatale li taħsdek minħabba l-età tenera imma l-attitudni żbukkata lejn dak li toffrilha l-ħajja, imma min-naħa l-oħra, it-tfajla tal-ħolm tar-riklami sajfin tal-ġelati jew tal-elf mod kif iċ-ċinematografija ppreżentatilna l-mara li ġġennen u ddawwar l-irjus. Għal darb’oħra jirnexxilu hawn Spiteri: imur lil hinn mill-konklużjonijiet faċli u skontati għal dawn il-kuntesti, u l-karattru ċentrali femminili jibqa’ jingħoġob f’din il-kumplessità tant reali. Tikka tifla, tifla mara, b’femminilità kompluta li ssostni t-tensjoni tan-nisġiet.
Għal darb’oħra, taħt kull xbiha tfuh, hemm irwejjaħ oħra. Saħansitra ntejjen. U anki togħmiet tal-imrar. Perfettament Imperfetta qatt ma jagħti ċ-ċans tal-waqgħa fis-superfiċjali jew l-ovvju, u l-pjaċir tal-qari tiegħu huwa fil-fatt il-ġbid kontinwu bejn l-apparenzi innokwi u dak li għaddej minn taħt. Jaf huwa wkoll ritratt ġenerazzjonali li forsi ma jdoqqx għal widnejn kulħadd, imma jirnexxilu jammetti ż-żifna bejn id-dawl u d-dlamijiet, speċjalment b’suġġett tant qawwi bħalma hija t-tiftixa u l-iskoperta sesswali, anki, fuq livelli psikoloġiku, bħala xprun, sikwit inkonxju ta’ tant mill-azzjonijiet tal-bniedem.
Jibqa’ xorta waħda ktieb dwar l-innoċenza, fis-sens tal-meravilja quddiem l-iskoperta u l-esperimentazzjoni, u anki l-perikoluż u l-ipprojbit. Xi ħaġa li tista’ tolqotna f’kull età, u taħjina mill-ġdid, minkejja kull konsegwenza u l-faxxinu li ġġorr magħha. L-innoċenza, hekk hu, taf tkun sexy għall-aħħar, wisq aktar milli naħsbu, u taħt kull deheb leqqien, hemm difetti li xorta jgħammxu u jħajru għalihom.