Kotba | 'Jien wieħed mill-iskomunikati'
Mark Vella jintebaħ li r-rivista letterarja online Il-Pont għalqet 9 snin ta' pubblikazzjoni kontinwa, u d-diskursata mal-editur tagħha tikxef wisq aktar milli bassar, speċjalment dwar l-itturufnati u l-iskumnikati tax-xena letteraja Maltija.
Patrick Sammut ma joqgħodx jomgħodha. L-istqarrija tiegħu tasal lejn l-aħħar tal-intervista, forsi frott il-provokazzjoni mis-suspett li ilu li għandi, imma jqis lilu nnifsu 'skomunikat' mill-irkejjen qawwija tal-ekosistema Maltija. Imma għax fil-fatt ekosistema, fejn ħaġa tiddependi minn oħra f'bilanċ delikat u li jista' jvarja, xogħol Sammut, speċjalment bir-rivista letterarja Il-Pont, xorta waħda ħaqqu attenzjoni partikolari. Mhux biss bħala ċelebrazzjoni tad-9 snin kontinwi sorprendenti tal-ħruġ ta' din ir-rivista online, imma anki għall-fatt li, kif joħroġ mid-diksursata miegħu, hemm ideat ċentrali li jmexxu din il-ħidma, jew aħjar dil-passjoni kostanti favur il-ktieb u l-letteratura.
Sammut fil-fatt ma jistħix jgħid li jagħti prijorità lil dawk il-kittieba li ma jgawdux mill-“barka” ta’ djar ta’ pubblikazzjoni magħrufa. Fil-fehma tiegħu, din il-barka taf tkun wiesgħa sew: ibda mid-disponibilità tal-pubblikatur, il-preżenza tal-ktieb konċernat f’kull ħanut tal-kotba, is-serħan il-moħħ li jidhru reċensjonijiet minnufih fuq il-gazzetti bla ma wieħed joqgħod jittallab. Argument li jaf jiżloq, għax lil hinn mid-dettat tas-suq u l-interessi personali, hemm ukoll 'selezzjoni naturali' li tagħżel id-dgħajjef mill-felħan. Kull kritiku u reċensur, madankollu, għandu l-kriterji tiegħu: Il-Pont jista' xi kultant jagħti l-impressjoni li jagħti wisq kas lill-awtur minsi, lil hinn mill-kwalità, imma s-saħħa tar-rivista hija wkoll fil-ħarsa globali li tadotta. Lil hinn mir-reċensjonijiet, hija x'aktarx sors uniku bil-Malti ta' aħbarijiet letterarji mid-dinja, katalgu regolari tal-attivitajiet letterarjiu li jseħħu Malta, u mgħarrfa sew dwar is-sitwazzjoni tal-kotba, tant li ġġib varjetà ta' ismijiet u realtajiet, mill-minsija għal qalb Sammut sal-kbar u l-magħrufa tal-imgħoddi u tal-preżent. Sammut, fil-fatt, qiegħed fuq iċ-ċirkwit letterarju daqs ħaddieħor: ir-rivista tintbagħat lil udjenza potenzjali ta' madwar 500 ruħ, u l-kotba li jagħżel huma sew xogħlijiet li jkunu interessawh iżda wkoll review copies mibgħuta regolarment mill-pubblikaturi.
Il-kritiku akkademiku jaf jitmeżmeż għall-istil ta' Sammut, li jżomm diskors sempliċi u kemxejn impressjonistiku. Iżda Il-Pont rivista letterarja virtwali b’kontenut varjat, bla ħafna pretensjoniiet, imma li xorta tinsisti fuq ċertu livell. L-enfażi hija fuq il-qasam letterarju lokali, imma ma tiddejjaqx toffri spazju lil awturi barranin. Tinkludi fiha t-tliet lingwi li aħna familjari magħhom: il-Malti, l-Ingliż u t-Taljan, u Sammut jaraha bħala pubblikazzjoni li tappella għal dawk kollha li jixtiequ jkollhom spazju fejn jidhru kitbiethom u għal dawk li jixtiequ jżommu ruħhom ftit jew wisq aġġornati mal-qasam letterarju lokali u lil hinn.
Il-Pont bdiet f'Settembru 2012, wara li Sammut 'tilef leħnu' għal ftit, minħabba li ma setax jibqa' jmexxi l-Paġna Letterja ta' Il-Ġens Illum li ma kinitx baqgħet toħroġ lanqas online. Ir-regolarità li tindara mix-xoghol fuq il-ġurnali, kf ukoll l-impenn ta' Sammut fil-kumitat tal-Għaqda Poeti Maltin fisser bosta kuntatti ma’ kittieba kemm Maltin, kif ukoll barranin, u l-fatt li kien tkisser sew kull ġimgħa jipprepara materjal letterarju varjat biex il-qarrejja regolari tiegħu jsibu x’jaqraw. Ir-rivista bdiet toħroġ darba kull xahar bi tmien paġni, li biż-żmien żdiedu għal 12-il paġna, u llum toħroġ f’Marzu, Ġunju, Settembru u Diċembru, b’edizzjoni extra f’Lulju wkoll, fuq il-pjattaforma ISSUU.com.
Bla ebda mistħija, Sammut jammetti li bħala reċensur jew kritiku jipprova jara l-pożittiv tax-xogħol li jkun, minkejja li dak li ma jkunx għoġbu jsemmih ukoll għalkemm ma jiqafx fit-tul fuqu. Ma jħossux wieħed minn dawk il-kritiċi li biex jidhru u jħallu impatt jikkonċentraw fuq in-negattiv u jkissru lil dak li jkun. Jemmen li hemm bosta kritiċi u reċensuri li jiktbu skont l-isem tal-awtur min ikun, u mhux skont ix-xogħol li għandhom quddiemhom. U għalhekk jifhem li minħabba f’hekk għad hemm bosta xogħlijiet letterarji ppubblikati li ngħataw il-ġenb u dan żgur ma jgħinx biex ikollna stampa ġenerali u veritiera tal-letteratura Maltija kontemporanja. Minkejja li hemm xogħlijiet letterarji li jispikkaw għax huma miktubin verament tajjeb, ma jfissirx li għandna nberrħu biss lil dawn. Għal Sammut “Id-dawl tal-istilel jispikka fuq sfond lejli”.
Il-ħarsa ta' Sammut hija wkoll waħda globali, f'kull sens. Minbarra li r-rivista mill-ewwel kellha ħarsa internazzjonali, bl-inklużjoni regolari ta' xogħlijiet oriġinali ta' kittieba barranin, Sammut għandu wkoll katalgu vast ta' xogħlijiet f'ismu, minn stejjer tat-tfal bil-Malti sa poeżija bil-Malti u bit-Taljan. Xogħlu bħala kritiku u reċensur ta frott ukoll liż-żewġ volumi ta' Minn Fomm il-Kittieb, ġabra ta' 104 intervisti mal-awturi, u l-aħħar pubblikazzjoni hija l-istudji kritiċi miġbura tiegħu, f'edizzjoni ta' Andrew Sciberras.
Xogħol, madankollu, li jibqa' fil-periferija, jew donnu jrid li jkun hekk. Sammut huwa parti minn skola 'alternattiva' ta' kritiċi, bħal Charles Briffa u Tarciso Zarb. Minkejja r-riżervi li wieħed jista' jkollu fuq ċertu xogħol tagħhom, bħalma għandi jien, jew inkella t-tendenza lejn ċertu metodu jew l-attenzjoni żejda lejn l-inklużjoni fis-sillabi u strutturi simili, huma ġgajta prolifika li xogħlijiethom wieħed jista' anki jħares lejhom imqar per dovere di cronaca. Hija spiss ukoll realtà interessanti tal-awtopubblikazzjoni, li b'xi mod iżżomm lil dak li jkun imbiegħed mill-kurrenti ewlenin. Sammut jaħdem ma' diversi pubblikaturi, imma jemmen li l-awtopubblikazzjoni hija l-iktar għal dawk li sfortunatament ma jsibux pubblikatur, u dan mhux dejjem għax il-livell ta’ xogħolhom ikun baxx.
Madankollu, Sammut jibbilanċja l-polemika potenzjali mal-aċċettazzjoni li d-dinja letterarja hija neċessarjment magħmula mir-rivalitajiet u l-konfronti. Xorta waħda, għandhom joħorġu fid-dieher. Jesprimi bil-qawwa l-fehma dwar l-eżistenza tal-klikek, u għalih min ma jammettihiex għax wisq probabbli jagħmel parti minn xi “familja” partikolari li l-bibien tagħha miftuħin għal ċerti kittieba u ħbiebhom u ħadd iżjed.
L-iskomunika, għal Sammut, tingħata lil numru ta’ kittieba validi minn djar tal-pubblikazzjoni partikolari, anki minħabba rivalità jew antipatija li tkun teżisti bejn individwi partikolari. Jgħid li hemm kittieba li tpoġġew fid-dawl minħabba l-barka ta’ kritiċi jew reċensuri jew djar tal-pubblikazzjoni u anki edituri ġurnalistiċi partikolari; oħrajn tpoġġew fid-dell minħabba isimhom u raġunijiet oħrajn, mhux bilfors għax ix-xogħol tagħhom hu medjokri jew mhux ta’ livell. Jistaqsi spiss, ukoll, għaliex fil-ħwienet tal-kotba tara dejjem fuq quddiem xogħlijiet ta’ ċerti ismijiet magħrufa biss, filwaqt li moħbijin wara jew fl-irkejjen issib bosta kotba oħra validi u interessanti.
U għal dan ir-raġuni, Sammut jagħlaq kburi li jqis ruħu mal-iskomunikati u proprju għax jaf minn xiex jgħaddu nies bħalu, ħareġ bl-inizjattiva ta’ Il-Pont li tqiegħed għad-dawl proprju lil dawn il-kittieba u xogħlijiet, għalkemm mhux biss. Interessanti, imbagħad, il-kostatazzjoni, u din diskussjoni usa' għal darb'oħra, li dan l-aħħar qed iseħħ żvilupp interessanti, saħansitra kurjuż u dovut għal bosta raġunijiet, fejn illum hemm djar tal-pubblikazzjoni li fehmu li hemm bosta kittieba “skomunikati” validi u qed jippubblikaw xogħlijiethom regolarment, xogħlijiet li qed jiġu ppremjati fuq livell nazzjonali.
Minn dak li ma magħadx Sammut, hemm ħafna x'tomgħod.
Ir-rivista online Il-Pont tinsab fuq: https://issuu.com/patrickj.sammut