Kotba | Edizzjoni kruċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb
Mark Vella jagħti daqqa t’għajn ħafifa lejn il-kisbiet kbar tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’dawn l-aħħar snin, u jara l-edizzjoni tal-2021 tal-Festival tal-Ktieb bħala kruċjali għad-destini ekonomiċi tal-industrija u għall-għixien tal-ħaddiema u l-familji assoċjati ma’ dan is-settur
Il-pandemija laqtitna lkoll, u speċjalment lis-settur ekonomiku li l-industrija tal-ktieb tagħmel parti minnu. Bħalma l-Gvern u l-Unjoni Ewropea daħlu biex jagħmlu tajjeb għad-danni ekonomiċi li ħalliet din l-imxija globali, fil-partikolarità tiegħu għamel l-istess il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li stinka biex iżomm l-industrija f'wiċċ l-ilma: Sew bix-xirjiet straordinarji ta' kotba mill-pubblikaturi kif ukoll bl-organizzazzjoni eċċellenti ta' Festival virtwali u b’konsulenza mal-pubblikaturi u l-bejjiegħa dwar l-attivitajiet online tagħhom sabiex ir-rota tkompli, minkejja kollox, iddur.
Għalhekk, issa li rġajna bil-mod il-mod għan-normal, u anki fid-dawl li issa Malta għandha waħda mill-aktar rati baxxi ta' infezzjoni fl-Ewropa, il-Kunsill qiegħed fl-aħħar waqtiet tal-organizzazzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb ta' din is-sena, li għandu importanza bħal qatt qabel. Festival li l-ewwelnett jimxi bil-pinna u l-klamar mal-protokolli tas-saħħa u mal-aħħar żviluppi fl-illaxkar ta' ċertu restrizzjonijiet, anki fid-dawl tal-fatt li bi pjaċir rajna r-ritorn ta' fieri tal-kotba organizzati minn xi entitajiet privati. Bħalma qed jiftaħ u jillaxka kollox tikka tikka u bi prudenza raġunata, l-istess jgħodd għall-industrija tal-ktieb li diġà kellha l-ewwel sfida ftit xhur ilu meta ma setgħetx tibqa' tuża Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bħala s-sit tradizzjonali tagħha.
L-użu ta' din is-sena tal-MFCC madankollu għandu l-potenzjal għal udjenzi akbar u anki ġodda u differenti. Tant hu hekk li din is-sena se tara wkoll għadd rekord ta' esebituri, sinjal ċkejken minn ħafna, iżda xorta importanti, tal-mod kif l-industrija tal-ktieb baqgħet tipprova tegħleb id-diffikultajiet li ġab miegħu daż-żmien imwiegħer. Barra minn hekk, se jkun hemm l-ingredjenti tas-soltu li jagħmlu dan il-Festival avveniment tant importanti, mhux biss fil-kalendarju kulturali Malti, imma wkoll fil-kuntest kummerċjali: l-enfażi fuq it-tfal u t-tixrid tal-importanza tal-qari, l-ispazju biex il-pubblikaturi u l-awturi jniedu xogħlijiet ġodda, l-avvenimenti ta' diskussjoni u qsim ta' ideat, u l-mistednin speċjali, l-ewlieni fosthom dis-sena l-awtur Skoċċiż Irvine Welsh.
Bla flus...
...għax, fl-aħħar mill-aħħar, id-dinja tal-lum tmexxina lejn il-famuż bottom line, minkejja kull ħsieb għoli tagħna dwar il-fejda tal-ktieb. Mhix biss kwistjoni ta' bejgħ u qligħ tal-mument, minkejja li fatt magħruf li l-Festival huwa mistenni minn kull min jaħdem fid-dinja tal-ktieb bħala dawk l-erba/ħamest ijiem fejn il-balance sheet tirpilja daqsxejn u l-imħażen jitbattlu tikka oħra. L-aħħar statistika tal-NSO dwar l-industrija tal-ktieb (u x'aktarx l-ewwel waħda komprensiva dwar is-settur) turi biċ-ċar li, minkejja kull ċokon relattiv, is-settur jiġġenera madwar €5 miljun bejgħ, anki jekk qala’ daqqa tajba fis-sena tal-pandemija. Toħroġ naturali li, fid-dawl ta' dawn il-flejjes, iż-żieda fil-kotba maħruġa, u anki l-għarfien tar-realtà kumplessa tal-pubblikazzjoni li mhijiex biss it-tlieta erba' djar tas-soltu, għandek għadd ta' nies li b'xi mod jew ieħor jaqilgħu x'jieklu minn din il-professjoni.
Ħaddiema b'familji xi jmantnu. Mill-bejjiegħ bl-imnut, sad-distributur u l-istampatur, biex ma nsemmux il-waħdiet relattivi tal-pubblikaturi, imma anki xibka ta'ġ professjonijiet anċillari li xorta waħda jiddependu, min fi grad min f'ieħor, mis-saħħa tal-industrija, bħat-tradutturi, il-qarrejja tal-provi u l-edituri, id-disinjaturi grafiċi. Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa għalhekk, prożajkament, it-termometru tas-saħħa tal-industrija, imma wkoll il-mument indispensabbli għall-promozzjoni tal-prodott lil udjenzi usa' u għat-tiftix ta' qligħ fundamentali li, l-ewwelnett, jgħajjex lin-nies, u sussegwentament, iwitti t-triq biex jitkomplew il-ħolqien u l-produzzjoni.
Poetry in motion
Lil hinn mill-proża xotta tal-fatti u ċ-ċifri, hemm dejjem il-poeżija tal-ktieb. Ħaġa li bosta fl-industrija jinvestu fiha u jmexxuha bl-istess ħrara li biha jfittxu l-bejgħa li jmiss. L-introduzzjoni ta' ktieb lil tifel, fejn tiftaħlu l-maġija tal-qari li taf tibqa' miegħu sakemm jixjieħ. Id-disinn u s-sengħa tal-produzzjoni ta' artefatt. Id-diskussjoni li kapaċi jqanqal test, u d-dinjiet li jfantas rakkont. U, prinċiplament, is-sens ta' komunità: mhux biss tal-qarrejja tas-soltu u tal-addetti ai lavori, li jiltaqgħu darba fis-sena u jqabblu x-xogħlijiet minkejja li jikkompetu fuq il-lant tax-xogħol. Imma l-qsim tal-ideat, l-iskoperta tal-ġdid, u t-tlaqqigħ ta' tant saffi tas-soċjetà taħt saqaf wieħed.
Tassew, la tgħannaq u lanqas tbus mingħajr il-flus. Imma għal min iħobbha l-fiera, kif l-antiki bħali baqgħu jsejħulu l-Festival, hija l-okkażjoni li bosta jistennew ħerqana għal-laqgħat ma' ħbieb antiki u għall-waqtiet ta' ħbiberiji ġodda u qsim bla heda ta' ideat u proġetti. Nistgħu ngħidu li l-Festival huwa żgur wieħed mill-akbar, jekk mhux l-akbar, siti ta' skambju intellettwali fil-pajjiż, li l-eku tal-ftit jiem tiegħu jibqa' b'xi mod jidwi għall-bqija tas-sena u jwassal għal xogħlijiet u prodotti ġodda, filwaqt li jkompli jintroduċi nies ġodda f'dan is-settur dejjem jikber.
Dmir ċivili
Jien stess spiss inqiegħed fid-dubju l-valur fejjiedi tal-ktieb akkost ta' kollox, aktar għat-tqanqil tad-diskussjoni milli għax ma nemminx fih. Li nemmen, madankollu, huwa li l-ktieb, jew almenu l-kunċett tiegħu bħala vejikolu li jittrażmetti l-għerf, l-għarfien u l-ideat, huwa wieħed mill-pedamenti ta' soċjetà li tiffunzjona. Mhux fis-sens ideali-idealistiku ta' repubblika anti-Platonika mmexxija mill-poeti u l-artisti, iżda ta' pajjiż li jirrispetta l-ideat, id-diskussjoni, u l-għarfien espert, u li jmur lil hinn mill-battibekk superfiċjali u odjuż biex isolvi l-kwistjonijiet tiegħu. Il-Festival huwa wkoll simbolu tal-ħelsien tal-espressjoni li qed nintebħu kuljum kemm spiss ħadnieh bħala fatta u kemm għandna kontinwament nistinkaw biex inħarsuh. Huwa wkoll, kif anki mfisser fil-missjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, parti mill-istruttura biex ikompli jitkattar l-iżvilupp kulturali fsoċjetà ċivilizzata u demokratika, u għalhekk l-importanza fundamentali tal-qari u tal-kotba.
Proġett għall-ġejjieni
Inħarsu għalhekk 'il quddiem. L-aħħar Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, immexxi minn Mark Camilleri, għamel ħwejjeġ kbar li l-industrija dejjem xtaqet u ħolmot bihom, iżda qatt ma kellha s-saħħa fl-għaqda biex tikkonċepihom u twettaqhom. Il-Festival huwa biss il-quċċata tax-xogħol li sar: minn aktar serħan il-moħħ għall-operaturi fir-rigward ta' drittijiet, aspetti legali u ħlas, sal-pagamenti regolari lill-awturi u l-pubblikaturi għas-self mil-libreriji, l-esportazzjoni tal-letteratura Maltija lil hinn minn xtutna, u l-esplorazzjoni ta' sinerġiji ġodda ma' arti kuġina, bħaċ-ċinematografija. Ftit eżempji li l-Kunsill il-ġdid ġa daħal bir-ras u s-sieq biex ikompli jevolvihom mill-pedament samm li nbena tul medda ta' snin storiċi għall-industrija. Il-Kap Eżekuttiv il-ġdid, omonimu ta' qablu, diġà beda juri d-direzzjoni lejn rispett dejjem akbar għall-professjoni tal-kittieb u tal-ħaddiema tal-kotba, u dan il-Festival, anki għal Mark Camilleri, għandu jkun il-ħolqa bejn is-sisien imqiegħda u l-bini li għad irid ikompli jitla.
Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021 se jsir fl-MFCC, Ta' Qali, bejn l-Erbgħa 3 ta' Novembru u l-Ħadd 7 ta' Novembru.
Għal aktar tagħrif żur https://ktieb.org.mt