Kotba | Inbejjed mhux imtiegħma
Mark Vella jiskopri awtur li ma kienx jaf bih, u li x’aktarx huwa wkoll skoperta għaliex maħruġ minn dar tal-pubblikazzjoni li għażlet mogħdija partikolari għall-awturi li toħroġ. Il-kitba ta’ Joe Camilleri taf tqarraq fit-tradizzjonalità apparenti tagħha, għax il-qari pjaċevoli tagħha jixhed maturità, profondità u għarfien tat-tradizzjoni tar-rakkont qasir.
Jista’ jkun li dħalt għall-intrigu tar-reċensjonijiet, lil hinn mix-xewqa oriġinali biex niktibhom, biex naqra kotba li kieku ma kontx naqrahom, saħansitra lanqas insir naf bihom. Sad-disgħinijiet, u din qagħda li llum jilmentawha bin-nostalġija dawk fil-qasam tal-kotba, tista’ tgħid kull ġurnal kellu r-rokna letterarja jew tar-reċensjonijiet. Jaf konna aħjar meta konna agħar, kif tiddettalna l-istess nostalġija, għaliex maż-żerniq elettroniku u l-ħila li tkejjel bil-preċiż x’qed jinqara u x’mhux, ir-reċensjoni mietet mewta rapida u l-industrija tal-ktieb kellha ssib modi oħra kif tirreklama l-prodotti tagħha.
Kinitx tagħmel differenza r-reċensjoni tal-gazzetta storja oħra. Imma kien hemm il-mezz biex dak li jkun jasal b’aktar ċertezza biex almenu jirreġistra dak li ħażż. Ħażż fl-ilma għal xi wħud, jew inkella fit-tafal artab, bħalma Joe Camilleri jiddeskrivi l-konsistenza tal-karattri tiegħu fid-daħla għal ‘Mużajċi tat-Tafal’ (Horizons, 2020, €13). Anki l-kotba jgħixu fuq art taflija, forsi aktar illum minn qabel, li jaf tegħreq fiha malli tittanta timxi fuqha. Lil Joe Camilleri qatt ma kont smajt bih, minkejja li kittieb prolifiku li tul is-snin qala’ tifħir ġmielu, kif mixhud lejn l-aħħar tal-ktieb mis-sensiela ta’ kwotazzjonijiet minn kummentaturi differenti. Ħadt idea ta’ min hu mir-ritratt tiegħu, imma immaġinajt li kieku ltqajt ma’ xogħlu fuq xkaffa ta’ ħanut jaf lanqas kont naqbdu b’idi, u kont nimxi għal xi ħaġa oħra. Forsi aktar tlellex? Forsi dak li ttambar biżżejjed dwaru biex jiġbidli l-attenzjoni?
U għalhekk, Camilleri sorpriża oħra għall-qari tiegħi. Jekk mhux ġawhra, almenu ħaġra ċkejkna li ħadt gost mhux mistenni biha. Problema oħra tar-reċensur, kif naraha jien, hija wkoll dik tad-dellijiet li, jekk mhux kumplessi daqs il-mużajċi, xorta jpattu bit-toqol tagħhom. Il-formazzjoni akkademika tmexxik biex tfittex ix-xogħlijiet il-kbar, il-privileġġ li tiskopri ktieb u twaħħallu t-tikketta ta’ “letteratura”: l-arti, l-ogħla espressjoni, l-opra fundamentali, is-serjetà tal-Olimpu u tal-kanonu. U ximindaqqiet infakkar lili nnifsi biex ma ninsiex ġrajja li kont fiha b’ruħi u ġismi, fejn dan il-kunċett kien ġie dibattut tul sajf fietel meta ħareġ Nbid ta’ Kuljum ta’ Ġużè Stagno, u qamu l-irwiefen għax intmessew il-baqar sagri.
Għalhekk, anki biex ma nitkagħbarx, aktar ma nikber, fil-moffa li tant kienet tqażżiżni dakinhar f’żgħożiti ta’ pubblikatur ifittex il-mument ikonoklastiku, dil-kitba ta’ kull ġimgħa sservi spiss biex nieqaf u naħseb dwar x’inhuma l-kotba, il-kitba u l-letteratura: lil hinn mid-djuq li writna fis-swali universitarji li paradossalment jaf kien il-bieb id-dejjaq li wieħed ikollu jgħaddi minnu anki biex jifhem il-beraħ ta’ madwaru.
Issa, Camilleri x’aktarx mhux se jitla’ sa fejn l-Azzopardijiet, iż-Żahriet u l-Mifsudijiet. Anki għaliex il-letteratura (li iktar ma żżidilha aġġettivi warajha, aktar tidħol f’bir tas-skieken), il-kitba li togħla, li tibqa’, prinċiplament hija dik li tħaddem il-lingwa b’tali mod li turik esperjenza kif qatt ma rajtha qabel. Nibqgħu hawn, għax anqas ħaqq immorru lil hinn f’dan il-baħar bla qies: imma kittieb bħal Camilleri, li kieku ma kienx għal dar bħal Horizons, jaf lanqas kien ikollu ċ-ċans li jgħaddi minn dan l-għarbiel. Fid-dinamika kumplessa ta’ kif tiżviluppa l-għoġba u l-fama tal-kotba, u anki jekk naħsbu dwar is-sitwazzjoni partikolari Maltija, il-bieb id-dejjaq tad-diwi Evanġeliku jaf jidjieq dejjem aktar, sew minħabba dawk li jgħassuh kif ukoll mil-limiti varji li nimponulu ’l dan id-dħul: is-suq, is-sillabu, is-suddizzjoni.
Minkejja li Camilleri x’aktarx mhuwiex se jnaqqax wisq aktar minn ismu f’librerija li mhux se jkollha għalfejn tagħmel xi wisa’ kbir, xorta waħda dil-ġabra turi talent ta’ novellier li jaħkem sew il-ġeneru sew l-għarfien tat-tradizzjoni. Ir-rakkont, almenu fi stili u tekniki, ma jurix devjazzjonijiet kbar jew ġodda, imma dan sewwasew għaliex l-iskop tal-awtur, bħal ta’ bosta rakkontaturi ta’ ħila Maltin kontemporanji, huwa t-twassil ta’ storja minn perspettiva, x’aktarx riflessiva, li tinfed ir-realtà għal ftit mingħajr ma ċċarratha jew taqlibha ta’ taħt fuq. Kull awtur għandu dmir, x’aktarx skont ħilietu, kif ukoll skop għal kollox tiegħu, li m’għandux għala jiddetermina minnufih id-destin ta’ kitbietu minħabba xi parametri li jobbligaw u jillimitaw.
It-tradizzjoni f’Camilleri tinħass fil-mod kif rakkont jitwassal b’mod li jibqa’ sempliċi imma dejjem ikkontrollat, u sikwit din il-ħeffa qarrieqa, kif kont ikkumentajt xi xhur ilu fil-każ ta’ John Portelli, taf tiżgwida lill-kritiku. Għaliex fir-rakkont dirett, li fl-aħħar mill-aħħar lill-qarrej ma jħabbtux jew jimpenjah iktar milli jkun jixtieq, xorta waħda hemm il-wisa’ għal effett li jista’ jgħaddi mingħajr l-akrobaziji jew it-tlellix. Camilleri mhuwiex kittieb moralistiku, fis-sens tal-morali jew tat-tagħlima aħħarija li tagħlaq ir-rakkont u tħalli l-ħajja għaddejja kif kienet qabel. Aktarx huwa l-mod kif jiżviluppa ġrajjiet sempliċi imma simboliċi ta’ qagħdiet umani familjari: ir-rakkont li jidher għeri għax ċar, anki f’sens ta’ realiżmu fil-kitba, u li ma jittaqqal qatt b’xi forma ta’ indħil li jfixkel lill-qarrej milli jasal għall-konklużjonijiet emottivi tiegħu.
Bħala osservatur li qed jiġbor mill-ħajja biex imbagħad jittraduċiha għall-kitba, Camilleri għandu kontroll tajjeb fuq il-materja prima tiegħu. Taf titqarraq mill-età tal-awtur, anki għaliex tieħu s-sens li forsi qed jara bl-għajnejn u jitkellem bil-leħen ta’ ġenerazzjoni oħra, forsi anki estranja għal kif nimmaġinaw li għandha tkun il-kitba tal-lum. Anki l-kontenuti tan-novelli, fejn preokkupazzjoni universali tinżera’ f’ħamrija lokali għalkollox, jafu jkunu potenzjalment tentazzjoni għal xi ġudizzju. Id-divorzju, l-ewtanażja, id-diżappunti fl-imħabba, ir-relazzjoni tal-ġenituri mat-tfal: kważi monotoni jew serji wisq fit-tematiċità tagħhom biex iwiegħdu xi forma ta’ pjaċir letterarju, imma l-awtur qatt ma jiġġudika jew jaqa’ fin-nasba li suġġetti jew ambjenti bħal dawn jistgħu jwasslu għaliha.
Inbid tajjeb fi flixkun ġdid? Fil-każ ta’ Camilleri u postu fit-tradizzjoni, jintiegħem tajjeb xorta, jew jekk t-togħma varjat xi ftit, huwa għall-aħjar. Jew forsi nbejjed mhux imtiegħma? Hemm pjaċir fil-qari tar-rakkonti ta’ Camilleri għaliex taħt l-istar tal-istorja diretta u lineari mingħajr wisq lok għal xi esperimentazzjoni bin-nisġiet u l-forom, hemm sfumaturi ta’ ilħna u toni, kif ukoll indħil narratorjali mkejjel li lill-qarrej jaf iġiegħlu jimmedeżima ruħu b’kumdità f’dawn il-ġrajjiet tant familjari.
Fil-fatt, saħħa ewlenija ta’ din il-kitba li impressjonati hija l-identità Maltija tagħha, u għalhekk ir-rabta mat-tradizzjoni. Bħan-novellieri tal-bidu jew dak taħt id-dell ta’ Temi Zammit, ħafna mill-ambjentazzjoni tar-rakkonti, u mhux biss dik fiżika jew konkreta, hija f’realtajiet Maltin, fis-sens ta’ kif jarawhom għajnejn l-awtur u kif jirreċtawhom il-karattri, sakemm naslu għall-identifikazzjoni u l-adozzjoni finali tagħhom mill-qarrej. Dan iseħħ ukoll bl-użu partikolari immens tal-lingwa Maltija: Camilleri Għawdxi, u sikwit jikteb b’mod mill-aktar naturali u mhux sfurzat jew deliberat, b’dik li hi x’aktarx l-ewwel lingwa tiegħu. Mhux biss kwistjoni ta’ kliem li mill-ewwel nidentifikawh ma’ Għawdex, jew inkella l-mumenti fejn l-awtur jirriproduċi d-djalett fid-diskors dirett, imma xi ħaġa li donnha tiskula fil-bqija tal-kitba. Il-Malti użat minn Camilleri mad-dieher jista’ jidher arkajku (bejn ħafna virgoletti) imma jinstema’ kontemporanju u mhux diffikultuż anki għaliex huwa espressjoni ġeo-lingwistika ħajja. ‘Arkajiżmi’ jew inkella kliem li m’aħniex imdorrijin narawh jew nużawh, iżda li xorta jwessgħu l-vokabolarju potenzjali tal-kittieb Malti mingħajr ma joqgħod jibża’ jbill subgħajħ fil-baħar imqalleb tad-dizzjunarju.
Fl-aħħarnett, Camilleri ħaqqu l-qari u l-attenzjoni xierqa anki minħabba attitudni low-key li xorta mhijiex timida fil-mod kif tesprimi ruħha permezz tal-kitba. Id-deskrizzjonijiet u x-xbihat, kif ukoll l-insiġ tar-riflessjonijiet issuġġeriti mill-iżvilupp tal-ġrajja, huwa ndħil ġentili ta’ awtur empatiku u profond li kapaċi jinterpeta s-sitwazzjonijiet b’maturità li xxaqleb bejn il-kiebi u l-irrassenjat, imma xorta b’passjoni mqanqla u tħeġġeġ għall-istħarriġ tal-misteri tal-ħajja.