Kotba | Qaddisi jgħidli
Mal-ewwel xita regolari tal-ħarifa, Mark Vella jibda jaqra n-novelli l-ġodda ta’ Alex Mizzi f’Talb għax-Xita (KKM, 2021) u jimraħ fi xbihat ta’ Malta daqqa fiżiċi daqqa mentali, reali jew immaġinarji, li b’dan it-taħbil jikxfu il-problematika ta’ individwu u ta’ soċjetà.
In-novella omonima li tiftaħ l-aħħar ġabra ta’ Alex Mizzi hija familjari u Maltija kemm jista’ jkun. Fiha tiġbor is-setgħat kollha tal-pajjiż, sew dawk tal-art sew dawk tas-sema, li jaħdmu għalenija biex iġibu x-xita li l-gżira xotta u maħruqa tant qed titkarrab għaliha. Anki x-xita, ħaġa naturali u minn ewl id-dinja, li għandha r-ritmi tagħha ta’ meta tiġi u tagħmel u tieqaf, hija wkoll pjaċir li l-Malti jaf ikollu jkellem saħansitra lill-qaddisin għaliha. L-intermedjarji għall-pjaċiri u l-bżonnijiet nibqgħu narawhom regolarment f’din is-sensiela ta’ rakkonti, illustrazzjoni mqaxxra ta’ pajjiż li jagħżel li jżomm ma’ antikità kważi anċestrali bl-istess qilla li biha jmexxi biex jiġġedded u jimmodernizza a skapitu ta’ passat li donnu ma jridx jaf aktar bih.
Fis-sempliċità x’aktarx deliberata tal-kitba ta’ Mizzi, dejjem tħoss tistira din it-tensjoni bejn l-imgħoddi u l-preżent, li tmur lil hinn min-nostalġija sempliċi, imma li titkellem dwar l-għażliet u l-prijoritajiet ta’ nazzjon li qiegħed fi proċess identitarju kumpless fejn qed jissielet biex tassew jaraw x’inhu u fejn sejjer. Il-Malta ta’ Mizzi hija interessanti għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, ma tinbidilx: jekk huwiex għall-aħjar jew għall-agħar għandu mnejn jiġi rwol il-qarrej biex jirrifletti u forsi jagħżel. Malta tal-irħula jonogħsu fix-xemx, bix-xjuħ siekta fuq bank jiċċassaw lejn dinja statika, fl-aħħar mill-aħħar, fejn is-silenzju tiksru karozza għaddejja sparata bis-silencer imtaqqab u bil-mużika ddamdam, misjuqa minn ġuvnott "donnu jrid jisfida l-istatus quo tar-raħal li jekk xi darba jintilef, min jaf meta jikber kemm ikun jixtieq iġibu lura.”
F’din il-kontradizzjoni tant espressa b’mod ċar tistrieħ il-viżjoni ta’ Mizzi, li jħares lejn id-dinja bl-għajnejn ta’ adult imġarrab li madankollu ma jinħakimx mis-sentiment irħis li jeqred ir-riflessjoni u l-mistoqsija kontinwa. In-narratur huwa osservatur sikwit parteċipi fir-rakkont, meta ma jkunx qed inemmes biex ipitter impressjoni tal-ħajja quddiemu, imma sehmu jinħass dejjem dik it-tikka distakkat sabiex jistħarreġ, anki fil-każ tad-dettall minimu, frivolu jew apparentament inkonsegwenzjali, it-tifsiriet mfittxija lil hinn minnhom.
Il-kunċett tal-qaddis, għalhekk, huwa wieħed li narawh f’almenu tlieta minn dawn in-novelli minn din il-ġabra fejn l-awtur isawwar l-elementi ewlenin ta’ kultura Mediterranja u Kattolika sui generis, bħalma hi wara kollox Malta, u l-mod kif itektek dan il-mekkaniżmu kulturali anki fi żminijietna. Jekk tixref xi nostalġija, mhijiex waħda ta’ rassenjazzjoni għal dinja li ssir mitika aktar mal-memorja titbiegħed u tgħawweġ ir-realtà kif jixirqilha: hija aktarx għarfien attiv ta’ sett ta’ karatteristiċi jew valuri li, bħal qarrejja, nistgħu naqblu li huma dawk li jsawru f’sens komunitarju, u huma għalhekk dawk li nibżgħu meta narawhom se jitnawru.
Id-dilemma f’Mizzi, għalhekk, issir dik ta’ min jirrifletti dwar x’qed iseħħ madwaru, u jinqabad fl-għażla: x’għandu jibqa’ u x’m’għandux, jew x’għandu jiġi ssagrifikat f’ġieh modernità li m’aħniex bilfors daqshekk konvinti dwarha? Il-paletta mlewna ta’ Mizzi għandha mill-kuluri li ma nixbgħu minnhom qatt, u li jġegħlulna qalbna tferfer meta niftakru fihom bħala għeliem essenzjali tal-identità tagħna, lil hinn mill-bnadar u l-innijiet: il-barijiet tal-irħula, is-sħana toqtol, it-trakkijiet tal-linja, u s-santi tal-mejtin. Malta li tibqa’ tissoppravivi minkejja t-torrijiet u t-tkissir, u li minn dawn l-irkejjen għadna nistgħu nisiltu perspettivi dwar il-mod tal-għajxien tagħna.
Il-qaddis, hawnhekk, għandu fejn iħuf. Minkejja li l-politiċi u setgħana oħra jissemmew b’implikazzjoni jew inkella b’pinzellata mill-eħfef, huwa f’dawn l-irkejjen, fil-fatt, fejn issir it-transazzjoni soċjali. Novella bħal Fuq tal-linja, imma wisq aktar, isimha magħha Qaddisin, jittrattaw il-klijenteliżmu endemiku u kważi inkonxju, tant li jsir naturali daqs ix-xita li nagħmlu minn kollox biex inġibuha meta m’hemmx li tiġi. Imma, bħax-xita, kollox biċ-ċiklu, u fl-istess Qaddisin, naraw it-traġitt tat-tlugħ u l-waqgħa ta’ xufier tal-ministru, li s-setgħa relattiva tiegħu tiddependi minn forzi wisq akbar minnu.
L-individwu hu ċentrali fin-narrattiva ta’ Mizzi, sew bħala maskra tal-karatteristiċi soċjali u umani, iżda anki bħala ruħ riflessiva, li sikwit tosserva minn wara l-persjani l-ġrajjiet, jew inkella tipparteċipa fihom b’modi indiretti. Fil-fatt, Mizzi sikwit juża l-kitba bil-korsiv biex jindika l-ħsibijiet tal-karattru li jkunu għaddejjin kontemporanjament mal-azzjoni, u li jaħbtu ma’ dak li jkun qed iseħħ fiżikament: bħallikieku, il-ħsieb jikxef wisq aktar mill-ġrajja, jew inkella l-istorja titmexxa minn dal-ħbit bejn il-moħbi, il-maħsub u l-mixtieq, u dak li jseħħ oġġettivament kif jiddeskrivih in-narratur. In-novelli ta’ Mizzi, ukoll, għalkemm juru għarfien tekniku, għandhom il-kwalità li mhumiex skjavi għat-tmiem li jirrisolvi, kif ukoll għandhom ritmi u soluzzjonijiet differenti li jixirqu lill-ġrajja rrakkuntata u li jqanqlu effetti diversi minn storja għal oħra.
Hemm wisq aktar x’taqra f’din il-ġabra, minkejja li għafast ħafna fuq il-qaddisin. U dan għaliex ftakart fir-rumanz ta’ Laurence, missier Alex, Inkwiet u Qaddisin (1974), li mingħalija kellna naqrawh l-iskola u kien jogħġobni immens, minkejja li kellu jgħaddi mill-għarbiel qattiel tal-komponimenti u t-taħriġ il-fehem. Storja li wkoll tinvolvi qaddisin jaħdmu attivament mis-sema biex isolvu l-gażibi li jseħħu fuq l-art, u stil Mizzi, frisk, oriġinali u modern, imma żgur influwenzat anki mit-tradizzjoni li ħa sehem fiha missieru, ħadni lura għal żminijiet l-iskola, fuq il-mejda tal-kċina, fejn barra jkun ġa dalam u forsi tkun anki nieżla x-xita li min jaf kemm talbu għaliha kull sena missirijietna.
Xejn ma jinbidel u kollox jibqa’ l-istess? Żgur li le, u mhux neċesserjament. Imma l-bidla fl-ambjent tagħna u fina nfusna, kif anki jgħid Ġorġ Mallia huwa u jiddeskrivi din il-ġabra fid-daħla għaliha, hija waħda kumplessa u sottili, fejn in-nostalġija għal dak li għadda, l-insistenza għal dak li m’għandux jintilef, u x-xewqa biex nimxu ’l quddiem jitħabblu f’kobba li mhux lakemm tinħall. Kull qaddis jaf jgħin, imma mhux daqs kemm mingħalina.