Letteratura | Ir-reċensur misterjuż
Dil-ġimgħa, Mark Vella jieħu pawża mill-kotba u jaqra lil oħrajn bħalu li jiktbu dwarhom, filwaqt li jiddiskuti l-misteru u l-anonimat spiss meħtieġa f’dil-gżira li tieħu għaliha mix-xejn.
Kien hemm żminijiet twal, qabel il-bidla epokali medjatika li għadna għaddejjin minna, fejn ktieb stajt issir taf aktar dwaru minn fuq il-gazzetti biss, u forsi ’l hawn u ’l hinn fuq xandiriet televiżivi li xorta ma kinux ikunu tempestivi daqs reċensjoni. Tista’ tgħid il-ġurnali kollha kellhom il-paġna letterarja, imma x’aktarx l-aktar żewġ reċensuri moqrija kienu Paul Xuereb u Norbert Ellul Vincenti fuq it-Times. Jekk niftakar sew, Ellul Vincenti kien ikollu reċensjonijiet qosra ħafna ta’ diversi kotba fost il-ġimgħa, waqt li Xuereb kien aktar jidher nhar ta’ Ħadd. Anki bħala pubblikatur, kont nistenna bil-ħerqa li dak l-envelope ikun wasal lil wieħed minnhom, u li l-ktieb ikun ħajjarhom tant li jaqrawh minnufih u jagħtuh reċensjoni (tajba) fl-eqqel tal-kampanja publiċitarja. Fost għadd ta’ waqtiet minn dawn, niftakar bi pjaċir meta Xuereb iddeskriva Xemx Wisq Sabiħa ta’ Ġużè Stagno bħala ‘the crudest’ li qatt qara bil-Malti, jew inkella l-mini-polemika dwar il-ħajja ‘sesswali’ ta’ Dun Karm wara Taħt il-Kappa tax-Xemx ta’ Karl Schembri.
Ir-reċensjoni bħala sengħa u anki tradizzjoni bdiet tnin ftit wara, speċjalment bl-avvent tal-internet u l-fatt li l-gazzetti, speċjalment dawk bi preżenza online qawwija, skoprew li ftit jew ħadd ma jaqrahom dal-paġni. Madankollu, id-dinja online welldet bosta spazji ta’ espressjoni ħielsa, mill-bloggs sad-diversi midja soċjali, imma ironikament, id-diskussjoni kulturali ħadet daqqa mhux mistennija. L-eku ta’ Eco jidwi hawn: l-avviżieri soċjali saru qishom il-battibekki ċuċeski tal-barijiet, fejn kulħadd għandu opinjoni, infurmata jew mhix, u kull ħmar jista’ jsemma’ n-naħqa tiegħu biċ-ċertezza li se jkun hemm żgur ħmar ieħor itih ir-raġun u jxandru. Xorta waħda, fost din il-ħamba kollha, wieħed isib mumenti fejn jingħataw opinjonijiet b’xi mod infurmati, speċjalment f’fora bħal Goodreads fejn ir-reċensjoni issa saret crowdsourced, b’xi mod aktar demokratika għax mhux bilfors imħollija fl-idejn tal-esperti.
L-ironija l-oħra tad-demokratizzazzjoni ċibernetika, madankollu, kienet li f’xi oqsma, erġajna lura għaż-żminijiet tan-non de plume, meta kont tibża’ turi ismek biex tagħti fehma ma tmurx taqla’ xi xebgħa jew vendikazzjoni. Iddiskutejtha ma’ diversi nies din, u spiss smajt dwar il-biża’ li dak li jkun jieħu għalih, speċjalment jekk tmaqdru. Minnu li aħna poplu li l-kritika qatt ma tgħallem wisq jeħodha, u jekk irridu b’xi mod ingawdu d-diskors dirett, id-dibattitu aħrax imma intelliġenti, jew l-opinjoni kurraġġuża u bla kantunieri, spiss infittuxha lil hinn minn xtutna. U jiġini f’moħħi li minn żmien għal ieħor kien hemm bidla partikolari: fejn qabel id-dinja medjatika, jew forsi d-dinja kollha kemm hi, kienet imdorrija għal għadd ta’ ġerarkiji, fosthom dik tal-kritiku/reċensur vis-à-vis l-kittieba u l-qarrejja, issa qed ngħixu f’waqt fejn illivellajna ħafna minn dawn id-differenzi. Jekk hux għall-aħjar jew għall-agħar, diskussjoni wisq akbar minn din. Imma dan il-livellament apparentament demokratiku jew globalizzat, fejn f’daqqa jfaqqsu dinjiet oħra li jisfidaw in-narrattiva kbira unika, fissret ukoll li wisq aktar nies bdew b’xi mod imissu mal-produzzjoni tal-arti.
Fil-kitba wkoll, hawn Malta, l-aħħar għoxrin sena wasslu għad-dieher ta’ bosta kittieba, forsi aktar min-normal. L-istess jidhirli seħħ ukoll fl-arti u fil-mużika, mhux biss minħabba l-faċilità akbar tal-pubblikazzjoni u r-riproduċibbilità, iżda wkoll minħabba imbuttaturi finanzjarji, l-aktar minn entitajiet politiċi, li jagħtu ċans realistiku lil dak li jkun jittanta huwa wkoll jaqlagħha bil-produzzjoni ta’ artefatti f’suq iktar milli l-ħolqien ta’ prodott artistiku lil hinn minn kull kunsiderazzjoni ulterjuri. Mela, għalhekk, aktar m’hemm nies f’dawn il-komunitajiet, aktar hemm iċ-ċans ta’ kompetizzjoni, ta’ potenzjal ta’ telf ta’ qligħ, u allura ta’ nies li jistgħu jitnaffru u jieħdu għalihom.
Jien ukoll, b’din il-biċċa xogħol li qed nagħmel ta’ kull ġimgħa, qed nipprova niskapula l-antipatiji billi nikteb biss dwar dak li laqatni jew dwar kotba li ma tistax ma tiktibx dwarhom. Nevita l-istroncatura, sew għaliex nemmen li wieħed xorta jrid joqgħod attent bil-preżenza tiegħu fl-ekosistema, u għalhekk ma jkissirx lil dak li jkun b’kapriċċ, imma anki minħabba l-potenzjal reali u fattibbli tal-offiża, anki jekk tikteb l-aktar apprezzament imkejjel possibbli, u anki forsi b’ċertu biża’ mill-hubris.
Malta żgħira, u n-nies jilbsu bosta kpiepel. Għalhekk, kien intrigani l-blogg The Maltese Reader, li minn ħin għall-ieħor kont nistennieh jikteb dwar ir-rumanz tiegħi. Stennejt għalxejn, u forsi aħjar hekk, għax kien jidher reċensur moqri sew u eżiġenti ħafna: jaf kien jiksirni waħda sew fil-vanità, ixandarni mal-erbat irjieħ, u ma jkollix lil min nobgħod. U għal din ir-raġuni l-għażla ta’ dan ir-reċensur għall-misteru u l-anonimat servietu sew għaliex, fil-ftit żmien li għamel attiv (il-blogg ilu ma jiġġedded iżda għadu hemm biex jaqrah kulħadd), kiteb erba’ reċensjonijiet memorabbli, faħħar awturi li ftit ħafna semgħu bihom, u kien ukoll wieħed mill-ftit ilħna kritiċi dwar Castillo ta’ Clare Azzopardi, qabel il-polemika fejn il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ma ngħatax fl-edizzjoni fejn stajt tilgħab flusek bil-kwiet fuq ir-rebħa ta’ dan ir-rumanz.
Erġajt ftakart fih u mort intih daqqa t’għajn għaliex m’ilux, jien u nfittex dwar ktieb ġdid maħruġ mill-Merlin, Il-Parabboli tal-Imġienen ta’ Keith Borg, insib reċensjoni, did-darba fuq profil Facebook ta’ xi ħadd jissejjaħ Once Upon a Maltese Reader. Qed jilgħabna dan, jew? Jew hi, għax mid-dehra mara. Fiż-żmien, il-blogg li semmejt fuq ġa kien jinqara minn xi wħud, u kien hemm almenu tliet suspetti dwar min seta’ kien. Fosthom jien, li ma kontx (minkejja li ammiratur kbir) u forsi l-qarrej avidu Robert Pisani, li bil-Bobsphere (sew blogg, sew videos) jitkellem ukoll dwar il-ktieb Malti, bl-aħħar tifħira mogħtija lil Perfettament Imperfetta ta’ Kirsten Spiteri. Jidher għalhekk li r-reċensoni jaf forsi qed terġa’ tieħu l-ħajja, u Once Upon (she/ they?) issa anki qrat ktieb reċenti ieħor, Frammenti ta’ Tyrone Grima, mibgħut lilu(ha)(hom) mill-Merlin. Mela hemm xi ħaġa li xi ħadd jafha, imma mhux kulħadd!
Lil hinn minn kull suppożizzjoni u investigazzjoni, The Maltese Reader, jekk irridu ntuh il-primat fir-rinaxximent tar-reċensjoni, kellu għażliet li wkoll kienu jmorru kontra l-kurrent tal-qari stipulat u sikwit ippreżenta kotba jew ta’ awturi debuttanti u żgħażagħ, jew inkella ta’ oħrajn inqas magħrufa. Il-kurżità dwar min seta’ kien kienet waħda wkoll immexxija mill-mistoqsijiet dwar il-formazzjoni tiegħu/tagħha: jikteb bl-Ingliż, jidher qarrej li donnu kkonverta gradwalment għall-ktieb Malti, u l-istrixxun tiegħu kellu l-qoxra oriġinali ta’ Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut. Minbarra l-leħen fid-deżert dwar Castillo, interessanti immens ir-reċensjonijiet dwar Patria ta’ Gabriel Schembri u It-Taar ta’ John Bonello, l-analiżi ta’ kotba f’waqthom bħal Trojan u Lucy Min?, u skoperti bħal Kaldera ta’ Lizio Zerafa. Donnu kien qabad sew fl-2019, imma l-aħħar post ta’ Frar 2020 urietu għadu jterraq fost il-lista l-qasira tal-Premju ta’ dik is-sena.
Għala waqaf ħesrem? Jew għala twieldet mill-ġdid? Jaf jibqa’ misteru.
Jew inkella dan kollu stedina biex hu min hu, huma min huma, ikomplu jiktbu, jerġgħu jibdew. M’hemm bżonn ngħidu wisq dwar il-ħtieġa tal-kritika, u jekk ikollna anki din ir-realtà mxerrda fuq il-midja, anonima u mhijiex, u bi pluralità ta’ fehmiet u analiżi kritika, ġid biss nara li jista’ jkollna għad-dinja tal-ktieb Malti.