Letteratura | Iffissat u intransiġenti
Mark Vella jitpaxxa bl-ewwel novelli ta’ Steve Borg, miktubin b’Malti li mhux bilfors iniżżlu s-sajjem, imma li għalhekk huwa l-mod tal-espressjoni meħtieġ għall-manifest soċjali partikolari li jrid iwassal l-awtur
Steve Borg jagħtina ħasda tajba, kważi anki doċċa kiesħa, bid-debutt letterarju tiegħu. Kulħadd għandu ktieb ġo fih, jgħidu, u dan il-qawl informali kontemporanju nistgħu anki nadattawh għall-impressjoni li spiss ikollna dwar min ikun ġa mdaħħal sew fid-dinja tal-kotba imma jkun għadu ma pproduċix opra fittizja. Borg ilu magħruf, imma bħala riċerkatur, biż-żewġ kotba minn triloġija prospettiva Il-Maltin, li tesplora faċċetta oħra tal-istorja ta’ poplu billi tiflilu wħud minn drawwietu u l-għemejjel ta’ kuljum, b’ħarsa li titbandal bejn dik tal-antropologu qed ifittex ir-razzjonal xjentifiku u l-osservatur passjonali li jrid jiddokumenta akkost ta’ kollox dak li għex mill-qrib u li tant dejjem ħabb.
Din l-istess attitudni nsibuha f’Tad-Demm u l-Laħam (KKM, 2021), bil-miżien ixaqleb sew lejn it-tieni keffa, dik dejjem aktar mgħobbija bl-emozzjoni, f’dan il-metodu li ġa jaf ikun kontradittorju. Waħda mir-regoli mhux miktubin hija li l-antropologu jilgħab dejjem away, lil hinn minn dak li jaf sabiex ma jirbħuhx l-emozzjonijiet u t-tendenzjalità tiegħu ma ttappanx l-ogħla għan aħħari tal-analiżi xotta. It-titlu bl-eku Spiterjan jaf forsi mhux daqshekk għażżien daqskemm jidher, għaliex ir-realiżmu ta’ Borg huwa wieħed pjuttost partikolari: jabita spazji definiti għall-aħħar u b’leħen narranti ġa konvint mill-programm tiegħu, u donnu jiskarta minnufih il-potenzjalitijiet tal-esplorazzjoni psikoloġika tal-karattri jew tal-iżvilupp tal-azzjonijiet, għax l-intenzjonijiet tal-awtur jittantaw imorru lil hinn mis-sempliċi tiftix fittizju.
Lil Steve ili nafu xi ftit, u nisma’ lilu spiss fil-vuċi tar-rakkonti f’din il-ġabra. Riskju dejjem għall-kittieb meta ma jħallix wisq distanza bejnu bħala l-personalità soċjali u dak li jrid jissublima f’kitbietu, u ximindaqqiet tħoss intransiġenza fil-linja ġenerali tal-fehmiet li tista’ tqabbdek bidu ta’ ħlewwa ta’ qalb. Imma aktar ma taqra u togħdos fil-viżjoni unika ta’ Borg, tibda tifhem il-proġett tiegħu. Ktieb li jista’ jinqara’ bħala rumanz, fejn kull storja hija essenzjalment varjazzjoni fuq tema, li tidher li trid tipproponi, u għalhekk is-suċċess aħħari tal-isforz fittizju, annimal soċjali ġdid, kważi Malti ideali li għandu fehma fissa dwar postu f’pajjiżu u fid-dinja.
Borg jinqara bħal manifest, proposta iebsa wara l-osservazzjoni, anki min-naħa tal-letterati ta’ qablu, ta’ x’jagħmel il-Malti dak li hu, partikolarment mill-aspett soċjali ddettat mill-iżviluppi storiċi, sew dawk ewlenin sew il-modi diversi kif il-ġenerazzjonijiet innegozjaw is-sopravivenza u l-koeżistenza. Bħall-Qasab ittenni ritornell ġdid, xbiha tal-Maltin li qishom il-knienel tal-qasab, “maqgħqudin, wieħed mal-ieħor, u mal-ieħor mill-għekiesi”, kif jgħidilha n-narratur, student mediku Laburist minn qiegħ ix-Xgħajra, lill-maħbuba Nazzjonalista u tal-pepè tiegħu. Huwa forsi l-uniku waqt konċiljatorju fil-ġabra li donnu jsolvi t-tensjonijiet kollha espressi minn rakkont għal ieħor, iżda mhuwiex sentiment superfiċjali. Din l-għaqda ideali bejn il-Maltin, lil hinn mid-diviżjonijiet politiċi u profondi, taf għeruqha lill-istorja miktuba mhux biss miż-żgħir minkejja li mingħalina mwettqa finalment mill-kbir, imma lill-għarfien ta’ poplu li forsi jaqsam wisq aktar ħwejjeġ komuni mid-diviżjonijiet li ddettawlu ideoloġiakment tul iż-żmien.
Il-bias ta’ Borg huwa ovvju, u komparabbli mal-esternalizzazzjonijiet pubbliċi tiegħu. Il-Malti u x’naħsbu dwaru, dwarna nfusna, joħroġ kważi bħala finzjoni fih innifsu, u l-paradoss awturjali għal Borg huwa li għandu jkisser dan il-mit. Hemm dejjem ir-riskju li dan jiġi sostitwit minn mit ieħor, imma l-kittieb jirnexxilu jaħarbu dan is-sogru, forsi anki bis-saħħa tal-konvinzjonijiet tiegħu u biċ-ċertezzi leġittimi dwar għeruqu. Ifeġġu għalhekk ta’ spiss l-ambjenti tan-Nofsinhar ta’ Malta, mix-Xgħajra sa Wied il-Għajn u Birżebbuġa, flimkien mal-preġudizzji dwar din iż-żona u anki mal-kontrappunt tal-annimal stramb tal-klassi l-oħra. L-Ingliżati Borg ma jistħarriġhomx bħal Vella Gera, forsi anki għax ma trabbiex fihom, imma lanqas ma jerħihom bħala sempliċi affettazzjoni makkjettistika. In-narraturi jitħabbu u jitħalltu ma’ din il-klassi, għaliex wara kollox Maltin daqshom u bħalhom, u l-attitudni li jitmgħalhom Borg hija waħda li ma tistax tissejjaħ gratwitament preġudikata, imma għarfien kburi tal-identità ta’ dak li jkun li ma jaħfirhiex lil dawn l-imposturi.
L-attitudni friska ta’ Borg għalhekk, fuq dan il-livell soċjali delikat, tistrieħ fuq il-fatt li qiegħda titwettaq analiżi matura, nieqsa minn kull lanzita, u mifruda minn sens qawwi ta’ dak li jsawwar tista’ tgħid il-biċċa l-kbira tal-protagonisti tal-istejjer: nies li telgħu mill-faqar, Mintoffjani/Laburisti konvinti, iġorru l-istorja tagħhom bi kburija, mgħarrfa profondament dwar għeruqhom. Jaf kwistjoni ta’ narrattiva, fis-sens dik imposta mill-ideoloġija, fejn il-persunaġġi li Borg joffrilna biex iwasslu dan il-manifest, jistgħu jidhrulna ‘iffissati’, biex nerġgħu nduru għal Vella Gera u s-sinteżi azzekkata ta’ Frances biex tiddeskrivi lil Noel fi Sriep. Imma huwa dan l-iffissat, intransiġenti, dan l-antieroj li ma jistax jibqa’ moda għal dejjem u lanqas ma jista’ jkompli jgħix fir-realtà, li jsir il-fanal ta’ Borg li jista’ jdawwal it-triq lejn Malta ġdida.
Għax, int u taqra Tad-Demm u l-Laħam, jiġik kważi li tgħid kemm ngħixu f’pajjiż ikreh u tan-nejk. Pajjiż li tassew għandu bżonn jikber, bħal ma kienu jgħidu Dimech u Mamo, u li għadu qed jirranġa bit-tlikki tlikki għajjien wisq minn poplu “qisu għadu kif ħareġ mill-għerien u skopra kif inajjar”. In-novella X’qala’ l-baħar tikkonfronta wieħed minn dawn l-iffissati ta’ Borg ma’ kaċċatur jagħmilha ta’ sajjied biex ma jinqabadx f’għemilu, imma n-narratur ma jitqarraqx għax jaf isem kull xitla u kull tajra fil-Bajja tal-Imġiebaħ u d-drawwiet marbuta ma’ kull sengħa. Din l-ewwel novella, tant hu hekk, tqiegħed it-ton għall-bqija tal-ġabra: mhuwiex, għalhekk, iffissat, dak li jaf lil artu fuq ponot subgħajh, għax b’hekk biss jista’ jirrispettaha u ma jħallix lil min iqarraq bih.
In-novelli ta’ Borg huma spiss ippopolati b’karattri soċjalment arretrati u antipatiċi, li jiġbdu l-għadab kiebi tan-narratur li donnu joħroġ ta’ mnieħru mxammar, appuntu intransiġenti quddiem nuqqasijiet li għalkemm fid-deher mhumiex gravi u neħduhom bħala parti mill-folklor stramb tagħna, huma fil-fatt attitudnijiet kważi uniċi fl-illoġiċità tagħhom. Dan joħroġ sew mit-tqabbil ma’ barra, imma mhux biss meta jsir il-paragum mal-ideali, iżda wkoll meta nikkumparaw ma’ dak li hu bħalna, bħal f’O Lejl ta’ Skiet, ambjentata f’Majorka u stampa preċiża tal-ġustizzja Mediterranja iebsa maż-żgħir u laxka mal-kbir. Drabi oħra huma l-ħmerijiet li jdarrsu: il-preġudizzji u l-firdiet soċjali, nies li jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu u ħadd ma jista’ għalihom, jew inkella l-Beltija li toħroġ il-bandiera tat-Taljani fil-gallarija u ddoqqlok in-Notti Magiche mingħajr ma tagħraf li nannuwha x’aktarx kien intradam taħt bomba tar-Regia Aeronautica.
Jaf itik f’għajnek Steve Borg, għax dal-ħwejjeġ tagħrafhom, imma biex tgħix bi kwietek, sikwit ikollok tinjorahom u tiknishom taħt it-tapit. In-narraturi ta’ din il-ġabra, madankollu, għandhom is-soluzzjonijiet. Jafu jkunu perikolużi jekk immotivati mill-eżasperazzjoni jew minn ġustizzjaliżmu superfiċjali, jew inkella mill-fissazzjoni, imma effettivi meta mixgħula mill-ġenju Malti tal-makakkerija u l-qtugħ tal-għatx bil-perżut. F’dik li x’aktarx hija l-isbaħ novella fil-ġabra, It-Tfal tal-Eroj, din is-soluzzjoni donnha tinstab. Soluzzjoni qarsa, imma forsi meħtieġa, għalkemm l-eroj nagħrfuhom aħna u naqraw l-istorja, u x’aktarx se nsibu inqas minnhom dawn il-karattri, intransiġenti u ideali, malli nixrfu mill-bieb ta’ barra.