Kotba | Kważi vera
Għal Mark Vella, Varjetà (KKM, 2021) mhuwiex biss l-istorja tal-iStage Commandos, imma twissija urġenti biex nibdew nifhmu wirtna u ma nħallux jintesa. Kif ukoll, biex darba għal dejjem, nifhmu li għandna storja tagħna li rridu nsibuha u nifhmuha, u mhux noħolqu falsifikazzjoni tal-identità tagħna
Id-daħla ta’ Toni Sant għall-ewwel rumanz tiegħu hija ż-żieda milquta għal dal-ktieb qasir u tassew mexxej (kelma li dejjem nevita, imma hawnhekk xierqa għall-aħħar) li jirrakkonta, b’ħeffa deliberata u effettiva, storja sempliċi iżda importanti. Fiha jsemmi l-kunċett tar-rumanz storiku li, fil-lingwaġġ sew popolari sew akkademiku, imma wkoll fl-immaġinarju nazzjonali kollettiv, nassoċjawh ma’ żmien il-Kavallieri u l-Franċiżi, ir-rakkonti ta’ imħabba u passjoni ġellieda fl-isfond tat-tqanqil politiku kolonjali u nazzjonali.
Varjetà mhuwiex Nazju Ellul jew Taħt Tliet Saltniet — formula storika iżda li meta tintuża llum toħroġ minnufih bħala żvintata — imma rumanz storiku daqshom, anki kif maħsub mill-awtur, dwar perjodu mhux daqstant imbiegħed, prattikament ilbieraħ, imma li ġa qed jissogra li jintesa. L-istorja tal-iStage Commandos u r-Radju Muskettieri jaf semgħuha tal-ġenerazzjoni tiegħi u ta’ Sant mingħand il-ġenituri tagħhom, iżda spiss tagħqida djabolika ta’ nuqqas ta’ kunfidenza post-kolonjali u attitudni storjografika elitista jew li ma tarax fit-tul, tfisser li nagħtu bis-sieq il-wirt ħaj tagħna f’dak li għandu x’jaqsam mal-istorja popolari.
Popolari għax maħluq u kkunsmat mill-poplu, fl-aħħar mill-aħħar. U minkejja n-nuqqas ta’ profondità apparenti, sewwasew għax mifhum biex jintlaħaq fil-wisa’, sikwit ninsew kemm prodotti u manifestazzjonijiet kulturali bħal dawn, meta tassew magħġuna mill-qalba tar-ruħ Maltija, huma importanti biex nifhmu min aħna. Bħalma huwa importanti li nintebħu li r-ruħ Maltija kienet kapaċi tartikola l-ħsus ta’ poplu fi żmien partikolari, u li dak li għandna llum għandu l-għeruq u ma ġiex mix-xejn. Fl-aħħar kontroversja kulturali li kellna, għalkemm midfuna taħt il-battibekk politiku, smajna dwar mitt sena ta’ film Malti f’festival ta’ darba li laqqat kull ma sab biex ifantas storja mhux vera. Fil-każ tal-varjetà, it-teatrin u l-komiċità Maltija, għandha żgur ġrajja wisq aktar vibranti u li seħħet tassew, u l-wirt tal-ewwel teatranti komiċi organizzati nistgħu narawh s’issa fil-forom aktar moderni u sofistikati tiegħu, mid-Danusan u Bla Kommixin sal-Comedy Knights.
Sant jispeċifika, b’intenzjoni u ironija, li l-istorja li qed itina hija ‘kważi vera’. Żgur mhux giddieba. Kif ukoll, għandha l-modernità ta’ tendenza narrattiva li issa ilha magħna mhux ħażin, madwar id-dinja letterarja u forsi xi daqsxejn anki f’Malta, fejn l-istorja tinkiteb mill-ġdid bis-saħħa tal-finzjoni, iżda mhux biex tiġi ffalsifikata, iżda ironikament biex jintefa’ dawl ġdid fuqha. Sikwit, l-istorja u n-nies ta’ vera jieħdu r-rwol ta’ proċediment li paradossalment jgħin lill-finzjoni: donnha tagħraf li l-verità tagħha hija waħda xorta waħda interpretabbli minkejja li tinbet minn ġrajjiet (apparentement) oġġettivi. Toni Sant hawn jidħol għal diversi rwoli: storiku u riċerkatur li ma jiktibx mill-ġdid jew għall-ewwel darba l-istorja tal-iStage Commandos, għax ġa hemm xi sorsi li jagħtu biċċiet minnha, imma li jiġbor it-trufijiet kollha biex jgħaqqadhom fi storja miżgħuda b’kif jimmaġina li setgħu seħħu l-ġrajjiet ewlenin.
Il-ġrajja ta’ Sant hija ‘kważi vera’ sempliċement għaliex il-kittieb jippermetti lilu nnifsu jidħol kemm kemm f’dawk li setgħu kienu s-sentimenti tat-talenti differenti li sawru din il-kumpanija mużiko-teatrali. Jidħol f’qalbhom u ruħhom bi prudenza, fejn dik il-‘kważi’ donnha apoloġija timida ma jmurx jinterpreta jew jimmaġina żżejjed. Madankollu, m’hemmx bżonn kutrumbajsi ta’ fantasija, għaliex Sant jirnexxielu joħroġ ruħ dawn il-Maltin, u b’konsgwenza ta’ Malta kollha f’perjodu preċiż, billi jinkwadra perfettament il-karattri fis-soċjetà li fiha għexu. L-iStage Commandos jitwieldu f’Malta taħt il-bombi tat-Tieni Gwerra, u f’soċjetà urbana tal-inħawi tat-Tarzna u tal-bqija tal-Kottonera, li hija rifless tal-idea moderna ta’ Malta mbandla bejn it-tradizzjonijiet ta’ dari u r-rieda biex tħares’il barra lil hinn. Malta mbandla wkoll bejn it-Taljan u l-Ingliż u kull ma jissimbolizzaw fuq il-livelli soċjali, kulturali u politiċi, iżda Malta li wkoll għad għandha fiduċja f’wirtha u fil-kultura tagħha u tħaddimha b’kunfidenza.
L-iStage Commandos, fil-fatt, jixorbu min-nixxigħat kulturali kollha li gelglu għal ġol-kultura Maltija, u l-varjetà li pproponew, kif anki juri Sant, ħadet sew mir-revue Franċiż kif adattat mill-Ingliżi, kif ukoll mill-ispettaklu Taljan, iżda rnexxielha ttih timbru Malti li ħafen l-immaġinazzjoni ta’ ġenerazzjoni, speċjalment fit-transizzjoni mill-palk għax-xandir. Ħafnuha wkoll, madankollu, bl-għarfien tal-udjenza tagħhom. Sant jirrimarka kemm il-kumpanija dejjem żammet l-ispettakli ‘nodfa’ u xierqa għal kulħadd, minkejja li żgur ma kinux ta’ subgħajhom f’ħalqhom u konxji sew anki minn dimensjoni tal-espressjoni u tal-umoriżmu Maltin li fihom elementi qawwija ta’ kliem ħażin, doppju sens u vulgarità.
Jista’ jkun ukoll, kif anki jista’ jidher matul il-qari ta’ dan il-ktieb, li s-suċċess tal-iStage Commandos kien dovut għat-tħaddim tal-bosta talenti tagħhom b’mod demokratiku, li kien fih l-intelliġenza tat-teatrant f’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla ta’ xi jridu l-udjenza, imma anki r-rispett u l-umiltà intellettwali. It-testi li jipproponi Sant fil-ktieb biex juri x’kien jitkanta u jiġi rreċtat mill-kumpanija huma xhieda ta’ ħila bil-kelma, tempistika teatrali, u umoriżmu innoċenti iżda inċisiv. Għal darb’oħra, mingħajr ebda rikors għall-forzatura, dan kien teatru li tassew jaqbad l-essenza tar-ruħ Maltija. Twieled biex itaffi d-dwejjaq tal-gwerra, u kompla jwassal divertiment nadif li xorta seta’ mhux biss inissel tbissima imma wkoll jifqgħek bid-daħk.
L-istorja li jagħtina Sant tagħti stampa tassew vivida, mhux biss għax irriċerkata, sew mid-dokumenti u sew mix-xhieda, imma anki għax tistrieħ fuq l-emozzjonijiet ewlenin tal-protagonisti tagħha li huma tant tipiċi u marbutin mal-aspirazzjonijiet tal-poplu Malti ta’ dak iż-żmien. Ix-xewqa ta’ impjieg fiss mat-Tarzna, l-isfida biex ittella’ mara fuq il-palk, il-passjoni għal delizzju fost id-diffikultajiet kollha tal-ħajja. Fuq kollox, però, din hija wkoll opra importanti u f’waqtha dwar l-istorja popolari li hija spiss minsija jew tissogra tintesa għal kollox, u li dan l-aħħar qed tipprova tiġi salvata minn inizjattivi individwali bħal din.
Irridu ngħidu, fil-fatt, li jekk sejrin tassew nifhmu lilna nfusna, jew inkella nagħmlu xi xorta ta’ ġieħ lill-idjoma kulturali tagħna, irridu nħarsu eqreb u fil-fond, milli nimbarkaw fuq kostruzzjoni fantażjuża u ħawlija ta’ xi ħaġa li m’aħniex. B’xorti ħażina wkoll, il-flejjes u r-riżorsi għal xogħol bħal dawn imorru għand il-bażużli u l-inkapaċi, jew inkella, biex intaffu ftit mill-qilla tal-kontroversja, jaqgħu f’idejn li l-materja prima ma jkunux jafuha. It-tafal tal-kultura tagħna, u li jista’ jkun is-sies ta’ espressjoni ġdida u awtentika ta’ dak li aħna tassew illum, qiegħed hawn magħna biex nagħġnuh. Imma għad fadlilna ħafna biex tassew napprezzawh u nifhmuh, u sikwit inwebbsu rasna biex ma narawhx, ma nsibuhx, u għalhekk ninsewh.