Kotba | 'Il-kittieba jridu jħammġu jdejhom'
Mark Vella jintervista lil Glen Calleja, artist-ħaddiem 360°, li bejn il-produzzjoni tal-kotba artiġjanali, l-editjar u l-pubblikazzjoni, il-poeżija u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti varji, huwa parti mit-tmexxija tal-HELA, fondazzjoni għall-eċċellenza fl-arti letterarja, liema kwalità ma tasalx bil-paroli imma bis-saħħa ta' ħafna fatti
Glen ma jilqagħnix bis-soltu uniformi tal-artist għaddej b’xogħlu, il-fardal kollu żebgħa u titjir varju u l-wiċċ semi-imbegħren ta’ min għandu biċċa xogħol li jlesti jew inkella ma jridx il-muża taħrablu. Nasal tikka kmieni Studio Solipsis, ir-Rabat hekk kif tkun tlajt is-Saqqajja, inċempel il-qanpiena darba darbtejn, u mbagħad messaġġ, u jinżel għalija bit-telefown ma’ widintu, huwa u jipprova jsolvi intopp antipatiku tipiku mal-bank. Artist, anki f’dan il-mument wisq prożajku: ħidmietu mhijiex biss ix-xalar fil-ħolqien, u l-għaraq mhuwiex biss dak tal-isforz kreattiv u d-dubji u l-isfidi li jġib miegħu, imma anki dak tal-burokrazija, il-frugħa u l-mili tal-flus, u l-ħsieb dwar min fejn ġej il-bukkun li jmiss.
Nibdew bis-serjetà mill-ewwel, anki jekk għandna kunfidenza sew ma’ xulxin. Fuq belgħa kafè taħraq, id-diskors jaqa’ mill-ewwel fuq il-proġetti għaddejjin jew imfassla biex iseħħu, u kważi bilfors u bħal dejjem, fuq il-qagħda tal-industrija tal-ktieb, mill-pubblikaturi sal-awturi u l-bejjiegħa; u l-ilment (aktar tiegħi, u li issa qed isir ossessjoni) dwar id-dominju tas-suq anomalu fit-tqassim u l-bejgħ tal-kotba, u l-fatt li ili ma nidħol f'ħanut tal-kotba żmien u għomor. Glen jafha l-industrija, anki għaliex l-attività ewlenija li sseħħ fis-sular arjuż fejn jaħdem huwa l-produzzjoni ta’ kotba artiġjanali: Kotba Calleja (www.kotbacalleja.net) joħloq dak li nsejjaħ bibljomanufatti, kelma temporanja maħluqa biex tintuża did-darba biss, għaliex minkejja li l-oġġett maħluq huwa fl-aħħar mill-aħħar ktieb illegat, dak li jiġik f’idejk imur lil hinn minn dan meta tqis ix-xogħol, il-materjali u l-kunċett li jkunu daħlu fih.
Il-lant tax-xogħol (www.studiosolipsis.com) huwa dak li wieħed jimmaġina li jkun l-atelier tal-artist: tipo loft Newyorkiż fil-qalba tat-tipiċità raħlija tar-Rabat, bi spazju miftuħ b’possibbiltajiet differenti ta’ użu, speċjalment għal laqgħat, wirjiet u avvenimenti simili, filwaqt li xorta waħda jinħass is-sens tal-fabbrika u tal-ħolqien dejjem għaddej: rollijiet żgħar tal-kartun lesti biex isiru xi ħaġa oħra, riżmi ta’ karta li ma ssibhiex kullimkien, il-geġwiġija neċessarja ta’ għodod u remiżolji minkejja li fi spazju pjuttost organizzat u funzjonali. Hawnhekk hija wkoll dar il-HELA (www.helamalta.com), fejn titqarraq jekk tiġik f’moħħok xi logħba ovvja bil-kliem: l-akronimu huwa għal Hub for Excellence in the Literary Arts, imma l-kunċett, wara li nġibditlek l-attenzjoni, huwa kollu kemm hu Malti.
Organizzazzjoni li mhijiex klikka oħra, jien u nipprova nniggżu nofs kedda lil Glen, għax naf li mhijiex. Imma jispjegali sew li hija essenzjalment fondazzjoni li fiha tilqa’ sħab ta’ kull tip, tant li tista’ tgħid huma rappreżentati l-għaqdiet letterarji u kulturali ewlenin, li f’din is-sħubija jsibu post għal sinerġiji produttivi. Jaf diffiċli tfiehem eżatt fi ftit kliem x’inhu l-għan tal-HELA, imma mill-eżempji ta’ xogħolha u minn ċertu stqarrijiet ta’ Glen, nibda nieħu idea ċara. Bħala missjoni, essenzjalment, hija organizzazzjoni msejsa fuq iż-żewġ pilastri tal-aċċess għall-letteratura Maltija u tal-għarfien akbar tagħha. Imma ‘letteratura Maltija’ tfisser bosta affarijiet: fil-viżjoni tal-HELA, m’hemmx attitudni elitista li xxammar imneħirha lejn prodott jew ieħor, imma lanqas ma jfisser li kollox jitħalla jgħaddi.
Anzi, huwa x’aktarx dan ir-razzjonal ewlieni tagħha: l-eċċellenza bħala l-kunċett ewlieni t’isem il-HELA tasal billi l-ewwel tingħaraf il-produzzjoni letterarja kollha, mingħajr diskriminazzjoni, sew fuq pjan storiku imma wkoll b'ħarsa lejn l-attwalità. Il-volum importanti daqs il-valur, jew forsi jiġi qablu: Għalhekk, lil hinn milli nitilqu bil-preġudizzju dwar x’jagħmel jew ma jagħmilx ix-xogħol tajjeb, hemm aktar attitudni ta’ kurżità dwar kull ma nkiteb ilbieraħ, dak li qed jinkiteb illum u dak li qed jinbena għal għada, sabiex jirnexxilna nagħrfu tassew x’inhi d-dinja u l-ekosistema tal-kotba f’Malta.
‘Ekosistema’, fil-fatt, hija kelma spissa fuq fomm Glen. Mhux biss ix-xibka kollha tal-fenomeni u l-prodotti letterarji u kif jeżistu flimkien, imma anki l-kumplessità wisq akbar tal-ħaddiema kollha li jmissu mal-ktieb, mill-kittieb u l-pubblikatur sal-illustratur, il-qarrej tal-provi u l-istampatur. Calleja jsemmi wkoll ħafna l-kunċett tal-editur, irwol li beda dieħel qajl qajl dan l-aħħar f’Malta, iżda li għadu mhuwiex proprjament mestier. Hawnhekk, il-HELA wkoll daħlet għal xogħol bħal workshops dwar l-edizzjoni u l-editorija li jħarsu lejn dan l-aspett fundamentali tal-ħajja tal-ktieb u tax-xogħol letterarju.
U minn hawn tibda tifhem daqsxejn aktar il-kunċett tal-eċċellenza: kunċett li jdur ma’ kull aspett tal-ktieb, fejn il-fondazzjoni tista’ tgħid qed taħdem biex toħloq standards ta’ prodott tajjeb li mhux bilfors inqisuhom dejjem. Anki ħwejjeġ kruċjali u bażiċi f’kull industrija bħal kuntratti, kundizzjonijiet u ħlas xierqa għall-awturi, u l-għarfien tal-mekkaniżmi industrijali u kummerċjali. Lil hinn min dan, hemm ukoll l-istandards tal-mestier, l-ekosistema għal darb’oħra, fejn xogħol isir tajjeb u xieraq minnufih, u fejn il-konsumatur jieħu dak li għandu jedd għalih. Jew kif jispjegaha Glen tajjeb immens: mhux kwistjoni tikolx il-kavjar u l-awwista f’ristorant lussuż inkella l-burger mill-gabbana fil-pjazza. Anki l-burger irid ikun eċċellenti!
F’din il-kampanja favur l-eċċellenza (u naturalment kontra medjokrità li tixref f’diversi forom), il-HELA għandha żewġ kampanji ewlenin, fost il-proġetti, bejn kbar u żgħar, ifaqqsu bla waqfien. Raħal il-Letteratura huwa proġett li jrodd lura lill-komunità li tilqa’ l-organizzazzjoni, f’dan il-każ ir-Rabat li qed igawdi minn rivista letterarja perjodika u għadd ta’ attivitajiet, bħal mixjiet u żjajjar letterarji, u qari fl-iskejjel, fost l-oħrajn. Dan l-aħħar, imbagħad tnediet x’aktarx l-aktar biċċa xogħol rappreżentattiva tal-fondazzjoni: id-depożitorju tal-kittieba (www.helamalta.com), li huwa sit elettroniku li dejjem għaddej bħala xogħol u se jkompli jikber, fejn wieħed jista’ jsib lista interattiva u eventwalment multimedjali tal-kittieba Maltin. L-għan ta’ xogħol bħal dan, apparti milli jinkludi bijografiji, siltiet, u media diversi, huwa wkoll li joffri tieqa, lill-Malti u lill-barrani, fuq id-dinja mżewqa tal-kitba bil-Malti, u li tista’ tappella sew lill-viżitatur kurjuż, imma anki lir-riċerkatur kif ukoll lill-interess barrani, anki dak kummerċjali.
M’għandniex xi ngħidu, għad m’hemmx kull kittieb, u xi wħud l-assenza tagħhom hija lampanti. Calleja jispjegali li kallu bilfors tirfsu: hemm min se jkollu biżżejjed grazzja li ma jgħid xejn, u min se jilmenta u jieħu għalih. Imma lil hinn mill-polemiki individwali, il-kriterji ewlenin għall-inklużjoni f’din il-verżjoni pilota tad-depożitorju kienu l-bilanċ bejn il-ġeneri, ir-rilevanza u l-impatt. Fuq din tal-aħħar, nieqfu mhux ħażin: impatt jiġifieri impenn, forsi anki kif xi kultant tinftiehem jiġifieri kemm xejjirt bnadar, kemm żanżant armi mal-pavru, jew kemm tikteb posts magħġuba fuq il-midja soċjali?
U minkejja li llum mhux liebes il-fardal tax-xogħol, bla ma jaf Calleja jissuġġerili t-titlu għal-lum. Irid jivvalorizza l-kittieba li jħammġu idejhom: kunċett tqil ieħor imma li jissuġġerixxi li jista’ jkun hemm xogħol artistiku li jindirizza lill-istruttura, hijiex organizzattiva, morali, ta’ klassijiet jew kategoriji. Essenzjalment, il-poter, fil-forom kollha tiegħu, jew almenu hekk nifhimha jien, fejn il-kittieb, anki jekk mhux neċessarjament iġorr id-dbabar friski taż-żejt fuq il-boiler suit, issibu fit-test bħala xi ħadd li xammar il-kmiem u ma ddejjaqx jidħol għal xogħol li, fil-kuntest tal-mestier tiegħu, għandu l-iskabrożità tiegħu.
Ħsieb li jimmira kontinwament mhux biss lejn professjonalizzazzjoni neċessarja li fl-aħħar mill-aħħar igawdi minnha l-qarrej bħala konsumatur u li għandu jedd għall-kultura, iżda wkoll maturazzjoni tant meħtieġa fl-awturi stess, ewlenin u indispensabbli fir-rabtiet tagħhom mal-industrija; u dan sabiex il-kelma tassew tibda tgħodd, tikseb valur tanġibbli u li jħalli effett, u forsi, min jaf, il-ktieb ma jibqax biss għelm tal-vanità iżda wkoll artefatt li jixhed il-ħidma u l-involviment.
Huwa l-ixprunar tal-ħsieb kritiku, anki fost dawk li, minħabba l-mestier tagħhom, jafu jilludu ruħhom li jsorru l-veritajiet, li għandu jseħħ, anki b'ħidmet b’fondazzjoni bħal HELA, biex il-kitba tibqa’ aħda fittiexa ta’ idjoma ġdida u li tibqa’ tisfida sew is-sens komun, filwaqt li tkompli tittanta tnaqqax niċeċ ta’ setgħa u ta' tifsir minkejja l-isfidi oġġettivi li tħabbat wiċċha magħhom.