Kotba | Kappell jiġik
Mark Vella jsib ħafna spunti uniċi f’Patria ta’ Gabriel Schembri, rumanz li jidħol bir-ras għall-problema tar-razziżmu u li ma jiddejjaqx jimmaġina vjolenza mod ieħor, f’dik li madankollu kapaċi issir żurżieqa perikoluża li min jaf fejn tista’ twassal
Dan kien ieħor jistenna fuq l-ixkaffa, u li l-kitba tar-reċensjonijiet fl-aħħar ħajritini naqrah. Dawra fuq l-internet ma tagħtikx wisq dwar il-ktieb jew kif intlaqa’, imma dan ir-rumanz tal-2017 kont smajt dwaru minn fuq il-blogg, issa rieqed, tar-reċensur misterjuż The Maltese Reader (li kont ktibt dwaru qisu sitt xhur ilu).
Bħal bosta kotba li joħorġu Malta, għaddew ħames snin minn ħruġ dar-rumanz u għadu jinstab fil-ħwienet u għand id-distributuri. Storja tajba, speċjalment bħala idea, imma wkoll fl-iżvilupp tal-livelli ewlenin tan-nisġa li jżommu lill-qarrej interessat, minkejja mumenti li setgħu nħadmu aħjar. Imma mhuwiex proprja l-punt: hija storja rari dik irrakkuntata f’Patria (Klabb Kotba Maltin, 2017), li taqbad l-aspetti ewlenin tad-dibattiti ta’ dawn l-aħħar snin dwar l-immigrazzjoni u r-razziżmu u tagħtihom laqta rari fejn il-protagonisti, donnhom bil-barka espliċita tan-narratur, jaqtgħuha li jieħdu l-liġi f’idejhom u joqtlu lil kampjuni sterjotipiċi ta’ razzisti li kull Malti kapaċi jagħraf, minn dawk li jkebbsu n-nirien minn fuq il-midja soċjali sa dawk li n-nar jaslu biex tassew jużawh.
Nuqqas ieħor, u did-darba jista’ jkun minħabba l-ħin limitat li l-pubblikaturi Maltin – affaċċjati bħal ma jkunu minn limitazzjonijiet oġġettivi – jagħtu lill-edizzjoni u lill-viżjoni kumplessiva tar-rumanz, hija li n-narratur huwa, mill-bidunett, trasparenti u skjerat għall-aħħar. Taf ma’ min iżomm, essenzjalment taf x’ġej, jagħti gratwitament il-kummenti tiegħu dwar il-karattri negattivi tan-nisġa. Madankollu, u minkejja dawn l-għeltijiet stilistiċi, dan ktieb li ħaqqu jinqara forsi għall-proġett li huwa, lil hinn mill-valur letterarju per se. L-ewwelnett, il-ħeffa tal-lingwaġġ u l-attitudni lejn ir-rakkont ta’ storja żżommok hija waħda neċessarja ħafna, anki għall-industrija tal-kotba: nimmaġina li kieku tmexxa aħjar u f’aktar wisa’, dan kien ktieb li kapaċi kien joħloq diskussjoni. U mbagħad, hemm livell popolari importanti, fis-sens li miktub donnu fit-tradizzjoni tar-rumanzett li għalkemm imwarrab mill-kritika, huwa oġġettivament l-aktar moqri mill-maġġoranza spiss anonima tal-qarrejja Maltin.
Fil-kuntest, għalhekk, tal-messaġġ xejn banali li għandha din l-istorja, Patria jixraqlu l-attenzjoni. Bħala prodott editorjali, fil-fatt, jikser almenu żewġ tabuwijiet: juża idjoma popolari biex jittratta kwistjoni attwali u serja, b’mod serju u xejn affattu banali, filwaqt li ma jsibx problema biex jittratta l-vjolenza. Din it-tieni waħda l-aktar li interessatni: il-ktieb Malti, tajjeb kemm ikun tajjeb, jaf sikwit ikun imliġġem minn nuqqas ta’ immaġinazzjoni jew inkella joqgħod lura milli jesplora l-irkejjen mudlama wisq, donnu mirdum taħt mażżra ta’ korrettezza, biża’, prudenza, li hija l-istess waħda li toħnoq diversi espressjonijiet kreattivi u intellettwali oħra. Schembri, mhux b’imprudenza, imma b’responsabbiltà u anki sens lagħbi ta’ libertà, ma jiddejjaqx jipproponi dagħbien etiku fejn dawk li huma t-tajbin — li fir-realtà huma denigrati għall-attenzjoni tagħhom lejn l-Ieħor — għandhom ukoll naħa li bla tlaqliq tista’ tasal għall-estremiżmu f’ġieh l-emmna u l-ideoloġija.
Tant hu hekk, li dan rumanz mimli qtil, stil viġilante, li jista’ jidher tikka parodiku meta taqrah l-ewwel darba, speċjalment minħabba l-kuntesti popolari msemmija fuq, imma li b’xi mod jagħmel sens anki meta tinduna bir-referenzi u r-riskontri pjuttost ovvji għall-istorja reċenti: il-President mara, il-Prim jirkeb fuq qawmien ekonomiku u politika ddetatta mis-surveys, żewġ suldati aħwa li qatlu immigrant. Qagħdiet u ġrajjiet li xi ħaġa bħalhom, iżda b’attitudni letterarja diversa, narawhom f’L-Aqwa Żmien ta’ Immanuel Mifsud, u anki xogħlijiet oħra tiegħu li jagħmluh wieħed mill-ftit li ttanta jidħol sew fl-estetika tal-vjolenza.
Il-vjolenza ta’ Schembri hija waħda diretta, kważi kkalkulata, u li għandha wkoll elementi splatter, li jista’ jaħsad u jdaħħak waqt il-qari, forsi ma jitteħidx daqshekk bis-serjetà b’qari globali mod ieħor, imma li jissarraf f’mumenti strateġiċi li jwasslu mingħajr wisq dawrien mal-lewża intenzjoni awturjali preċiża. Essenzjalment, int li qed taqra bħalissa u xi darba esprimejt ir-razziżmu b’tali mod li pparteċipajt fin-normalizzazzjoni tiegħu, almenu f’realtà parallela letterarja, jaf issib kappell jiġik, illum qabel għada, u minn min anqas tistennih.
Ma ddejjaqni xejn din il-ħaġa. Naħseb li turi ċertu kuraġġ u ħelsien min-naħa tal-awtur, li b’xi mod jissublima fil-kitba xewqat repressi li madankollu ma jridux wisq biex jitwettqu min-naħa l-oħra, kif anki ġara u jixhdulna l-aħbarijiet. Tibda tonqos għalhekk il-gratuwità tal-vjolenza, speċjalment fl-isfond storiku li jagħti n-narratur fir-referenzi għall-ħsibijiet traġiċi ta’ Primo Levi kif ukoll għall-ġrajja tal-Brigata Lhudija. Il-ħażen, fil-banalità tiegħu, ma huwa dominju ta’ ħadd partikolari, fl-aħħar mill-aħħar.
Flimkien mal-vjolenza, għalhekk, hemm togħma ta’ dilemma etika. Jaf il-ħeffa tal-ktieb ma tiflaħx għall-piżijiet kollha li jittanta jitfgħalha l-awtur, imma bosta mis-suġġerimenti, speċjalment f’dak li għandu jaqsam mal-ġrajjiet u l-kategoriji tal-karattri, jagħtu spunt pjuttost preċiż tad-dinamika tas-sitwazzjoni tar-razziżmu f’pajjiżu. Għal darb’oħra, mhijiex il-vjolenza profonda li naraw f’Mifsud jew inkella dik sublimi u unika ta’ Il-Baqta ta’ Henry Holland, fost l-oħrajn għaliex hemm dimensjonijiet klassisti u soċjopolitiċi li mhumiex affrontati daqshekk. L-awtur jinħall minn din il-kobba bil-mumenti didattiċi u bil-mini lezzjonijiet tal-istorja (Nathan, il-protagonista, fil-fatt, jgħallem das-suġġett is-sekondarja), u kważi kważi nazzarda ngħid li dawn il-waqtiet jagħmluh ktieb provokanti u saħansitra edukattiv li jittrattata l-problema b’mod provokatorju u ovvjament mingħajr sentimentaliżmi. Anki dawk li għandhom qalbhom perżuta kapaċi jkollhom l-istonku għall-ġest estrem.
Din il-vjolenza fakkritni wkoll f’Un Borghese Piccolo Piccolo ta’ Vincenzo Cerami u l-film ċelebri b’Alberto Sordi fil-parti ewlenija. L-element tal-klassi hemm huwa ħaġa oħra, forsi mhux daqshekk hawnhekk imma xorta lezzjoni fil-kitba, imma bl-istess mod, in-narrazzjoni ta’ Schembri qisha tissuġġerixxi li għall-impasse fejn kategorija tħossha li ħadd ma jista’ għaliha u tagħmel li trid, sakemm tassew tasal il-bawxata, hemm bżonn antidotu daqstant vjolenti, f’dik li effettivament taf issir gwerra, ġlieda eterna sal-aħħar qatra demm.