Kotba | Storiċista
Mark Vella ilu intrigat mill-biċċiet li jaqra regolarment ta’ xogħol Charles Xuereb. Mhux Frankofilija għamja, imma stħarriġ attiv tal-memorja kollettiva, b’ħarsa proġettwali lejn il-futur
Ftit ġimgħat ilu, il-forum tal-Facebook Kelmet il-Malti xegħel b’waħda mill-ħuġġiġiet regolari li jaqbdu fih, u li wara li jintfew tinduna li kienu biss nar tat-tiben. Dal-mumenti, f’forum popolarissimu li issa jgħodd aktar minn 25,700 abbonat, jiġu sew minn taħbiliet frott nuqqas ta’ għarfien u passjoni lingwistika żgwidata, li lanqas l-amministraturi tas-sit ma jsibu rkaptu tagħhom, jew inkella stagħġib ġenwin tal-kelliem medju għall-barbariżmi u l-ivvintazzjonijiet puri li wisq sikwit jidhru b’ittri jixegħlu fuq il-mezzi tax-xandir.
Waħda minn tal-aħħar kienet il-kelma ‘storiċista’, li mid-dehra nstemgħet fuq l-aħbarijiet tat-TVM, u qalgħet furur ċkejken għax inħaseb li kienet kelma ġdida flok ‘storiku’. Għalkemm ma kontx rajt l-aħbar, mill-ewwel issopponejt li kienet tittratta lil Charles Xuereb li, b’mod forsi provokattiv, jinsisti li jiġi deskritt b’dan il-mod. In-nar intefa ftit wara u — apparti l-mod mekkaniku kif bosta minna jħarsu lejn il-lingwa, bħal dak li qallu l-kliem huma biss dawk li nafu u li m’hemmx lok għal varjazzjonijiet jew inkella sejbiet ġodda li jkabbrulna tikka l-għarfien u jixegħlulna injoranza ġa tixgħel minnha nnifisha – ħareġ aspett interessanti dwar kif inħarsu lejn l-istorja.
Issa, hemm diversi dibattiti dwar id-differenza bejn l-istoriku u l-istoriċista, imma naħseb li Xuereb, kif naraw ampjament fi France in the Maltese Collective Memory (Malta University Press, 2021) issa fit-tielet edizzjoni tiegħu, irid jisħaq fuq il-fatt li l-istorja mhijiex rakkont monolitiku dwar dak li ġara li għandna naċċettaw bil-għama, imma l-interpretazzjoni tagħha tibqa’ dinamika anki meta meħuda fil-kuntest tal-preżent li qed ngħixu u l-ġejjieni li jiġi immedjatament warajh. Xuereb, Frankofilu magħruf li l-imħabba għall-pajjiż juriha bil-fatti u bl-istudju, jabqad is-sentejn ta’ Franza Napoljonika f’Malta, u jinterpratahom b’mod li jisfida l-miti sammi li nbnew wara din il-ġrajja, li tant tgħallimna narawha bħala xi tislita patrijottika kontra kolonizzatur għatxan għad-demm.
Xogħol simili bħal dan, maħsub biex jiddubita mit, sar ġa minn Mark Camilleri fil-każ tal-ġrajja fundamentali tal-miġja ta’ San Pawl (Il-Mit Pawlin u l-abbuż tal-istorja Maltija, SKS 2013), għal darb’oħra ġrajja dwar kif l-istorja tul iż-żmien tintuża mis-setgħat biex twassal għal għanijiet oħra, essenzjalment l-ideoloġija u l-għarfien falz li jsir sens komun li qatt ma jiġi ddubitat. Ix-xogħol ta’ Xuereb isemmi ħafna l-memorja, u mill-bidu jipproponi li bosta mill-miti storikament impreċiżi dwar dan il-mument storiku għandhom jiġu miftuqa bl-iskapell kirurġiku għaliex għandhom effett fuq il-mod kif naraw lilna nfusna llum.
Niftakar f’anedottu ċkejken ta’ meta lejn l-aħħar tad-disgħinijiet, kont ipproduċejt flimkien ma’ tliet kollegi oħra, dokumentarju għall-PBS li qatt ma ra d-dawl (minħabba li tlesta mal-bidla fil-gvern u allura f’Malta nerġgħu lura għall-annu żero), imma li ssibu liberament fuq YouTube. Kwartakollox kien analiżi tal-aħħar kwart tas-seklu Malti qabel il-bidu ta’ millennju ġdid u, entużjasti nispjegaw il-proġett tagħna lid-diriġenti tax-xandir nazzjonali, ġurnalist ewlieni kien iffriżana b’ qawl tat-tip ‘History, hux...ismu miegħu’, fis-sens li l-istorja ġrat u daqshekk, mingħajr bżonn ta’ studju u interpretazzjonijiet. Ktieb moqri, magħluq, u mħolli għal dejjem fuq l-ixkaffa. L-istoriku vera ta’ maġenbi kien beda jbiddel il-kuluri, imma almenu rnexxielna ntiru minn fuq din il-banalità u x-xogħol sar kif ridna.
Hija attitudni li Xuereb irid jaffrontaha bir-ras u bis-sieq, kif ngħidu, u f’dan il-volum ta’ suċċess iħares lejha minn diversi angoli: mhux biss mill-aspett tad-dokumentazzjoni storika tal-ġrajja politika, imma anki mill-effetti sussegwenti tar-rakkont, in-narrattiva u r-riproduzzjoni. Hemm taqsima lejn l-aħħar li tinteressani li wkoll tħares lejn l-istoriċiżmu tal-kittieba tar-rumanz storiku-romantiku Malti li spiss is-servew bil-Franċiż bħala antagonist utli għall-intreċċ u l-għan politiku tal-ġrajja tagħhom. Din mhijiex biss ħaġa tal-imgħoddi, għax kif juri Xuereb, in-narrattiva dwar dan il-perjodu (bħan-narrattivi dwar kull perjodu storiku ieħor, wara kollox), iwasslu għal manipulazzjonijiet, anki fi żmienna, li jiġu pperpetwati mid-diversi mezzi tax-xandir.
Fl-introduzzjoni, Xuereb jelenka lista ta’ miti li, imqiegħdin kif inhuma, isiru stalletti għall-konxju edukat Malti li ma jiblax kollox kif ġieb u laħaq. Il-ħerba u s-serq mill-knejjes, l-Imblokk, imma anki l-miti dwar ix-xabla ta’ La Vallette li rriduha lura akkost ta’ kollox. L-awtur għalhekk jerġa’ jżur dak li jsejjaħ ‘(I)mkejjen tal-memorja’ fejn il-verità, jew almenu parti sostanzjali minnha, ġiet mgħawġa b’modi inkredibbli. Fuq livell minnhom, dan jaf ikun rumanz tal-biża’, speċjalment għal min għandu ċ-ċertezzi kbar: anki s-sempliċi fatt li l-famuża rewwixta kontra l-Franċiżi setgħet kienet ribelljoni ta’ bdiew u raħħala injoranti mmexxija minn konfoffa bejn il-Knisja u l-Maltin Anglofili f’ġieh li nibdlu kollox biex ma nibdlu xejn, taf tolqot fil-laħam il-ħaj u tneżżagħlek is-saffi li bihom tlibbist tul is-snin u li ħarsuk mill-element li jisfidawlek iċ-ċertezzi.
Tant hu hekk, li s-suppożizzjoni ta’ Xuereb hija fil-fatt li l-Malti jaf qed ibati minn ‘marda storika’: il-memorja tiegħu hija waħda misduda, jew inkella mibnija paradossalment fuq in-nisi, u għalhekk dan jaf ikollu effett fuq ir-relazzjoni soċjali bejn l-esperjenza tal-imgħoddi u l-istennija tal-ġejjieni. Kull storiku fl-aħħar mill-aħħar huwa/għandu jkun storiċista, jekk insejsu l-mestier fuq premessi bħal dawn, imma Xuereb bir-raġun jinsisti li jkun magħruf b’dan il-‘laqam’ akkademiku għall-fatt li xogħlu huwa essenzjalment li jipproblematizza r-rakkont, in-narrattiva u l-mod kif ngħidu l-istejjer dwarna nfusna, lilna nfusna.