Kotba | Eżerċizzji fl-empatija
Lil Mark Vella jiġih id-dubju jekk huwiex qed jiddefendi ’l underdog bħas-soltu, imma l-kitba ta’ Joe Camilleri tiġbdu u tissodisfah kulma jmur. L-Eku tal-Ħabbata (Horizons, 2022) jerġa’ jkebbislu dan l-entużjażmu.
oe Camilleri x’aktarx mhuwiex se jirbaħ ħafna premjijiet jew rikonoxximenti uffiċjali. Anki dis-sena, b’Mużajċi tat-Tafal (Horizons, 2020) m’għamilhiex għal-lista finali tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, imma jista’ jkun għax din l-edizzjoni rat xebgħa żwiemel itellqu għall-kategorija tan-novella, u Camilleri, jekk ma tkunx taf kitbietu, taħsbu xi mohor ġwejjed jew xi inkella xiħ li wasal żmienu u kulma fadallu f’ħajtu jirgħa.
Iżda kien għoġobni u laqatni dal-kittieb li ma kontx naf bih, u kien waħda mill-ftit sorpriżi li kelli kemm ili nikteb dawn l-artikli, biċċa xogħol li dħalt għaliha anki biex niskopri dawk l-awturi li, minħabba mekkaniżmu forsi krudili, dak li jkun diffiċli jsir jaf dwarhom. Ir-reċensjonijiet, bil-qari li jsir xogħol, tawni fil-fatt l-opportunità biex naqra wkoll dak li ħadd jew ftit jgħidulna biex naqraw, jew dak li l-preġudizzju kolt (imma xorta spiss infurmat) iwissina ma naħlux ħin fuqu: dawk il-kotba bil-qoxra daqsxejn antikwata, inkella tleqq u tiddi biex tiġbed qarrej li forsi għandu bżonn dik it-tikka tlellixa żejda biex jaqbad ktieb f’idu. Jew it-titli standard tal-ġeneru importanti, reali u fittizju fl-istess ħin, tar-‘rumanz’, il-cocktail jgħaxxek tar-romance ġeneriku zokkri, ir-rumanz tal-kavallieri, il-qassisin u l-Malti qalbieni li jitkellem bil-qwiel, l-istejjer moqrija bil-kampjunarju tal-ilħna ta’ Twanny Scalpello jew Charles Arrigo. X’ċuċ hu l-Kinnie: din hi x-xarba tassew Maltija.
Imma l-iskoperta pjaċevoli li kont għamilt ta’ Camilleri tkompli anki llum b'L-Eku tal-Ħabbata, ġabra oħra ta’ novelli fejn l-awtur jagħġen ġrajja wara l-oħra kważi mingħajr sforz imma bl-istess impetu ta’ viżjoni stabbilita sew f’kitbietu. Aktar mill-pjaċir ħati, Camilleri, bħalma għidna, huwa ftit mill-kittieba ‘popolari’, fis-sens li għandu xogħol li minnu nnifsu ma għandux pretensjonijiet ulterjuri, li llum kważi nfittxu u naqrah bi pjaċir u ħerqa. Napprezza t-test sewwasew għax ma jippretendix li jkun xi ħaġa oħra, u jiġuni f’moħħi għadd ta’ awturi wisq u wisq aktar ikkwotati, mistiedna u ożannati minnu, li ma jersqux lejn il-qalba tas-sinċerità awtentika ta’ kitbietu.
Ma neżaġerawx, ovvjament. Bħal kull ħaġa fil-ħajja, kollox għandu l-klassifiki tiegħu. Camilleri mhuwiex mal-kbar nett anki għaliex kitbietu hija essenzjalment rakkont li ma jiġbidx neċessarjament l-attenzjoni lejn il-lingwa u l-użu strateġiku tagħha. Imma lanqas ħaqqu jkun minsi fost il-minimi, jew fost il-ħemel tal-kategorija li alludejt għaliha tal-qoxra tleqq imfassla skont manwal grafiku preċiż. Camilleri jżiġġ xi mkien fin-nofs, forsi lejn in-naħa ta’ taħt għax mhux magħruf jew meqjus minn ċertu kritika, anki jekk jaf ikun ħaqqu jkun xi mkien fin-naħa ta’ fuq. Iżda narah rikonoxximent mistħoqq anki li ismu jkun magħruf, mhux biss għax wieħed mill-ftit kittieb Għawdxin attivi, imma anki għax kapaċi jiġi mqabbel ma’ ismijiet aktar ikkwotati jitnikkru fl-istess inħawi.
L-Eku tal-Ħabbata huwa ktieb li għal darb’oħra nistħajlu f’idejn partikolari u preċiżi, fosthom dawk ta’ ġenerazzjonijiet akbar jew qarrejja li jaqraw sempliċement għall-gost u l-mogħdija taż-żmien li tħallilhom xi ħaġa ta’ fejda, jew inkella l-qarrej li jaqbad ktieb f’idu darba fil. Imma lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet tas-suq (li jibqgħu misteru frustranti għal min irid tassew jara x’qed jinqara u minn min), xogħol Camilleri għandu tradizzjonalità attiva u aġġornata li ma ddejqekx, żvilupp mhux polemiku mit-tradizzjoni rakkontatriċi u novellistika Maltija li xorta żżomm elementi bażiċi u importanti li jqanqlu. Ta’ novellier ‘tradizzjonali’ (-ista), Camilleri huwa tat-tip li jħarsu lejn ‘id-demm u l-laħam’, kunċett mifrux għall-aħħar fil-konċezzjoni letterarja Maltija, donnu l-protesta insistenti ġejja minn żmien is-soċjorealiżmu kontra l-letteratura ħawlija minkejja x-xinxilli u t-taħbit tas-sider. Kunċett li mbagħad ġie żviluppat minn Lino Spiteri, u li reġa’ nqabad is-sena li għaddiet minn Steve Borg (żiemel outsider fil-lista l-qasira ta’ dis-sena) u llum fil-ħarsetta tal-aħħar xogħol ta’ Camilleri.
Huma n-nies tad-demm u l-laħam li madankollu għandhom ħajja twila fin-novella Maltija, kif ukoll f’dik tad-dinja kollha, li tħares sikwit, anki minħabba l-konformazzjoni strutturali tal-ġeneru, lejn l-iċken realtajiet umani, fost l-oħrajn it-tbatijiet universali kif espressi minn karattri nonerojċi u essenzjalment mingħajr kwalitajiet partikolari. Hija anki l-paradossalità tad-destin ta’ Camilleri li alludejt għalih fil-bidu: min jaf x’kieku tgħid novella dwar awtur li qatt ma kellu, forsi, is-suċċess li xtaq jew ħaqqu? Imma Camilleri huwa surmast, fiċ-ċokon u fill-qagħda partikolari tiegħu fil-klassifiki, tal-empatija, u hawnhekk jista’ anki jingħaqad ma’ awturi bħal Antoinette Borg, Rita Saliba, u Stephen Lughermo bħala kittieb b’ħarsa fissa lejn il-mekkaniżmi minuti iżda essenzjali tal-ġlidiet tal-ħajja ta’ kuljum.
Il-kitbiet f’din l-aħħar ġabra sikwit joqorbu lejn ir-riflessjoni jew l-esej awturjali, b’leħen in-narratur spiss preżenti jmexxi lill-qarrej u forsi jindikalu t-triq. Iżda mhuwiex qarrej opprimenti u minkejja l-kunsiderazzjonijiet imsejsa fuq l-għarfien popolari, ma jaqax fil-klixè għajjiena jew fl-istqarrija pjetuża li ddejqek, imma jippreżenta kwadrett tant familjari li dak li jkun ma jistax ma jarax lilu nnifsu fih b’xi mod jew ieħor. Ġrajjiet sempliċi u pjuttost lineari li jagħfsu inqas fuq in-nisġa u wisq aktar fuq id-deskrizzjoni dettaljata ta’ mumenti li huma prinċipalment Maltin fis-sensi u x-xbihat li jqanqlu, umani fis-sensazzjonijiet li joħolqu u fit-tematiki li jittrattaw, u fl-aħħar, bħallikieku sinteżi ta’ dawn it-tnejn, kitba ħajja, siewja u vivaċi li ma taljenax. Nazzjonal-popolari? L-elementi hemm qegħdin: xogħol li jaf x’limiti m’għandux jaqbeż, li jagħraf il-ħamrija li qed jaħdem, u li jsib dinamika effettiva għad-deskrizzjoni tal-isfidi umani minsuġa f’dimensjoni kulturali preċiża.
U fl-aħħar, l-empatija, li naraha l-kostanti f’xogħol Camilleri. Hija l-ewwel nett imwielda mill-osservazzjoni akuta, li mhijiex biss waħda realistika tal-mossi u l-fattizzi, imma wkoll tal-essenzjalità tal-eżistenza, fejn il-ħajjiet individwali kollha jaqsmu l-istess tiġrib tal-widien tad-dmugħ. Ma teżistix il-kundanna, imma lanqas m’hemm xi bonarjetà ta’ kittieb sebgħu f’ħalqu. L-isfortuni u t-traġedji personali, kif ukoll il-mumenti eħef tal-ħajja, huwa mistħarrġa b’sensittività li m’għandhiex mill-ħasra iżda żżomm id-distanzi neċessarji biex iddawwal dak il-mumenti li tassew jeħtieġ jitħallew jitnikkru biex minnhom tinbet ir-riflessjoni.
Ħaġa li Camilleri jafha, u t-titlu ta’ din l-aħħar ġabra mhuwiex b’kumbinazzjoni, bħal ma mhijiex id-daħla tal-awtur stess u n-novella li tagħlaq l-antoloġija. Il-ħabbata, artefatt x’aktarx ta’ imgħoddi jew antikità li xorta waħda għad għandu valur attwali, speċjalment simboliku, bħala l-ewwel pass fi vjaġġ xi mkien ’il ġewwa, f’dar u ruħ ħaddieħor, iżda anki simbolu t-tektik insistenti li kontinwament insemmgħu lilna nfusna.