Kotba | ‘It-toroq kollha jagħtu għal post wieħed’
Elena Cardona tistaqsi u tindaga dwar dawn it-toroq li jġibuha wiċċ imb wiċċ mal-aħħar ġabra ta’ Immanuel Mifsud li ġġib l-isem ta’ Għażiż Ġismi (Klabb Kotba Maltin, 2023)
EC: Lilek Immanuel, il-qarrejja jafuk bħala kittieb ta’ diversi ġeneri ⸺ poeżiji, rumanzi, stejjer qosra, kotba għat-tfal, kitba għat-teatru. Għal darba oħra ssorprendejtna bil-ġabra tal-poeżiji Għażiż Ġismi (Klabb Kotba Maltin, 2023). “Għażiż ġismi” hu l-vers li bih tibda kull strofa tal-poeżija ‘Mater Dei’. Taf hux, din hi poeżija intriganti. Mhux Mater Dei bħala post jew spazju imma għax dan il-ġisem li inti qiegħed tindirizza jinbidel fil-jien tiegħek. Hekk jistqarr l-aħħar vers: “Għażiż ġismi – għażiż jien”. Għaliex “għażiż ġismi”, jew aħjar, “għażiż jien”? Xi spazju jokkupa l-ġisem f’din il-ġabra? X’rabta hemm bejn il-ġisem, il-poeżija u l-jien tiegħek?
IM: Jien nemmen li l-bniedem huwa, qabelxejn, ġisem. Kull mument u kull aspett ta’ ħajtu se jkun esperjenzat u espress fiżikament. Imqar l-essri tiegħu, hija qabelxejn, fiżika. Il-fehma bażika tiegħi hija li jien ma neżistix jekk ma jeżistix ġismi; jew, biex ngħidha mod ieħor, ġismi jagħtini l-eżistenza tiegħi. Imma mhijiex biss kwistjoni ta’ eżistenza: anki l-identità tal-individwu hija dovuta għall-fatt li qiegħed fid-dinja permezz ta’ ġismu.
Jien il-ġisem tiegħi, u allura mhux biss hemm rabta bejn il-ġisem u l-jien, imma l-ġisem huwa jien u viċeversa. Il-poeżija tidħol f’dan kollu għar-raġuni sempliċi li qiegħda tirrapporta dan il-fenomenu. Minbarra l-fatt li anki l-kitba tal-poeżija hija eżerċizzju fiżiku: ibda mill-fatt bażiku li dak li jkun irid juża xi parti minn ġismu biex jiktibha, u spiċċa fl-osservazzjoni aktar intriganti li aħna nesperjenzaw id-dinja fiżikament.
EC: Din il-mistoqsija tintrabat ma’ ta’ qabilha. Bħala awtur tħobb tuża u tesperimenta bil-pronom ‘int’ – magħruf ukoll bħala t-tieni persuna. Kif taqdik it-tieni persuna fil-kitba tiegħek? Għaliex mhux l-ewwel jew it-tielet persuna, meta huma daqshekk qrib xulxin?
IM: Aktarx li t-tieni persuna tagħtini volum akbar ta’ spazju fejn nista’ nimraħ. It-tieni persuna taf tindika d-djalogu interjuri, inkella d-djalogu mal-Ieħor. L-Ieħor, m’għandniex xi ngħidu, huwa entità multipla: jista’ jkun ħafna persuni differenti, jista’ ma jkun ħadd definit, jista’ lanqas biss ikun eżistenti. Il-poeżija tista’ tkun djalogu bejn il-poeta u Manuel, bejn il-poeta u xi ħadd ieħor, jew bejn il-poeta u ħadd. Naħseb li dawn il-possibilitajiet kollha tista’ tagħtihomlok biss it-tieni persuna.
EC: L-ewwel sezzjoni ta’ din il-ġabra, Covid Dsatax, tiftaħ bil-poeżija ‘Sophie’. Skontok, Sophie hi qattusa esiġenti li kull filgħodu tkun tistenna bil-ħniena biex xi ħadd jitmagħha fuq il-kampus tal-Università. Din il-poeżija għandha riżonanza qawwija mal-poeżija t’Anton Buttigieg ‘Il-Kebbies tal-Fanali’. Fi żmien il-pandemija, Sophie kienet għalik bħalma Majsi kien għal Buttigieg?
IM: Sophie ma kinitx vitali għalija daqskemm Buttigieg jisħaq li hija vitali għalih il-poeżija. Qabelxejn, ‘Sophie’ mhux biss għandha riżonanza ma’ ‘Il-Kebbies tal-Fanali’ imma tinkiteb fuqha: l-istess versifikazzjoni, l-istess ritmu, l-istess argument. Meta ktibt ‘Sophie’ kont l-uffiċċju minkejja li konna għadna ngħallmu permezz ta’ pjattaforma elettronika minħabba l-lockdown parzjali li sibna rwieħna fih. Il-kampus tal-università kien baħħ u f’daqqa waħda titfaċċa din il-qattusa tant ħelwa li fiż-żminijiet normali kienet tiġi spiss in-naħa tiegħi.
Kien mument qasir ħafna imma stħajjiltu avveniment li waqtu żewġ persunaġġi, żewġ iġsma jekk trid, sellmu ’l xulxin wara assenza twila. Żmien il-pandemija, speċjalment fl-ewwel xhur tagħha, meta allura konna neqsin minn vaċċin u minn ħwejjeġ oħrajn importanti fid-difiża tagħna kontra l-virus, għalija kien żmien ta’ tensjoni kbira anki minħabba l-kundizzjoni li nbati biha għamlitni vulnerabbli ħafna. Il-laqgħa ma’ Sophie, qasira u solitarja, kienet esperjenza poetika kważi.
EC: Il-poeżija ‘Bejn’ tmiss tema importanti – is-skiet. Hi magħmula minn dan id-distiku minimalist: “Bejn kelma u oħra m’hemmx silenzju. / Bejn sikta u oħra hemm wisq kliem.” Temmen li s-silenzju hu kakofoniku? Li fis-silenzju hemm iktar ħajja? Li din is-sikta ser tinfaqa’ bil-memorji? X’inhu s-skiet għalik? U kemm hu essenzjali għall-poeżija tiegħek?
IM: Hemm silenzji differenti. Hemm silenzji sbieħ, oħrajn inqas sbieħ; hemm silenzji li huma qaddisa, oħrajn perikolużi. Naħseb li l-unika ħaġa komuni bejn id-diversi silenzji li jeżistu hija li ebda minnhom ma jindika vojt. Ebda silenzju mhu vojt. Kważi nasal ikolli nuża l-paradoss li ebda silenzju mhu silenzjuż. Il-ħemda, kelma li tinstema’ tassew sabiħa f’widnejja, ukoll għandha l-ħoss tagħha. Meta mbagħad nitkellmu fuq is-silenzju ta’ dawk li huma msikkta, ma nistgħux ma nagħrfux it-tensjoni li hemm taħtu.
L-istess dak is-silenzju ta’ min qiegħed jibża’ jew jistħi jitkellem: dak huwa silenzju skomdu ħafna, silenzju storbjuż ħafna. Jien qatt ma kont persuna “tas-silenzju”. Għext l-ewwel snin ta’ ħajti f’lokalità storbjuża ħafna minħabba t-traffiku, l-ajruplani li kienu jinżlu u jitilgħu mill-ajruport ta’ Ħal-Luqa, il-ħsejjes tat-tarzna u, fuq kollox, id-diskors ħafna drabi b’volum għoli li kien jinstema’ minn dar għal oħra minħabba li l-bini tagħna kien u naħseb li għadu geġwiġija waħda.
Tfuliti u l-adolexxenza tiegħi qattajthom f’waħda mill-aktar pjazez kbar u traffikużi li għandna f’Malta u qatt ma naf li fittixt is-silenzju. Anzi, il-postijiet silenzjużi mhumiex ħbieb tiegħi: il-libreriji, ngħidu aħna, minkejja kemm inħobb il-kotba, iqabbduni ċerti nervi, l-istess il-mużewijiet. Mill-banda l-oħra għandi averżjoni kbira għal nies li jitkellmu jgħajtu jew li jitkellmu ħafna u l-festi kollha daqq tal-baned u sparar inqishom allerġija li tkiddni ħafna. Kif tista’ tara, mela, il-mod kif ngħix il-ħoss u s-skiet huwa pjuttost ambivalenti. U dan naħseb li jidher anki fil-poeżija tiegħi.
Minn banda għandi poeżija li kważi ġġiegħlek taqraha minn taħt l-ilsien, imma mbagħad, il-ktieb ta’ poeżiji għat-tfal Paramm Paramm jispiċċa b’poeżija mimlija storbju, inkluż daqq itarrax tal-banda, appuntu “Paramm Paramm”. Naħseb li dawn il-kontradizzjonijiet jistgħu anki jinġabru f’mumenti differenti fl-aħħar xogħol teatrali tiegħi li ttella’ dan l-aħħar mit-Teatru Anon, Dik is-Siġra f’Nofs ta’ Triq, fejn għandek persunaġġ bħall-Banda tal-Imqarbin, kollha għajat u storbju, u mbagħad il-karattru pjuttost enimmatiku tal-Mara li Toħlom Tgħajjar bil-vers tipiku tagħha: “Iskot, Banda, hawn wisq storbju.”
EC: Stella Camilleri tgħid hekk dwar din il-ġabra tiegħek: “Poeżija li tħallik bla nifs u fl-istess waqt tħajrek tkompli tixxabbat magħha forsi tasal fil-quċċata.” U jien nazzarda nżid li din hi poeżija li l-qarrejja jagħmlu tagħhom għax kollha ngħaddu mill-proċess tax-xjuħija, tal-mard, il-memorji tal-passat li jħabbtuna jew iserħuna ...
IM: Nirrikonoxxi l-fatt li l-poeżija tiegħi tista’ tħalli n-nies bla nifs, kif apparentament ġralha Stella. Nifhem li għandha ħafna tensjoni, biża’, tbatija u skumdità ... nasal ngħid mhux biss ħafna imma wisq. Jekk tħajjarx lill-qarrejja jkomplu jixxabbtu magħha, ftit li xejn nista’ nikkonfermah. Dik hija xi ħaġa li jistgħu jgħiduha biss il-qarrejja. Propju riċentement kelli lejla ta’ qari fis-sensiela “Aqrali, Qaltli” li issa ilha għaddejja xi ħames snin jew aktar, u kif spiċċajt waħda mara ġiet fuqi u qaltli li kellha d-dmugħ nieżel tul il-qarja kollha.
Onestament iddispjaċieni ħafna għaliex ma nixtieqx li nbikki lil dak li jkun, iżda dis-sinjura serrħitli rasi li kienet esperjenza li missitha aktar milli nikktitha. Nispera. Wara kollox, jien dejjem emmint – u dan nirrepetih kemm-il darba lill-istudenti – li l-poeti mhumiex nies speċjali, li dak li jħossu huma jħossuh ħafna nies oħrajn, li dak li jaħsbu u li jagħmlu, huwa biss dak li jaħsbu u jagħmlu l-bnedmin l-oħrajn. L-unika speċjalità li għandhom il-poeti hija li jafu jilagħbu bil-kliem b’mod li joħolqu s-sabiħ anki jekk hu sabiħ li jbikkik. Mill-bqija huma nies normali.
EC: Imbagħad hemm l-istil li tuża. Dan interessanti wkoll. Tfixkilt ftit kif ser naqra l-poeżija ‘Bjuda’. L-ewwel qrajt in-naħa tax-xellug, imbagħad tal-lemin. Imbagħad qrajt kelma minn kull naħa. Bħal donnu kollox beda jagħmel sens, kull mod kif naqraha. Din mhijiex l-istess bjuda ta’ Dun Karm. Kif tħoss li l-istil jgħinek biex tesprimi l-ħsus tiegħek?
IM: Le, altru li mhijiex il-bjuda ta’ Dun Karm! Din bjuda ‘maħmuġa’ li nitkellem fuqha; bjuda importanti ħafna imma. ‘Bjuda’ (tiegħi) tuża t-ternarju li huwa vers rari imma tassew movimentat u gustuż, jekk tippermettili l-kelma. Tiftakarha l-poeżija, ormaj antika, ta’ Erin Serracino Inglott, ‘Ix-Xita’? Ġeneralment nuża l-endekasillabu, kważi nasal ngħid sirt skjav tiegħu. Imma mbagħad jiġu drabi fejn għoddni nirribella kontrih, bħal f’dan il-każ. Xorta nsostni li ‘Ix-Xita’ ta’ Serracino Inglott, hija poeżija eħlew sew minn tiegħi. F’dan il-każ naħseb li kelli aptit nilgħab ftit, għax fil-poeżija tista’ anki ssib l-element tal-logħob, element infantili kważi.
EC: Hemm ukoll it-tema eżistenjzali. F’‘Mera’ il-persona hu wiċċ imb wiċċ mal-bidu u t-tmiem. Din id-djalettika tal-bidu u t-tmiem hija dejjem magħna, mill-bidu nett. Xi ħaġa li ma nistgħux naħarbu, li sitwazzjonijiet bħal Covid Dsatax ġagħluna naħsbu aktar fuqha ...
IM: Ngħid għalija ma kellix bżonn il-Covid Dsatax biex naħseb fuq il-bidu u t-tmiem: huma żewġ ossessjonijiet li trabbejt fihom għax kont diġà naħseb ħafna fuqhom, bla ma ridt, minn mindu kont tifel fl-iskola primarja. Mhux biss it-tmiem, ħa nkun onest. Anki l-bidu jintrigani ħafna.
Pereżempju waħda mill-istupidaġnijiet tiegħi hija li ġieli noqgħod nistħajjel dak il-mument meta fuq Malta rifes l-ewwel bniedem; jew dak il-jum meta xi ħadd iddeċieda li jibda jibni tempju, jew li jaqbad ġebla u jiskolpiha f’mara ħoxna li għadna – għallinqas uħud minna – inqimuha sal-lum. Hemm bidujiet oħrajn, ħafna oħrajn, li jintrigawni. La qegħdin nitkellmu fuq il-poeżija, qatt staqsejt lilek innifsek kif u meta jibda proċess li jwassal għal poeżija?
EC: “it-toroq kollha jagħtu għal post wieħed” ⸺ x’toroq huma? Dawk li jagħtu għall-metropolis? li jagħtu għall-jien? għall-poeżija?
IM: Li jagħtu għat-tmiem. It-tmiem huwa l-unika destinazzjoni u l-unika direzzjoni tat-toroq tagħna, huma liema huma dawn it-toroq.