Kotba | Żraben Puliti u Xogħol Meqjus
Elena Cardona tissaħħar b’dan il-misteru taż-żraben, iżda wkoll wara t-teknika narrattiva li juża b’tant ħila Trevor Żahra.
Kull meta jkolli xi okkażjoni speċjali, l-ewwel ħsieb li jiġini f’moħħi hu x’ser nilbes. Dan mhux biss jinkludi l-libsa, qalziet u qmis, jew xi dublett u flok, imma wkoll iż-żarbun. X’biċċa uġigħ ta’ ras kull meta jkolli mmur nixtri par żarbun ġdid jew biex nilbes wieħed milli diġà għandi. Il-bunion minfuħa u ħamra ħdejn is-suba’ l-kbir tas-sieq ix-xellugija ma tħallinix nilbes liema żarbun irrid. Xi minn daqqiet għalxejn nixtri ż-żarbun wiesa’ għal tal-apposta biex il-bunion tkun imlaħalħa u forsi nkun nista’ ngħaddi serata mingħajr uġigħ. Jaħasra mhux li kien li Lelluxi u Fjamma jaħdmuli xi żarbun abjad tal-ġilda bħal ta’ Tina!
Min huma Lelluxi, Fjamma u Tina? Dawn mhuma ħadd ħlief il-karattri mill-ktieb ġdid fjamant Żraben (Merlin Publishers, 2023) ta’ Trevor Żahra. Hemm ukoll iktar karattri bħal Marco, iz-zija Rebecca, iz-ziju Reno, Rosa Cachia u John Bianchi. Żraben hu rrakkontat minn Marco, ġuvni li llum għandu dsatax-il sena iżda kien kiteb dan ir-rakkont meta kien għalaq it-tnax-il sena. Kif jgħidilna hu stess fl-ewwel paġni tal-ktieb, Marco joqgħod maz-zija Rebecca u z-ziju Reno ż-Żejtun u qabel, meta ommu kienet għadha ħajja, kienu joqogħdu Raħal il-Ġdid. Lil missieru qatt ma kien jafu għax kien għad kellu biss sena u xahrejn meta dan miet b’inċident fuq ix-xogħol. Xi sfortuna waqgħet fuq Marco! Spiċċa ltim minn ta’ età żgħira. Dan għadu mhu xejn meta l-qarrejja jiskopru wkoll li Marco jesperjenza l-ħajja minn fuq is-siġġu tar-roti. Però Marco qatt ma jħossu miskin. Żahra jiddeskrivih bħala karattru emanċipat u pożittiv immens u jurina li l-fatt li Marco
aċċetta s-sitwazzjoni tiegħu għenitu biex jimxi ’l quddiem f’ħajtu mingħajr qatt ma jaqta’ qalbu u ma jillimita ruħu. U xħin taqraw il-ktieb tkunu tafu għaliex qiegħda ngħid hekk.
Meta dan il-ktieb ġie f’idi u qrajt il-ħarsetta, tgerfixt ftit għax ma kontx naf biex kien ħiereġ Trevor Żahra. Kien ilu ftit mhux ħażin assenti mix-xena letterarja tat-tfal imma din l-assenza ma ddiżappuntatnix għax Żraben hu rumanz mill-isbaħ għat-tfal u anke għal dawk li togħġobhom l-avventura. Il-ħarsetta tgħid xi ħaġa hekk: “Ma nafx jekk din l-istorja hix dwar il-ħbieb tal-qalb ta’ Marco u Tina. Jew hix dwar iż-żewġ nani u l-iskarpan, jew dwar Rosa li fi żmien il-gwerra kienet toqgħod fid-dar ta’ Marco. Jew forsi lkoll flimkien qed jidħlu fl-istorja ta’ xulxin.” Mill-ħarsetta wieħed jinduna li hemm tliet stejjer separati li jintisġu f’rakkont wieħed. Meta wieħed jaqra l-ktieb dan isir konxju ta’ sensiela ta’ stejjer – bejn stejjer prinċipali u dawk sekondarji – li jisfumaw f’xulxin. Fit-teorija narrattiva kieku ngħidu li hemm il-plot ewlieni u ħafna iktar sub-plots.
Dan il-fatt gerfixni ftit kif ser nikklassifika l-karattri, lil min ser insejjaħ protagonist jew le. Marco huwa protagonist, jew aħjar in-narratur ewlieni għaliex ir-rakkont kollu joħroġ minn ‘fommu’. Imma Tina għandha sehem importanti biex seħħet l-iskopertà tax-xelter jew il-laqgħa mqanqla f’Casa Santa Liberata. Hemm ukoll Fjamma u Lelluxi li żgur ir-rakkont ma kienx ikun l-istess mingħajr il-preżenza kontinwa tagħhom. Forsi Marco u Tina, u Fjamma u Lelluxi huma lkoll protagonisti fl-istorja rispettiva tagħhom? Ninsab konvinta però li dawn mhumiex karattri sekondarji u jagħtu sehem essenzjali fl-iżvilupp tal-plot/s.
Malli bdejt naqra Żraben mill-ewwel ftakart fir-rakkonti ta’ Elf Lejla u Lejla – sensiela ta’ rakkonti ġejjin mil-Lvant Nofsani u miktuba bl-Għarbi. Karattru b’saħħtu ħafna f’dawn ir-rakkonti huwa dak ta’ Scheherazade, li b’kapaċità kbira fl-irrakkuntar tal-istejjer jirnexxilha teħles mill-mewt
minħabba l-korla qalila tas-sultan. F’dawn l-elf lejla u lejla, Scheherazade tirrakkonta elf storja li kollha b’xi mod jew ieħor jafu l-bidu tagħhom lill-istorja tal-bidu li hi rrakkuntat lis-sultan fl-ewwel lejla. Hekk jagħmel bl-eżatt Żahra – malli Marco jintroduċi lilu nnifsu mal-qarrejja, fit-tieni kapitlu nsiru nafu bix-xelter u ż-żraben ċkejkna. Imbagħad ir-rakkont jibda jikkomplika ruħu u kull darba li kont naħseb li l-istorja riesqa lejn l-għeluq, kien ikun hemm aktar intriċċi u kumplikazzjonijiet minn ta’ qabel. Imma dawn huma intriċċi u kumplikazzjonijiet ħelwin li jġagħluk ma tagħlaqx il-ktieb sakemm tlestih kollu.
Bħalma jafu ħafna, Żahra dejjem iħejji l-illustrazzjonijiet li jakkumpanjaw il-kotba tiegħu. F’nofs dan il-ktieb hemm ftit paġni mlewna u miktuba bl-idejn, b’kalligrafija magħquda li ma tantx għadek tara minnha. Din hija l-ħrafa tan-nani u l-iskarpan, liema ħrafa Żahra jagħtiha iktar maġija billi dawn in-nani ħabrieka u qalbhom tajba jiġu trasportati fil-ħajja ta’ Marco u Tina. Fl-aħħar tal-istorja dawn in-nani jerġgħu jmorru lura ‘fl-istorja’ tagħhom. Però, ta’ min hu dan il-ktieb f’nofs Żraben? Nistgħu ngħidu wkoll li minn barra li għandna storja ġo storja ġo storja, għandna ktieb ġo ktieb. Dan l-esperiment ta’ ktieb ġo ktieb ħeġġiġni nagħmel esperiment ieħor xħin wasalt biex naqra l-ktieb tan-nani u l-iskarpan: naqra lilu jew inkompli Żraben? Il-kurżità dwar il-qattus fil-basket ta’ Tina ġagħlitni nkompli naqra Żraben.
Wara sbatax-il sena, Żahra reġa’ lura fix-xena letterarja tat-tfal bħalma niftakru jien fi tfuliti: eċċellenti, eċitanti u enerġetiku. Nittama li jkollna iktar ‘żraben’ x’naqraw mingħand Żahra.