Twemmin l-imgħoddi
Daniel Cossai jitkellem dwar kif beda jgħaqqad il-kotba tal-ħrejjef u jissaħħar bil-ġabra l-ġdida ta’ ħrejjef Maltin miktuba minn Stephan D. Mifsud, Maltese Mythology: Volume 1 (Merlin Publishers, 2023)
Xi snin ilu, żort Salzburg, ġewwa l-Awstrija, u – kif jagħmel kull min iħobb il-qari – fettilli nidħol f’ħanut tal-kotba. Ġermaniż ma tantx naf, u l-għażla tal-kotba bl-Ingliż ma kinitx kbira, imma xtrajt ktieb ċkejken ta’ ħrejjef mill-Awstrija. Ġejt lura Malta, intfajt naqrah, u ntbaħt li, filwaqt li ċertament il-ħrejjef kienu qed joħduni lura lejn l-Awstrija fl-immaġinazzjoni tiegħi, fl-istess ħin qishom kienu stejjer li diġà kont naf f’xi forma jew oħra.
Kien b’dan il-mod li nibtet tradizzjoni personali li wasslitni biex bdejt l-iktar kollezzjoni li għandi għal qalbi: dik li, f’kull post li nżur, infittex ktieb tal-ħrejjef lokali. Preferibbilment ħrejjef tas-seħer, iżda wkoll oħrajn mingħajr elementi maġiċi, leġġendi, mitoloġiji… fi kliem ieħor, l-istejjer lokali li l-popli kienu jħobbu jirrakkontaw fil-passat, u li kienu jemmnuhom. Meta l-kollezzjoni bdiet tikber bil-mod, ta’ perfezzjonist li jien, għax xtaqtha tkun kompluta, għamilt lista tal-postijiet kollha li kont żort qabel bdejt inġemma’ dawn il-kotba u bdejt infittex ktieb għal kull wieħed. Irnexxieli, imma ma kinitx faċli, u l-iktar stati li ħabbtuni kienu l-Vatikan – kif wieħed forsi jistenna – u propju Malta.
Meta iktar kmieni din is-sena, Merlin Publishers ħabbru l-pubblikazzjoni ta’ Maltese Mythology: Volume 1 ta’ Stephan D. Mifsud, kont ili li akkwistajt għadd ta’ ġabriet ta’ ħrejjef Maltin, imma xorta fittixt li nikseb kopja minnufih. Żgur li ma kienx żball. Wara kollox, dak li joffrilna Mifsud f’dan il-ktieb huwa differenti ħafna minn dak li tawna l-folkloristi lokali tas-sekli dsatax u għoxrin, bħal Manwel Magri, Ġorġ Pisani, u Ġużè Cassar Pullicino, li ġeneralment ġabru l-ħrejjef u l-leġġendi u ppubblikawhom biex jippreservawhom. Dan il-ktieb, min-naħa l-oħra, mhuwiex eżattament ġabra ta’ stejjer, iżda pjuttost studju estensiv ta’ wħud minnhom, bil-mira li jipprova jistabbilixxi xi forma ta’ mitoloġija li donnhom kienu tassew jemmnuha l-Maltin, speċifikament dawk ta’ żmien ir-Reġina Vitorja, dwar kif inħolqot Malta, l-ewwel Maltin, u superstizzjonijiet oħra. Mifsud jaqbad xogħol dawk ta’ qablu, u b’mod partikolari Ħrejjef Missirijietna u l-Précis de Mythologie Maltaise (tradotta bis-sħiħ għall-ewwel darba fl-Appendiċi) ta’ Manwel Magri, jistħarrġu, jikkritikah u jinterpretah mill-ġdid mil-lenti tal-mitoloġija komparattiva.
Madankollu xorta jinkludi għadd kbir ta’ noti qosra dwar ħrejjef u affarijiet oħra li kienu jemmnu l-Maltin tal-imgħoddi, u għalhekk il-ktieb iservi wkoll bħala mezz biex dawn jiġġeddu fil-kuxjenza kollettiva tal-poplu Malti u Għawdxi. Għan utli, meta wieħed iqis li l-ġabriet passati ma tantx għadek issibhom fil-ħwienet u li ħafna minn dawn l-istejjer illum intesew. Hija ħasra li jekk titlob lil xi Malti jirrakkontalek ħrafa, x’aktarx li jgħidlek xi verżjoni ta’ Cinderella, Barnuża Ħamra, Bajda Silġ, is-Sbejħa Rieqda, jew Pinokkjo, u li ftit huma l-Maltin li jafu jirrakkontawlek il-ħrafa Maltija ta’ Bal Mies, minkejja li din għandha diversi karatteristiċi simili għall-ħrejjef internazzjonali li nafu, ngħidu aħna s-saħħar il-ħażin li jwiegħed lir-re tarbija, basta jroddha lura la ssir adulta – eżatt l-istess mod kif jibdew ħafna verżjonijiet tas-Sbejħa Rieqda.
Fil-fatt, kienu bosta l-ħassieba fil-bidu tas-seklu għoxrin, fl-hekk imsejħa era tal-Istrutturaliżmu, ewlenin fosthom il-Finlandiż Antti Aarne u r-Russu Vladimir Propp, li nnotaw li l-ħrejjef donnhom għandhom arketipi rikorrenti li jfeġġu f’forom differenti. Dan apparti li l-istejjer jemigraw minn kultura għal oħra, u għalhekk insibu xebh qawwi bejn kulturi differenti. Meta jemigraw, l-istejjer jadattaw lokalment, jingħaqdu ma’ oħrajn u jiffurmaw stejjer ġodda, imma l-komponenti arketipali tagħhom jibqgħu identifikabbli.
Filwaqt li dawn l-iżviluppi jagħmluhom interessanti, meta l-għan huwa speċifikament li tinstab mitoloġija Maltija, il-bidliet maż-żmien f’dak li kien jiġi mgħoddi biss bil-fomm jagħmluha diffiċli ħafna li llum insiru nafu l-istorja oriġinali. Madankollu, Mifsud ma joqgħodx lura milli jipprova. Il-ktieb huwa maqsum f’għadd ta’ kapitli li jimxu mill-universali għal-lokali u lura. Mifsud qatt ma jagħtina l-ħrejjef Maltin mingħajr ma jpoġġihom f’kuntest dinji, iżda fl-istess ħin qatt ma jitlef wisq ħin jiddevja mis-suġġett biex jiddiskuti mitoloġiji oħrajn. Kitbietu tibqa’ dejjem ankrata sew fil-kuntest Malti, u jispjegalna fid-dettall kif il-mitoloġiji li importajna għaddew minn proċess ta’ Maltifikazzjoni, ngħidu aħna fil-fatt li l-mostri tal-ħrejjef Ewropej spiss isiru sempliċement Ġganti f’Malta, jew li l-famuża evil stepmother tal-ħrejjef li mdorrijin nisimgħu, f’Malta ssir sempliċement kunjata.
Sibt interessanti ħafna l-mod kif, f’diversi punti tul l-istudju, l-awtur jgħaqqad il-mitoloġija Maltija ma’ kurżitajiet fi lsienna u fl-ismijiet tal-postijiet madwar Malta u Għawdex. Joffrilna oriġini mitoloġika possibbli għal frażijiet bħal “qawsalla”, “boxxla xjaten” u “ferħ ta’ ġenn” u għal bosta ismijiet ta’ postijiet, bħal dak tal-Ġgantija. Dan kollu jservi ta’ tfakkira li għalkemm il-mitoloġiji ovvjament jagħtuna perspettiva letterarja tal-istorja, u mhux waħda xjentifika u bbażata fuq il-fatti, madankollu spiss jibqgħu marbutin mal-ħajja ta’ kuljum, jew jitilqu minn punt marbut mal-istorja.
Minkejja li ħafna minn dan il-wirt mitoloġiku ntesa, dawn l-istejjer xorta waħda huma relattivament familjari u għaldaqstant il-ktieb huwa pjuttost aċċessibbli. Forsi wieħed jaf isejħilhom ħmerijiet tal-passat – iżda dan minnu? Il-Maltin spiss għadek tismagħhom jitkellmu dwar is-seħta u l-għajn. Għadek tisma’ li t-tali persuna jew ħaġa tbassar il-futur. U xi ngħidu għall-festi tar-raħal u l-passjoni ta’ ħafna Maltin għall-“qaddis tagħna” – huma daqstant differenti mill-panteon tal-allat taħt alla akbar ta’ ħafna mitoloġiji klassiċi, jew huma sempliċement l-adattament ta’ dawn il-mitoloġiji għall-kuntest lokali Nisrani tagħna?