Kotba | Dak l-imbierek fenek!
F’rabta mal-immaġinarju tal-Għid, Daniel Cossai jaqbeż qabża f’dinja miżgħuda b’annimali mqarbin li ħolqot Beatrix Potter. Permezz tat-traduzzjoni ta’ Terence Portelli, L-Istorja ta’ Peter il-Fenek (Horizons, 2023) issa tista’ tinqara bil-Malti.
L-Għid il-Kbir tista’ tgħid li sar sinonimu, fost affarijiet oħra, mal-fniek. Hekk kif jibda joqrob l-Għid, jibdew jitfaċċaw il-figolli forma ta’ fenek u tiżjin ta’ kull xorta li jinkorpora l-fniek. It-tfal jiggustawhom, u kif jistgħu le, b’dak id-daqs ċkejken iżda b’widnejn kbar?
Il-ktieb tal-lum m’għandux x’jaqsam wisq mal-Għid, imma għandu x’jaqsam ħafna mal-fniek. Fil-fatt, jittratta forsi l-iktar fenek magħruf fl-istorja tal-letteratura. Qed nitkellem dwar Peter il-Fenek, il-karattru mqarqaċ iżda li kważi impossibbli ma tiggustahx li ħolqot l-awtriċi Ingliża Beatrix Potter lura fl-1902. Fil-120 sena u fuqhom li għaddew minn meta ġiet ippubblikata għall-ewwel darba din il-ħrafa, ma tantx tilfet popolarità. Saħħret ġenerazzjoni wara l-oħra ta’ tfal, li baqgħu jgħożżuha meta kibru u eventwalment għaddewha lil uliedhom. U dan mhux biss fl-Ingilterra nattiva ta’ Peter, imma f’ħafna u ħafna rkejjen madwar id-dinja; il-ħrafa ġiet tradotta f’tużżani ta’ lingwi. Bis-saħħa ta’ Horizons u t-traduttur Terence Portelli, illum il-Malti jgħodd fosthom.
Jien ma kontx wieħed minn dawn it-tfal. Għalkemm ili familjari mal-karattru ta’ Peter il-Fenek – u l-oħrajn li ħolqot Beatrix Potter – fil-fatt qatt ma kont qrajt il-ħrafa nnifisha qabel din il-verżjoni bil-Malti. U din forsi sservi ta’ tfakkira ta’ waħda mill-funzjonijiet tat-traduzzjoni letterarja: li twassal storja għand udjenza ġdida. Irrelevanti jekk dik l-udjenza tafx il-lingwa oriġinali. B’pubblikazzjoni ġdida, irriklamata f’suq ġdid b’lingwa ġdida, huwa inevitabbli li l-istorja tilħaq widnejn ġodda. Tabilħaqq, kien proprju minħabba l-fatt li din hi verżjoni bil-Malti li wara tant snin għażilt li fl-aħħar naqra l-istorja.
Fil-qosor, erba’ żrameġ aħwa jmorru jilagħbu qalb l-għelieqi. Qabel toħroġ, ommhom twissihom biex jaħarbu l-inkwiet, u twissihom biex ma jersqux lejn il-ġnien tas-Sur McGregor. It-tlieta l-bravi, Flopsi, Mopsi, u Denbabjad, jobdu. Iżda Peter, kurjuż u kuraġġuż, jerħilha dritt lejn dan il-ġnien, u minkejja x-xatba magħluqa, isib mod kif jidħol. Tgħid x’se jiġri? Is-Sur McGregor se jinduna? Peter se jiġrilu bħal missieru, li spiċċa f’torta, jew se jaħrab? Kif? Il-bqija tal-ħrafa tinvolvi għadd ta’ tlajja’ u nżul fl-azzjoni u l-eċitament, hekk kif Peter jesperjenza liwja wara l-oħra f’din il-ħarġa qasira.
Faċli tifhem għalfejn l-istorja maħbuba tant. Ibda biex, mhux biss hemm l-annimali, iżda annimali ħelwin. Peter, għalkemm imqareb, ma tistax ma tħobbux. U meta konna tfal, ngħiduha kif inhi, mhux kollha kemm aħna konna nħobbu nkunu dik in-naqra żgħira mqarbin darba kultant? Fl-istorja, hemm distinzjoni ċara bejn il-karattru simpatiku Peter u l-“ħażin” McGregor, distinzjoni magħmula iżjed ċara mill-fatt li wieħed hu annimal gustuż u l-ieħor bniedem bi storja ppreżentata bħala salvaġġa – dik li sajjar lil missier il-protagonist. Madankollu wieħed irid jgħid li meta naqbdu din l-istorja bħala adulti, forsi mill-ewwel nindunaw li min hu l-karattru t-tajjeb u min hu l-ħażin mhix ovvja daqskemm tidher f’għajnejn il-qarrejja ċkejknin, forsi anki bis-saħħa tan-narrazzjoni. Is-Sur McGregor, wara kollox, kulma kien bniedem bieżel – l-istorja ssemmi kemm-il darba li kien medhi b’xogħlu – li daħallu fil-proprjetà tiegħu dak l-imbierek fenek u qabad jikollu l-uċuħ tar-raba’ li tant kien għamel sforz biex ikabbarhom! Imma dik hi s-sbuħija tal-letteratura għat-tfal. Ħafna drabi tkun immirata lejn żewġ udjenzi, it-tfal stess u l-ġenituri tagħhom li, normalment, jew jaqrawlhom l-istorja jew jaqrawha magħhom.
L-istampi li jakkumpanjaw il-kliem, li tpinġew minn Potter stess, jgħinu joħolqu s-sens ta’ meravilja bl-isbuħija tagħhom, imma ħafna mill-qawwa tal-ktieb ġejja mill-kliem użat. Il-fatt li qatt ma kont qrajt l-istorja bl-Ingliż imma li affaxxinatni, tant li spiċċajt qrajt il-ktieb iktar minn darba, naħseb waħdu juri li t-traduzzjoni taħdem. It-ton tan-narrazzjoni huwa tajjeb u jaqbel sew ma’ dak ta’ Potter innifisha (għax, fil-fatt, it-traduzzjoni ħeġġitni naqra l-ktieb bl-Ingliż ukoll). It-traduttur ma jibżax juża xi kelma ’l hemm u ’l hawn naqra diffiċli imma preċiża, li kważi kważi tista’ tgħallem lill-adulti, wisq iżjed lit-tfal, imma b’mod ġenerali l-lingwaġġ użatt mhuwiex kumpless u hu adattat għal udjenza ta’ età żgħira.
Inkun qed nonqos jekk ngħid li din traduzzjoni perfetta. Nuqqasijiet fiha, u mhumiex waħdiet. Meta taqra l-ktieb tgħajjat, kif spiss nagħmlu bil-kotba għat-tfal, jispikkaw ferm iżjed. F’diversi mumenti hemm dak in-naqra sens robotiku, li jfakkrek li hi traduzzjoni. Kultant l-interferenza tal-Ingliż hija ċara. L-ammont ta’ pronomi li hemm, pereżempju, ma jinħassx naturali għal kelliem nattiv. L-ordni tal-kliem ukoll mhux dejjem hija ideali anki jekk hu veru li l-Malti flessibbli fis-sintassi. Is-sintassi ġieli ttellef ftit mill-qari tas-sentenza, u ġieli, ħassejt, kważi saħansitra affettwat it-tifsira. Hemm ukoll numru żgħir ta’ frażijiet li t-traduzzjoni tagħhom żammet wisq mal-Ingliż tant li jinħassu sfurzati, li forsi meta tkun qed taqra ta’ malajr lanqas tagħti kashom imma meta tieqaf taħseb fuq dak li għadek kif qrajt tirrealizza li l-ebda narratur ma’ kien se jgħidhom bil-Malti, li kieku mhux għax qed jittraduċi. Imma mbagħad hemm ħafna u ħafna mumenti fejn l-għażliet huma tajbin sew, li jnessuk b’dawn in-nuqqasijiet u jħallu fik is-sens ta’ għeġubija li ħassejt jien bħalma ħassewh eluf kbar ta’ nies li qraw il-ktieb b’lingwi differenti tul għexieren ta’ snin.
Kollox ma’ kollox, minkejja dan, nittama li Portelli jġibilna bil-Malti iktar mill-ħrejjef bi protagonisti annimali ta’ Beatrix Potter. B’naqra iżjed editjar tat-test tradott, nemmen li n-nuqqasijiet jistgħu jiġu mminimizzati u l-ħafna li hemm tajjeb jispikka iżjed. Jekk irridu lit-tfal jaqraw iktar bil-Malti, iktar traduzzjoni ta’ klassiċi maħbubin madwar id-dinja ma tkunx pass ħażin.