Kotba | Il-Komiċità Li Ċċanfar
Patrick Sammut jitkellem mat-traduttur George Cassola, li qaleb żewġ kummiedji tad-drammaturgu Franċiż Molière għall-Malti. Tartuffe — Ix-Xħiħ (2023) hija d-disgħa u għoxrin pubblikazzjoni mis-Sensiela Traduzzjoni Faraxa
Patrick Sammut: Għaliex għażilt xogħol teatrali, u mhux rumanz jew novelli? Għaliex Molière? U għaliex, minn 33 xogħol tiegħu, Tartuffe u Ix-Xħiħ?
George Cassola: Jiena fil-passat kont attiv f’diversi għaqdiet letterarji u għamilt ukoll bosta snin fil-kumitat tal-kumpanija teatrali MADC. Kien hemm żmien meta t-Teatru Manoel kien jeżiġi li kumpaniji li kienu regolarment itellgħu rappreżentazzjoni fit-Teatru kellhom jagħmlu almenu waħda fis-sena bil-Malti. Billi kien hawn nuqqas ta’ materjal adegwat bil-Malti, konna ddeċidejna li ntellgħu traduzzjoni u l-ewwel l-għażla waqgħet fuq Molière. Ħassejna li apparti l-komiċità, li tingħoġob dejjem mal-udjenzi, il-messaġġi satiriċi ta’ Molière kienu għadhom jappellaw anke għal żmienna.
L-ewwel produzzjoni kienet Il-Marid Immaġinarju u xi snin wara saret Tartuffe. It-Tartuffe kienet miktuba bil-versi u r-rima, u fit-traduzzjoni ridt inżomm l-istess stil, għalhekk kienet biċċa xogħol aktar diffiċli. Xi snin wara qlibt ukoll L’Avare. Din il-pubblikazzjoni li għandna f’idejna ridna nindirizzawha mhux biss għad-dilettanti tat-teatru imma wkoll għall-istudjużi tal-letteratura, għalhekk dehrilna li Tartuffe, b’xi ftit versi rtokkati, u L’Avare, fil-verżjonijiet bil-Malti kienu l-aktar tnejn adattati għall-pubblikazzjoni.
Xi tgħid dwar l-intertestwalità u l-importanza tagħha anki f’rabta mad-drammi ta’ Molière?
Ma narax li f’dawn iż-żewġ kummiedji ta’ Molière hemm xi element qawwi ta’ intertestwalità jew li għandu xi importanza partikolari. Fit-Tartuffe, hemm xi allużjonijiet bibliċi għal Mosè u t-torri ta’ Babel, u mbagħad hemm diskors partikolari ta’ Cléante fejn isemmi karattri letterarji u storiċi Griegi u Rumani. Dawn jissemmew biex jagħmel eżempju mill-vizzji u l-virtujiet tagħhom. F’L-Avare hemm doża aktar qawwija, għaliex Molière jieħu minn għejjun tal-letteratura Latina, speċifikament minn Platun, u anke minn drammaturgi ta’ żmienu biex jgħaqqad l-elementi tad-dramm flimkien. Imma ma narax li r-referenza għal sorsi ta’ qablu għandha xi importanza speċjali fl-iżvilupp u l-eżitu tal-kummiedji tiegħu.
Imbagħad, jekk inħarsu lejn il-kummiedji ta’ Molière, naraw intertestwalità f’uħud minnhom fl-istruttura tal-istorja u tal-iżvilupp tagħha. Iż-żewġ drammi f’dan il-ktieb it-tnejn għandhom missier protagonist li għandu xi difett jew vizzju li hu s-suġġett tal-kritika. It-tnejn għandhom bint li għandha l-maħbub li jrid jiżżewwiġha, imma li l-missier irid iżewwiġha ma’ raġel ieħor tal-għażla tiegħu. U t-tnejn jiżviluppaw f’sitwazzjoni li diffiċli toħroġ minnha sakemm jitfaċċa d-deus ex machina li jsolvi kollox b’wiċċ il-ġid.
Iċ-ċanfira morali u d-drammatiċità fuq naħa, u s-satira u l-vulgarità li xi drabi tixref f’xi persunaġġi. Dawn jingħaqdu flimkien f’dawn id-drammi ta’ Molière. X’effett iridu jilħqu?
Ħafna drabi l-pubbliku jfittex it-teatru għax irid jiddeverti u jidħaq. Is-satira u l-vulgarità huma żewġ mezzi ċerti li se jiġġeneraw id-daħq. Molière iġiegħel lill-udjenzi tiegħu jidħqu bil-vizzji ta’ wħud mill-karattri tiegħu biex imbagħad jagħti tagħlima permezz taċ-ċanfira morali. Il-kuntrast bejn il-falzità u r-realtà jgħin biex iwassal għal dan ir-riżultat. Pereżempju fiż-żewġ drammi hija ridikolata l-ipokrisija tal-missier li jippretendi li qed jaħdem għall-ġid ta’ bintu (il-falzità) meta fil-fatt kull ma qed jagħmel hu li jbigħ lil bintu għall-għanijiet tiegħu (ir-realtà).
Tartuffe jieħu l-għamla ta’ 5 atti f’versi; Ix-Xħiħ jieħu l-għamla ta’ 5 atti fi proża. Liema kienet l-ikbar sfida meta ġejt biex tittraduċihom għall-Malti? Għaliex? Ir-rima mbewsa f’Tartuffe kemm ħallietlek spazju sabiex tibqa’ leali lejn dak li nkiteb fl-oriġinal?
Bla dubju Tartuffe kien sfida akbar minn Ix-Xħiħ, proprju minħabba l-fatt li ridt inżommu fil-forma ta’ versi bir-rima kif inhu fl-oriġinal. It-traduttur għandu jkun kemm jista’ jkun fidil lejn il-kitba oriġinali. F’dan il-każ, għażilt li l-ewwel lealtà tkun lejn il-forma, imma dan ma jfissirx li kont liberu li nibdel it-test kif jogħġob lili. Li kelli nagħmel biex inżomm il-metrika u r-rima hu li xi drabi kelli nsib kliem jew espressjonijiet alternattivi imma mingħajr ma nikkomprometti l-ħsieb li ried iwassal l-awtur. F’Ix-Xħiħ, li huwa miktub bi proża mexxejja, ma kien hemm xejn minn dawn id-diffikultajiet.
Id-drammi ta’ Molière u ċ-ċensura. Kemm hu importanti dan il-ġeneru biex iwassal ċerti messaġġi lill-poplu, u kif jirnexxilu jolqot fil-laħam il-ħaj? Għandu jkun hemm ċensura, u jekk iva sa fejn għandha tasal?
Ċertament il-forma letterarja u artistika li tikkritika dak li l-awtur jidhirlu li hu ħażin m’għandhiex tkun maħnuqa, għaliex din tipprovoka dibattitu li jista’ jwassal għal titjib. B’danakollu l-libertà tal-kelma mhijiex assoluta, u llum, minkejja d-diskors li m’għadx hawn ċensura, fir-realtà ċ-ċensura qatt mhi se titneħħa għal kollox. Kitba ta’ kalunnja, diskors ta’ razziżmu, spettakli ta’ pornografija, biex nagħti ftit eżempji, huma pprojbiti, u bir-raġun. Għalhekk waqt li kulħadd għandu dritt jesprimi ruħu bil-libertà, id-domanda hi fejn għandha tinġibed il-linja fuq dik il-libertà.
Kemm huma attwali d-drammi ta’ Molière?
Sakemm fid-dinja jibqgħu jeżistu l-vizzji bħal ma huma l-ipokrisija, ir-regħba, ix-xeħħa, l-inġustizzja, l-għejra eċċ, id-drammi ta’ Molière jibqgħu topiċi, għaliex fil-karattri tagħhom naraw karikaturi ta’ nies li nafu u li nkunu magħhom kuljum, ġieli anke tagħna stess. Id-drammi juruna kemm aħna ridikoli meta nibqgħu mwaħħlin fil-vizzji tagħna minflok inwarrbuhom u nkunu miftuħin u sinċiera mal-oħrajn.
Min hu George Cassola bħala bniedem? Apparti dan il-ktieb għandek pubblikazzjonijiet oħra? Għandek ippjanat oħrajn?
Jiena llum pensjonant. Minn dejjem kelli mħabba qawwija lejn il-lingwa u l-letteratura, u ktibt għadd ta’ poeżiji, novelli, kanzunetti eċċ, l-aktar f’żgħożiti, uħud minnhom ippubblikati f’rivisti jew imxandra fuq ir-radju. Kien hemm minnhom li anke rebħu premjijiet f’diversi konkorsi u festivals.
Kelli karriera twila fil-finanzi, u ppubblikajt xi artikli fuq is-suġġett u ħriġt żewġ dizzjunarji bit-termini Maltin tal-kontabilità u n-negozju. Molière huwa l-ħames ktieb tiegħi. Għandi diversi kitbiet oħra li nista’ nippubblika. Dawn jinkludu ġabra ta’ novelli bl-Ingliż ibbażati f’Malta, u serje ta’ ħrejjef għat-tfal li minnhom għadu ħareġ biss l-ewwel volum. Ma neskludix li fil-futur nista’ nippubblika kotba oħrajn.