Kotba | ‘Trid tkun ir-rieda ta’ poplu li jistejqer mill-apatija biex jibdel il-kors tal-istorja tiegħu’

Patrick J. Sammut jitkellem ma’ Jane Micallef dwar il-kritika soċjali u l-kuxjenza ambjentali fost temi oħrajn f’rabta mar-rumanz tagħha 2070 (Faraxa Publishing, 2023).

Il-ktieb '2070' ta' Jane Micallef
Il-ktieb '2070' ta' Jane Micallef

Patrick Sammut: 2070 (Faraxa Publishing, 2023) hu xogħol li mal-ewwel daqqa t’għajn jagħtina l-idea li hu rumanz futurista, imma bil-mod il-mod jakkwista xejriet tar-rumanz ta’ mħabba. Kif ġiet f’moħħok taħlita bħal din?

Jane Micallef: Fil-qosor, dak li nebbaħ l-ewwel ħsieb kienet il-kitba f’erba’ volumi ta’ Dr Herbert Ganado Rajt Malta Tinbidel, li jkopru mill-1900 sal-1969. Staqsejt lili nnifsi, “Min jaf kieku llum x’jikteb?” Ukoll, kienet laqtitni u impressjonatni ħafna l-kitba distopjana Brave New World (1932) u Brave New World Revisited (1958) tal-kittieb u filosofu Ingliż Aldous Huxley, fejn f’opra ta’ fantaxjenza ibassar stat ta’ dinja futura. Ġieni l-ħsieb li noħloq karattru li permezz tiegħu niġbor u ngħaqqad flimkien għarfien dwar l-imgħoddi ta’ pajjiżi li hu għal qalbi ħafna u li nibża’ li qiegħed jiġi mogħti l-ġenb, xi ġrajjiet oħra internazzjonali ta’ rilevanza, u mill-preżent attwali ninseġ il-viżjoni immaġinattiva tiegħi għal futur ġejjieni, billi qegħedt lil Jeremy, il-protagonist tar-rumanz, jgħix fis-snin futuri tas-sebgħinijiet. U biex ma tkunx kitba xotta ta’ sensiela ta’ ġrajjiet u fatti, rajt kif insawwar lil Jeremy f’żagħżugħ normali bil-ħajja affettiva tiegħu u l-ġrajjiet ta’ mħabba li jgħix tul ir-rumanz.

Ir-rumanz jistieden lill-qarrejja jirriflettu dwar kif tista’ tkun Malta minn hawn u nofs seklu ieħor, imma fl-istess ħin jagħrfu liema huma l-għeruq tagħhom. Mela ħarsa lejn il-ġejjieni u oħra lejn l-imgħoddi tagħha. Għaliex ħassejt il-bżonn ta’ dan kollu llum?

Wieħed jgħix mument wara ieħor fi preżent kontinwu, imma l-moħħ spiss jaħrab lejn l-imgħoddi jew jiġri lejn il-futur. It-tlieta jimxu flimkien il-ħin kollu bħal labra ta’ boxxla tiċċaqlaq kontinwament lejn naħa jew oħra. L-istorja passata miktuba u ma tistax titħassar. Il-konsegwenza tal-bieraħ hija tal-lum fil-biċċa l-kbira, u llum żgur ħa jinfluwenza b’xi mod jew ieħor lill-għada u l-ġejjieni. Iżda mill-passat, sew individwali, kif ukoll kollettiv, wieħed fil-preżent jista’ jirrifletti u jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw l-andament tal-ġejjieni. Fil-kitba tiegħi, din il-ħaġa tiżvolġi hekk kif ħarsa lejn l-imgħoddi ta’ arti u lil hinn minnha, sal-qagħda preżenti tal-ġurnata tal-lum tnebbaħ kif fl-immaġinazzjoni tiegħi noħloq u nibni futur kollu kemm hu fittizju … jew, min jaf?

Dan hu anke xogħol ta’ natura ambjentalistika ladarba jissemmew spiss ir-raba’ u l-ħamrija, is-siġar, u l-baħar. Dawn bħal joffru duwa kontra t-trawma li jgħaddi minnha l-protagonist, imma bħala awtriċi donnok qed tgħidilna wkoll li jekk nitilfu dawn bħala poplu u pajjiż sa nidħlu fi trawma li għaliha m’hemmx soluzzjoni. Kemm hu minnu dan?

Hemm xi dubju li dawn diġà bdew jintilfu sew? Kemm-il roqgħa ħamrija diġà nsterqet u tgħattiet konkos? Kemm siġar, uħud li kienu għaddew għexieren twal ta’ snin minn fuqhom tqaċċtu bla bżonn? Mhux ta’ b’xejn naraw li s-saħħa mentali tan-nies qiegħda tbati. Jeremy wkoll fl-2070 isib ruħu vittma ta’ dawn in-nuqqasijiet kollha, li sa dak iż-żmien immaġinarju laħqu livelli li llum inqisuhom fantaxjenza. Wasal biex ikun imxennaq għal ponn ħamrija u xitla ta’ veru. Kellha tkun dar antika ta’ missirijietu li radditlu l-fejqan mit-trawma li kellu jgħaddi minnha, waħda ironikament provokata minn ħaġa definita bħala kisba kbira ta’ progress li bdiet tiżviluppa fi żminijietna, l-Intelliġenza Artifiċjali, perikoluża daqs kemm hi siewja.

Il-livell kritiko-soċjali jixref ukoll meta ssemmi elementi li qed iseħħu llum u li xejn ma jippromettu tajjeb, bħas-sekularizzazzjoni tal-iskejjel u t-tneħħija tar-reliġjon mill-kurrikulu, iż-żieda bla kontroll fil-popolazzjoni, it-tniġġis fl-arja u r-regħba tal-iżviluppaturi. Xi tgħid dwar il-kittieb bħala l-polz ta’ dak li qed iseħħ fil-pajjiż? Kemm taħseb li l-letteratura ta’ dan it-tip se tinfluwenza l-mod kif il-Maltin tal-lum u ta’ għada se jġibu ruħhom quddiem kwistjonijiet importanti bħal dawn?

Semmejthom int. Inħoss li Malta ħasset xokk soċjali u kulturali qawwi li ġie fuqha f’daqqa, bħal tsunami ngħid jien, ftit ta’ snin ilu, meta bħala Maltin b’identità u karatteristiċi tagħna ġejna affaċċjati b’kundizzjonijiet u deċiżjonijiet politiċi li l-poplu ma kienx ippreparat għalihom u li qatt ma stenna. Inħoss sinċerament li minkejja l-faċċata ta’ pożittività, suċċessi u kuntentizza, bħalissa kull Malti li ġenwinament iħobb lil pajjiżu, iħoss sens ta’ diqa anke jekk moħbija, fil-fond ta’ qalbu. Il-kundizzjoni preżenti hija tali li fl-2070, jekk tibqa’ sejra bl-istess ritmu u ma tibdilx id-direzzjoni, żgħażagħ bħal Jeremy ħa jsibu lil Malta tagħna forsi agħar milli immaġinajtha jien fil-ktieb. Bħal kull kittieb u kull poeta li m’għandu ebda interess jgħid kelma b’oħra, u jgħid bla tlaqliq dak li jħoss, nemmen li bħalma ġara ħafna drabi fl-istorja, il-kliem ta’ nies bħal dawn iħalli dejjem x’wieħed jixtarr, u b’hekk jinfluwenza lill-qarrej.

F’2070 taħkem it-tema tal-mewt, imma anki ta’ tiġdid u riġenerazzjoni. Huma esperjenzi li jġarrab il-protagonist. Jista’ dan kollu japplika fuq livell nazzjonali fis-sens li jista’ jiftiehem bħala għajta biex il-poplu Malti jqum mir-raqda u jġedded ruħu?

Jeremy, barra li kien qiegħed jgħix f’ambjent li kien iħossu inkompatibbli miegħu, kellu wkoll jaffaċċja trawmi serji li setgħu kissruh għalkollox. Iżda bit-tiftix interjuri tiegħu, ir-rieda konsistenti li saqitu biex iwettaq l-ambizzjoni tiegħu b’suċċess, u fl-aħħar l-imħabba, ħarġuh rebbieħ u bniedem aktar sħiħ milli qatt kien qabel. Iva, jista’ jkun meqjus ukoll bħala analoġija fuq livell nazzjonali. Bħalma Jeremy ma ddisprax fis-sitwazzjonijiet prekarji li sab ruħu fihom, intelaq u waqa’ vittma taċ-ċirkostanzi imma rreaġixxa u ssielet, trid tkun ir-rieda ta’ poplu li jistejqer mill-apatija biex jibdel il-kors tal-istorja tiegħu.

More in Arti