Kotba | Min hu Pawlu li taf int?
Elena Cardona tesplora t-tifkiriet dwar Pawlu Mizzi, ġentlom u ġgant kbir fil-letteratura u l-ktieb Malti, permezz tal-ktieb Pawlu li Naf Jien (Klabb Kotba Maltin, 2024), editjat minn Sergio Grech
Niftakar li meta t-Trade Fair kienet għadha ġewwa n-Naxxar, dejjem kont nagħmel ċert li nżur is-sezzjoni tal-kotba, li fiha kien ikun hemm Pawlu Mizzi flimkien ma’ wliedu jbigħu l-kotba. Kien iż-żmien meta kienu joħorġu l-kotba tal-avventuri u kull sena kien ikolli ġenn biex nixtri avventura jew tnejn ħalli ngħaqqadhom kollha. Lil Pawlu Mizzi kont rajtu l-ewwel darba hawnhekk iżda ma kontx naf min kien u fil-verità ftit li xejn għadni niftakru. Għaddew ħafna snin meta rġajt iltqajt ma’ Pawlu Mizzi jew aħjar mal-kitbiet tiegħu f’serata ġewwa Il-Ħaġar. Joseph Mizzi, iben Pawlu, kien stedinni biex naqra silta Mid-Dinja Ċkejkna Tiegħi (Klabb Kotba Maltin 2020), ġabra ta’ kitbiet ta’ missieru dwar Għawdxin li għandhom jibqgħu mfakkra. F’dak iż-żmien kont bdejt naħdem ma’ Joseph Mizzi u Jean Paul Borg fuq l-editjar ta’ Damasku Tiegħi (KKM 2021) u aktar ’il quddiem fuq il-ġabra ta’ poeżiji tiegħi.
Biex insir naf aktar lil Pawlu ddeċidejt li naqra l-ktieb Pawlu li Naf Jien: Tifkiriet ta’ Nies Qrib Pawlu Mizzi, ippubblikat minn Klabb Kotba Maltin fl-2024. Ma nistax ma nsemmix xi affarijiet li laqtuni sew fil-produzzjoni ta’ dan il-ktieb. L-ewwel nett, il-biċċa xogħol kbira li għamel l-editur Sergio Grech. Ta’ min jaċċenna li Grech kien ukoll l-editur tal-ktieb Mid-Dinja Ċkejkna u għalhekk kien familjari sew max-xogħol ta’ Mizzi. Ix-xogħol tal-editjar, apparti li kien jinvolvi l-qari u reviżjonijiet ta’ kull ‘tifkira’ li nkitbet dwar Pawlu Mizzi, irrekjeda wkoll it-tqassim ta’ tnejn u erbgħin tifkira wara xulxin, b’tali mod li jagħmlu sens u joħolqu sekwenza fil-qari minkejja li miktuba minn nies differenti. L-awturi ta’ dawn it-tifkiriet huma varji: wieħed isib kitbiet minn uliedu, martu u ħuh, oħrajn minn Għawdxin bħal Pawlu Mizzi stess, minn akkademiċi u kittieba stabbiliti Maltin, u min-nies oħra li f’ħajjithom kellhom ix-xorti jsiru midħla tiegħu. Kif jgħid tajjeb Joseph, dan hu ktieb li fih il-qarrejja jsibu ‘bosta kitbiet li xi ftit jew wisq jitfgħu dawl fuq missieri – minn nies li kienu jafuh fi tfulitu u fil-ħajja privata jew li ħadmu miegħu. Hemm oħrajn li ltaqgħu miegħu lejn l-aħħar ta’ ħajtu’.
Kif jistqarr iben Mizzi fil-bidu tal-ktieb, ‘dan il-ktieb hu ta’ ħafna nies. Kollha għandhom rakkont u tifkira ta’ dan Pawlu Mizzi’. Dawn il-kelmiet ġagħluni nirrifletti x’tip ta’ ġeneru hu dan il-ktieb. Bijografija? Awtobijografija? Tal-aħħar mhux żgur peress li ma nkitibx minn Pawlu Mizzi stess. Jien nikklassifikah mal-ġeneru li bl-Ingliż jissejjaħ life writing, li hu stil narrattiv li jxaqleb lejn dak li hu personali u jġorr miegħu sens ta’ intimità. Waqt li l-bijografija u l-awtobijografija huma wkoll parti mill-ġeneru ta’ life writing, l-għan tat-tifkiriet hu li jagħtu testimonjanza vibranti u flessibbli, ikunu veri u riflessivi. Bla dubju, dawn it-tifkiriet ilaqqgħu lill-qarrejja ma’ Pawlu l-missier, il-ħabib, il-ħassieb, il-ġentlom u l-missier tal-ktieb Malti. Għalhekk dan hu Pawlu Mizzi skont kif jiftakruh dawk ta’ qribu u ta’ madwaru, dan hu Pawlu Mizzi maħluq u msejjes minn ħafna nies. Barra minn hekk, ir-ritratti li hemm fin-nofs tal-ktieb jikkumplimentaw lil dawn il-memorji sinifikanti u jgħinu lill-qarrejja jibnu immaġni ċara u dettaljata ta’ min hu Pawlu Mizzi.
Xi ħaġa oħra li ġagħlitni nitbissem u fl-istess ħin nitħasseb hu l-kumment ta’ Charles Cini, fejn jenfasizza li l-‘gżira ta’ Għawdex kienet żgħira u magħluqa wisq għall-moħħ kbir u l-qalb sensibbli ta’ Pawlu’. Kliem simili għal dan, ġa kien qalu Agius de Soldanis mijiet ta’ snin qabel, meta jirrakkonta kif kien iħossu maqtugħ waħdu ġewwa Għawdex għax ma kienx hemm nies li għandhom l-istess gosti letterarji u akkademiċi tiegħu. Minkejja dan kollu ‘Pawlu Mizzi kien Għawdxi li qatt ma ċaħad lil Għawdex. Kien kburi mill-oriġini tiegħu, mill-gżira tiegħu, minn niesha u minn daru. Għalkemm kien konxju mil-limitazzjonijiet u l-isfidi Għawdxin, qatt ma staħa jgħid minn fejn hu. ‘Huwa fatt magħruf li Għawdex minħabba ċ-ċokon tiegħu huwa limitat iżda dan m’għandux jaqta’ qalb dak li jkun. Li kieku Mizzi m’għamilx il-kuraġġ u stabilixxa ruħu Malta, kieku sal-lum il-ġurnata m’għandniex dan il-wirt ta’ kotba impekkabbli bil-Malti – wisq probabbli llum lanqas kont inkun nikteb din ir-reċensjoni dwaru.
Fuq kollox, din il-pubblikazzjoni hija prezzjuża wisq. Il-ktieb, b’qoxra iebsa, hu ideali bħala rigal jew għall-kollezzjoni, iżda wkoll għal dawk li jħobbu jaqraw Malti tajjeb, mexxej u leġġer. Fuq il-qoxra ta’ quddiem hemm tpinġija ta’ Pawlu Mizzi minn Luciano Micallef, kollha lwien bħalma kien imlewwen il-karattru ta’ Mizzi u dawn it-tifkiriet dwaru. Dan il-ktieb hu ta’ bilħaq biċċa xogħol letterarja u bla dubju artistika.
Jekk nerġa’ mmur lura għat-titlu ta’ din ir-reċensjoni, it-tweġiba tiegħi hija sempliċi: Pawlu li naf hu Pawlu minqux fil-kotba ta’ Klabb Kotba Maltin u Midsea Books u l-imħabba tiegħu għall-Malti, li ġiet trasmessa mhux lili biss, iżda lil kull min jaqra kotba ppubblikati minnu. Imma għalik, min hu Pawlu? Dak il-‘pijunier ta’ ħafna aspetti’? Jista’ jkun li inti ma kellekx l-opportunità li tiltaqa’ ma’ Pawlu f’ħajtu iżda issa tista’ ssir tafu permezz ta’ dan il-ktieb.